YouVersion Logo
Search Icon

ŻAKKARIJA 4

4
Kapitlu 4
Il-ħames dehra: l-imnara u s-siġar taż-żebbuġ
1U l-anġlu li kien ikellimni raġa’ qajjimni bħal meta bniedem jistenbaħ min-ngħas tiegħu. 2U qalli: “X’inti tara?” “Ara,” għedtlu jien, “qed nilmaħ imnara kollha kemm hi tad-deheb, u bieqja fuq il-quċċata tagħha, u seba’ msiebaħ fuqha, b’seba’ żennuniet għall-imsiebaħ ta’ fuqha;#Eż 25,31-40; Apk 1,12. 3u wkoll żewġ siġriet taż-żebbuġ maġenbha, waħda fuq il-lemin tal-imnara u l-oħra fuq ix-xellug tagħha.”#Apk 11,4. 4U qbadt ngħid lill-anġlu li kien ikellimni: “Dawn x’inhuma, sidi,” għedtlu. 5U l-anġlu li kien ikellimni qabad u qalli: “Ma tafx x’inhuma dawn?” “Le, sidi,” għedtlu jien. 6Imbagħad weġibni u qalli: “Din hi l-kelma tal-Mulej dwar Żerubbabel: La bil-ħila u lanqas bil-qawwa, imma bl-ispirtu tiegħi, qal il-Mulej tal-eżerċti. 7Int x’int, muntanja kbira? Quddiem Żerubbabel issir wita! U huwa joħroġ il-ġebla ta’ fuq nett fost l-għajjat ta’ ‘Xi ġmiel! Xi ġmiel!’ ”
8U waslitli l-kelma tal-Mulej, hekk: 9“Idejn Żerubbabel qiegħdu s-sisien ta’ dan it-tempju, u idejh iwassluh sat-tmiem. U intom tagħrfu li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandkom. 10Għax dawk li maqdru l-jum tal-ħwejjeġ ta’ xejn, għad jifirħu xħin jaraw iċ-ċomb tal-qjies f’id Żerubbabel. “Dawn is-sebgħa huma għajnejn il-Mulej, li jiġru mal-art kollha.”#Żak 3,9; Apk 5,6. 11U jien staqsejtu: “X’inhuma dawn iż-żewġ siġriet taż-żebbuġ li hawn fuq il-lemin u fuq ix-xellug tal-imnara?”#Ġoż 3,11; Mik 4,13; Żak 6,5; Apk 11,4. 12“U x’inhuma,” tennejt nistaqsih, “iż-żewġ friegħi taż-żebbuġ li hemm maġenb iż-żewġ kanen tad-deheb li minnhom qed jitferragħ iż-żejt?” 13Weġibni u qalli “Ma tafx x’inhuma dawk?” “Le, sidi,” għedtlu. 14“Dawn,” qalli, “huma ż-żewġ Midlukin biż-żejt#4,14: Iż-żewġ Midlukin biż-żejt: Ġożwè, il-qassis il-kbir, u Żerubbabel, il-prinċep, it-tnejn midlukin biż-żejt tal-konsagrazzjoni, u jservu lill-Mulej, kull wieħed skont l-uffiċċju tiegħu. li hemm wieqfa quddiem Sid l-art kollha.”

Currently Selected:

ŻAKKARIJA 4: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in