YouVersion Logo
Search Icon

ŻAKKARIJA 12

12
Kapitlu 12
Ħelsien u tiġdid ta’ Ġerusalemm
1Oraklu. Il-kelma tal-Mulej dwar Iżrael. Oraklu tal-Mulej li firex is-smewwiet, li qiegħed is-sisien tal-art u li lill-bniedem ġo fih sawwarlu l-ispirtu tiegħu.#Ġen 2,7; Is 42,5.
2“Ara, jien se nagħmel minn Ġerusalemm tazza ta’ xorb li jsakkar għall-popli kollha ta’ madwarha, u jkunu f’assedju kontra Ġuda u kontra Ġerusalemm.#Is 51,17; Ġer 51,7. 3U jiġri dakinhar li lil Ġerusalemm nagħmilha bħal ġebla tat-tagħbija għall-popli kollha; kull min jitgħabba biha jkorri sewwa#12,3: Kull min jitgħabba biha jkorri sewwa: il-ħelsien ta’ Ġerusalemm u Ġuda jfissru l-aħħar rebħa ta’ Alla fuq l-għedewwa tiegħu kollha fi żmien il-Messija.. Il-ġnus kollha tal-art jinġemgħu kontriha.#Mt 21,44. 4Dakinhar, oraklu tal-Mulej, iż-żwiemel kollha nġenninhom bil-biża’ u nbellah ir-rikkieb tagħhom. Fuq id-dar ta’ Ġuda niftaħ għajnejja, imma nixħet għama fuq iż-żwiemel kollha tal-popli. 5Imbagħad it-tribujiet ta’ Ġuda jibdew jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: ‘Il-qawwa tan-nies ta’ Ġerusalemm tinsab fil-Mulej tal-eżerċti, Alla tagħhom.’#Żak 10,6-12. 6Dakinhar, it-tribujiet ta’ Ġuda nagħmilhom bħal kenur imħeġġeġ qalb l-injam, bħal torċa mqabbda qalb il-qatet, u jeqirdu fuq il-lemin u fuq ix-xellug il-popli kollha ta’ madwarhom, waqt li Ġerusalemm tibqa’ sħiħa fejn hi.#Għabd 18; Żak 14,10.
7“U l-Mulej isalva t-tined ta’ Ġuda l-ewwel, biex il-ġieħ tad-dar ta’ David u l-ġieħ ta’ dawk li jgħammru f’Ġerusalemm ma jkunx ikbar minn dak ta’ Ġuda. 8Dakinhar il-Mulej ikun tarka madwar in-nies ta’ Ġerusalemm u dak li fosthom ikun se jogħtor dakinhar isir bħal David; u d-dar ta’ David issir bħal Alla, bħall-anġlu tal-Mulej, quddiemhom.#Eż 32,34. 9U jiġri dakinhar li jiena nfittex neqred il-ġnus kollha li jiġu kontra Ġerusalemm.#Żak 14,3.
10“U fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb. U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu#12,10: Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu: Alla jnissel fi qlub il-Lhud il-ħniena u l-ispirtu ta’ talb. Jiddispjaċihom li jkunu qatluh., u jibkuh bħal wieħed li jibki lil ibnu l-waħdieni, u jokorbu għalih bħal min jokrob għal ibnu l-kbir.#Ġer 6,26; Għam 8,10; Ġw 3,14-16; 19,34-37; Kol 1,15-18; Apk 1,7. 11Dakinhar il-biki ta’ Ġerusalemm ikun kbir daqs il-biki ta’ Ħadad-rimmon#12,11: Il-biki ta’ Ħadad-rimmon: hawn kien ferut u miet f’battalja kontra l-Fargħun Neko, is-sultan Ġosija, mibki mill-poplu kollu; ara 2 Kron 35,22-25. Xi wħud jaħsbu li l-profeta kellu f’rasu l-lamentela ta’ kull sena tal-pagani f’ġieħ l-alla tal-fertilità Bagħal bl-isem ta’ Hadad-rimmon. fil-wita ta’ Megiddo.#2 Kron 35,22-25. 12U l-pajjiż jitbekka, kull familja għaliha: il-familja tad-dar ta’ David għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; il-familja tad-dar ta’ Natan għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; 13il-familja tad-dar ta’ Levi għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; il-familja ta’ Simgħi għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom; 14u l-familji kollha li jkun baqa’, kull waħda għaliha, bin-nisa tagħhom għalihom.”

Currently Selected:

ŻAKKARIJA 12: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in