LEVITIKU 20
20
Kapitlu 20
Pieni u kastigi
1Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2“Għid lil ulied Iżrael: Jekk xi ħadd minn ulied Iżrael, jew mill-barranin li jgħammru f’Iżrael, jagħti ’l xi ħadd minn nislu lil Molek, jagħtuh il-mewt billi jħaġġru l-poplu.#Lev 18,21. 3U jien indur għalih, u neqirdu minn fost il-poplu tiegħu, għax ikun ta lil nislu lil Molek, u niġġes is-santwarju tiegħi u pprofana l-isem qaddis tiegħi.#Eżek 23,29. 4U jekk il-poplu jagħlaq għajnejh għal dan il-bniedem, li jkun ta ’l nislu lil Molek, u ma jagħtuhx il-mewt, 5nixħet jien għajnejja fuqu, u fuq niesu, u neqred lilu u lil kull min fost il-poplu mar warajh biex jiżni wara Molek.#1 Slat 11,7.
6‘Min imur għand is-saħħara li jsejħu l-erwieħ u għand min jeħber, biex jiżni warajhom, indur għalih u neqirdu minn fost il-poplu.
7“Tqaddsu, u kunu qaddisin, għax jien il-Mulej Alla tagħkom.#Lev 11,44-45; 17; 19,2; 20,26; 1 Pt 1,16. 8Ħarsu l-liġijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej, li jqaddiskom.#Lev 18.
9“Il-bniedem li jidgħi lil missieru u ’l ommu jagħtuh il-mewt; ikun ġieb il-mewt b’idejh għax ikun dagħa lil missieru u lil ommu.#Eż 21,17; Dt 27,16; Prov 20,20; Mt 15,4; Mk 7,10.
10“Il-bniedem li jiżni ma’ mart għajru jagħtuhom il-mewt, liż-żieni u liż-żienja.#Eż 20,14; Lev 18,20; Dt 5,18; 22,22; Ġw 8,5.
11“Ir-raġel li jimtedd ma’ mart missieru, ikun kixef l-għera ta’ missieru; joqtluhom it-tnejn; demmhom fuqhom.
12“Ir-raġel li jkun imtedd ma’ mart ibnu, jagħtuhom il-mewt it-tnejn, għax ikunu għamlu ħaġa faħxija; demmhom fuqhom.
13“Meta raġel jimtedd ma’ raġel bħalma jimtedd ma’ mara, it-tnejn ikunu għamlu ħaġa moqżieża: jagħtuhom il-mewt; demmhom fuqhom.
14“Wieħed li jkun iżżewweġ lil mara u ’l ommha jkunu għamlu ħaġa moqżieża: jaħarqu lilu u lilhom, u hekk ma jkunx hemm f’nofskom dan il-qżież.#Dt 27,23.
15“Wieħed li jimtedd ma’ bhima jagħtuh il-mewt, u l-bhima toqtluha.#Eż 22,18; Dt 27,21.
16“Mara li tersaq lejn xi bhima biex titħallat magħha, għandek toqtol lilha u l-bhima; għandhom imutu; demmhom fuqhom.
17“Li wieħed jiżżewweġ lil oħtu, bint missieru jew bint ommu, u hu jara l-għera tagħha u hi tara l-għera tiegħu, tkun ħaġa ta’ għajb; jinqatgħu t-tnejn minn fost il-poplu, għax ikun kixef l-għera ta’ oħtu, u jitgħabba bil-piż ta’ dnubu.#Dt 27,22.
18“Jekk wieħed jimtedd ma’ mara fi żmienha, u jikxef l-għera tagħha, hu jkun kixef l-inxija tagħha, u hi kixfitlu l-inxija ta’ demmha; it-tnejn għandhom jinqatgħu minn fost il-poplu.
19“La tikxifx l-għera ta’ oħt ommok jew oħt missierek, għax tkun kxift l-għera ta’ qrabatek; u jkollhom jitgħabbew bil-piż ta’ dnubhom.
20“Raġel li jimtedd mal-mara ta’ ħu missieru, ikun kixef l-għera ta’ ħu missieru; it-tnejn jitgħabbew bil-piż ta’ dnubhom, u jmutu bla wlied.
21“Min jiżżewweġ lill-mara ta’ ħuh ikun għamel ħaġa moqżieża, għax ikun kixef l-għera ta’ ħuh, u jibqa’ bla wlied.”#Mt 14,4.
Eżortazzjoni għall-qdusija
22“Ħarsu l-liġijiet tiegħi kollha u d-digrieti tiegħi kollha, u agħmluhom, li ma tobżoqkomx ’il barra l-art li fiha jien se neħodkom biex tgħammru fiha. 23La timxux skont il-liġijiet tal-ġnus li jien se nkeċċi minn quddiemkom, għax dan kollu għamluh u jien stkerrahthom. 24Imma lilkom ngħidilkom: Intom tirtu l-art tagħhom u jien nagħtihielkom biex tirtuha, art tnixxi ħalib u għasel; jiena l-Mulej Alla tagħkom, li għażiltkom minn fost il-ġnus.#Eż 3,8; 6,8. 25U intom għandkom tagħżlu bejn il-bhejjem safja u l-bhejjem imniġġsa, u bejn it-tajr safi u t-tajr imniġġes. La titniġġsux bl-ebda bhima jew tajra jew kull ħliqa li titkaxkar fl-art, li jien għażiltilkom bħala mniġġsin.#Lev 11,2-47; Dt 14,4-20. 26U tkunu għalija qaddisin, għax qaddis jien il-Mulej, u għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.#Eż 19,6; Lev 11,44; 17,1; 1 Pt 1,16.
27“Jekk xi ħadd minn fostkom, raġel jew mara, isejjaħ l-erwieħ jew jeħber, għandhom jagħtuhom il-mewt billi jħaġġruhom; demmhom fuqhom.”#Eż 22,17; Lev 19,31; 20,6; Dt 18,11.
Currently Selected:
LEVITIKU 20: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.