ŻAKKARIJA 6
6
Kapitlu 6
It-tmien dehra: il-karrijiet
1U għal darb’oħra rfajt għajnejja u ħarist; u ara, kien hemm erba’ karrijiet#6,1: Kien hemm erba’ karrijiet: dawn il-karrijiet jirrappreżentaw il-qawwa ta’ Alla ħierġa biex tikkastiga lill-ħżiena, l-aktar l-art tat-Tramuntana, il-Babilonja. ħerġin minn bejn iż-żewġ muntanji tal-bronż.#Apk 6,2-8. 2Mal-karru ta’ quddiem kien hemm żwiemel ħomor, mat-tieni karru żwiemel suwed,#Żak 1,8. 3mat-tielet karru żwiemel bojod, u żwiemel imnaqqxa u fuq tagħhom mar-raba’ karru.” 4U jiena qbadt u għedt lill-anġlu li kien ikellimni: “Dawn x’inhuma, sidi?” 5Weġibni l-anġlu u qalli: “Dawn huma l-erbat irjieħ tas-sema ħerġin minn quddiem Sid l-art kollha.#S 104,4; Żak 1,8; 4,14; Apk 7,1. 6Iż-żwiemel is-suwed sejrin lejn art it-Tramuntana; il-bojod sejrin wara dawn lejn art il-Punent; u l-imnaqqxin sejrin lejn art in-Nofsinhar.” 7U dawk fuq tagħhom ħarġu ħfief biex ifittxu jmorru ħa jiġġerrew mal-art. U qalilhom: “Morru ġġerrew mal-art.” U huma ġġerrew mal-art. 8Imbagħad sejjaħli u kellimni: “Ara,” qalli, “dawk li sejrin lejn art it-Tramuntana se jserrħu l-ispirtu tal-Mulej fuq art it-Tramuntana.”
Il-kuruna tal-glorja
9U waslitli l-kelma tal-Mulej u qalli: 10“Ħu l-offerti tal-itturufnati mingħand Ħeldaj u Tobija u Ġedajja, u mur int illum stess, mur għand Ġosija bin Sefanija, li ġie wkoll minn Babilonja. 11U ħu fidda u deheb, agħmel kuruna u qegħedha fuq ras Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir. 12Kellmu u għidlu: ‘Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Ara l-bniedem li ismu hu r-Rimja#6,12: Ara l-bniedem li ismu hu r-Rimja: ir-Rimja hu l-Messija; ara 3,8. Ġożwè hu tip tiegħu bħala qassis; ara 3,8-10. Żerubbabel, il-bennej tat-tempju materjali, bħala prinċep; ara 4,6-10. Dawn iż-żewġ dinjitajiet ingħaqdu fil-persuna tal-Messija.; mill-post fejn qiegħed hu għad jinbet u jibni s-santwarju tal-Mulej.#Is 4,2; Ġer 23,5; 33,15; Żak 3,8; Ef 2,20; Lhud 3,3. 13Ikun hu li jibni s-santwarju tal-Mulej, u hu jieħu fuqu l-glorja ta’ sultan, u joqgħod jaħkem fuq it-tron tiegħu. U fuq il-lemin tiegħu jkun hemm qassis, u bejniethom it-tnejn ikun hemm ftehim ta’ sliem.”#S 110,4; Lhud 3,1. 14U l-kuruna tkun għal Ħeldaj, għal Tobija, għal Ġedajja, u għal Ġosija bin Sefanija, bħala tifkira fis-santwarju tal-Mulej. 15U l-imbegħdin jiġu u jibnu s-santwarju tal-Mulej. U intom tagħrfu li kien il-Mulej tal-eżerċti li bagħatni għandkom. U dan jiġri jekk intom tisimgħu u tagħtu widen għal-leħen tal-Mulej, Alla tagħkom.”#Dt 28,1; Ef 2,19-20.
Currently Selected:
ŻAKKARIJA 6: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.