LEVITIKU 19
MB20

LEVITIKU 19

19
Kapitlu 19
Preskrizzjonijiet reliġjużi u morali
1U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2“Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.#Lev 11,44-45; 17; 20,7; Mt 5,48; 1 Pt 1,16.
3“Kull wieħed għandu jweġġaħ lil ommu u ’l missieru u jħares is-Sibtijiet tiegħi: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.#Eż 20,8; 34,21; Lev 19,30; 26,2; Dt 5,12-16.
4“La ddurux lejn l-allat foloz, u tagħmlux allat tal-metall imdewweb: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.#Eż 20,3-5; 34,17; Lev 26,1; Dt 4,15-19; 27,15.
5“Meta toffru s-sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, qisu li toffruh b’mod li tkunu milqugħin tajjeb.#Lev 3. 6Il-vittma tikluha dak in-nhar li tissagrifikawha, jew l-għada; u l-fdal minnha taħarquh bin-nar fit-tielet jum. 7Jekk tikluha fit-tielet jum, tkun ħżienet u ma tingħoġobx.#Lev 7,18. 8Min jiekol jitgħabba bil-piż ta’ dnubu, għax ikun ipprofana ħaġa mqaddsa tal-Mulej, u jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu.
9“Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa’ mill-ħsad tiegħek.#Lev 23,22; Dt 24,19-21.
10“Ma għandekx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa’ fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
11“La tisirqux, la tgħidux kliem b’ieħor, la tqarrqux b’xulxin.#Eż 20,15-16; Dt 19,16-21; 24,7; 25,13.
12“La taħilfux b’ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.#Eż 20,7; Dt 5,11; Mt 5,33.
13“La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu.#Dt 24,14-15; Ġak 5,4.
14“La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l-agħma; imma tibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.#Dt 27,18.
15“La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa.#Eż 23,2-3; Dt 1,17; 16,19; S 82,2; Prov 24,23.
16“Tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej.
17“La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.#Mt 18,15; Lq 17,3; Gal 6,1; 1 Ġw 3,14.
18“La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek#19,18: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek: hawn għajrek tfisser niesek jew Iżraelin bħalek.: Jiena l-Mulej.#Mt 5,43; 22,39; Mk 12,31; Lq 10,27; Rum 13,9; Gal 5,14; Ġak 2,8.
19“Ħares il-liġijiet tiegħi. Il-bhejjem tiegħek iżżewwiġhomx ma’ bhejjem ta’ ġens ieħor; l-għalqa tiegħek tiżragħhiex b’żerriegħa mħallta; u tilbisx ilbies b’ħajt imħallat.#Dt 22,9-11.
20“Jekk raġel jimtedd ma’ mara lsira, imgħarrsa ma’ raġel ieħor, bla ma tkun mifdija jew meħlusa, ikkastigahom; iżda tagħtihomx il-mewt, billi l-mara ma tkunx ħielsa. 21Ir-raġel joffri sagrifiċċju lill-Mulej b’riparazzjoni quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; iġib muntun b’riparazzjoni. 22U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bil-muntun tar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub li jkun għamel dak li jkun, u hekk jinħafirlu dnubu.
23“Meta tkunu dħaltu fl-art u ħawwiltu siġar ta’ kull xorta ta’ ikel, il-frott tagħhom ipprojbit għalikom, bħallikieku mhux maħtun#19,23: Bħallikieku m’hux maħtun: is-siġra tarija, bħallikieku tarbija tat-twelid qabel il-ħtin, ma tagħtix frott tajjeb; fir-raba’ sena l-ewwel frott għandu jingħata lill-Mulej., u jibqa’ pprojbit għalikom għal tliet snin, u ma tistgħux tieklu minnu.#Ġen 17,10. 24Fir-raba’ sena, il-frott kollu jkun imqaddes, b’offerta f’ġieħ il-Mulej. 25Fil-ħames sena tieklu l-frott, u hekk tiżdidilkom il-ġabra: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
26“La tiklux laħam bid-demm. La tagħmlux taħbir jew sħarijiet.#Lev 1,5; 3,17; 7,10-16; 19,31; Dt 12,16; 18,10; 2 Slat 17,17; 21,6. 27La taqtgħux xagħarkom dawra tond, u anqas taqtgħu truf leħjitkom.#Lev 21,5; Dt 14,1.
28“Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet#19,28: Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet: drawwiet ta’ vistu fost il-Kangħanin pagani. L-Iżraelin, l-aktar il-qassisin, ma għandhomx jagħmlu bħalhom; ara 21,5., u anqas tpinġu tpinġija fuqkom: Jiena l-Mulej. 29“La tkasbarx lil bintek billi twaqqagħha fiż-żina, u hekk ma tiżnix artek u timtela bil-faħx.#Dt 23,17-18.
30“Ħares is-Sibtijiet tiegħi, u agħti ġieħ lis-santwarju tiegħi: Jiena l-Mulej.#Eż 20,8-11; 23,12; 34,21; 35,2-3; Lev 19,3; 26,2; Dt 5,12-15.
31“La tmurx għand is-saħħara li jsejħu l-erwieħ u la tfittxux lil min jeħber; la tiċċappsux bihom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.#Lev 19,26; 20,6; Dt 18,11; 1 Sam 28,7; Is 8,19.
32“Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih qima u ibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.
33“Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux.#Eż 22,20-21; 23,9; Ġer 22,3; Mal 3,5. 34Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
35“La tqarraqx fil-ħaqq, fil-qjies, fl-użin u fil-kejl.#Dt 25,13-16; Għam 8,5; Is 10,1-2. 36Ikollkom miżien sewwa, piż sewwa, efa sewwa u ħinn sewwa.#Prov 11,1; 16,11; 20,10; Eżek 45,10.
“Jiena l-Mulej Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu. 37Ħarsu l-liġijiet kollha u d-digrieti kollha tiegħi u qisu li tagħmluhom: Jiena l-Mulej.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.


Learn More About IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA