YouVersion Logo
Search Icon

ŻAKKARIJA 10

10
Kapitlu 10
Fedeltà lejn il-Mulej
1Itolbu x-xita mingħand il-Mulej
meta tkun qorbot fl-aħħar:
il-Mulej li jagħmel il-beraq,
li jagħtihom il-ħalbiet tax-xita,
lill-bniedem il-ħaxix tar-raba’.#Dt 11,14; S 135,7; Ġer 14,22.
2Għax allat djarhom#10,2: Allat djarhom: it-terafim; ara Ġen 31,19 u 34-35; Mħ 17,5; 8,17-20. jgħidu kliem fieragħ;
dawk li jħabbru kellhom dehriet qarrieqa,
ifissru ħolm mhux minnu,
u għalxejn ifittxu jfarrġu.
Minħabba f’hekk tferrex bħal merħla l-poplu,
imsieken, għax m’għandhomx ragħaj.#Eżek 34,5; Mt 9,36; 26,31; Mk 14,27; Ġw 10,7-16.
Iżrael meħlus jitraġġa’ lura
3“Xegħlet il-korla tiegħi għar-rgħajja,
u se nikkastiga lill-kapijiet.
Iva, il-Mulej tal-eżerċti jieħu ħsieb il-merħla tiegħu,
li hi d-dar ta’ Ġuda,
u jagħmilha bħal żiemel glorjuż tiegħu fit-taqbida.#Eżek 34,2.
4Minnha toħroġ il-ġebla tax-xewka, minnha l-puntal,
minnha l-qaws tat-taqbid, minnha kull kap.
5Flimkien ikunu bħal gwerrier
li jgħaffġu fit-tajn tat-toroq fit-taqbid,
jissaraw għax il-Mulej magħhom,
u r-rikkieba taż-żwiemel jitħawdu.
6Insaħħaħ dar Ġuda,
insalva dar Ġużeppi,
u nerġa’ nġibhom lura,
għaliex ħennejt għalihom;
u jkunu bħalkieku qatt ma ċħadthom,
għax jiena l-Mulej, Alla tagħhom,
u nagħtihom dak li talbuni.#Is 41,17; Żak 10,12; 12,5.
7Imbagħad isir Efrajm bħal gwerrier qalbieni,
tithenna qalbhom bħalkieku bl-inbid;
uliedhom jaraw u jithennew,
u qalbhom tifraħ fil-Mulej.#S 104,15.
8U nsaffrilhom biex niġmagħhom,
għax jiena fdejthom,
u jsiru kotrana bħalma kienu.#Eżek 36,37.
9Ukoll jekk xerridthom fost il-ġnus,
iżda mill-artijiet imbiegħda jibqgħu jiftakruni,
u jrabbu ’l uliedhom u jerġgħu lura.#Dt 30,1-3; Bar 2,30-32; Lq 15,17.
10Nerġa’ nġibhom mill-art tal-Eġittu,
u niġmagħhom mill-Assirja;
indaħħalhom fl-art ta’ Gilgħad u fil-Libanu
u ma jinstabx wisa’ biżżejjed għalihom.#Is 11,11; 49,20; Hos 11,11.
11Għad jaqsmu l-baħar tal-Eġittu,
u hu jraġġa’ lura ħalel il-baħar,
u jitnixxfu qigħan in-Nil.
Jitwaqqa’ t-tkabbir tal-Assirja,
lill-Eġittu jitneħħielu x-xettru.#Is 11,15; Eżek 30,13.
12Inqawwihom fil-Mulej,
f’Ismu jkun il-ftaħir tagħhom,”
oraklu tal-Mulej.#Mik 4,5; Żak 10,6; 12,5.

Currently Selected:

ŻAKKARIJA 10: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in