EŻODU 31
31
Kapitlu 31
In-nies tas-sengħa
1U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:#Eż 35,30—36,1. 2“Ara, jien sejjaħt b’ismu lil Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta’ Ġuda; 3u mlejtu bl-ispirtu ta’ Alla, b’ħila u b’dehen, bl-għerf u bis-sengħa f’kull xogħol; 4biex ifassal u jimmudella, u jaħdem fid-deheb, fil-fidda u fil-bronż; 5jonqox il-ħaġar għat-tqegħid u jaħdem l-injam għal kull xogħol.
6“Ara jien għażilt għal miegħu lil Oħolijab, bin Aħisamak, mit-tribù ta’ Dan; u tajt il-ħila lin-nies kapaċi biex jagħmlu kulma kkmandajtek; 7it-tinda tal-laqgħa, l-arka tax-xhieda miktuba u l-għatu tagħha, u t-tagħmir kollu tat-tinda;#Eż 35,10-19. 8il-mejda bit-tagħmir tagħha, l-imnara s-safja u l-bċejjeċ tagħha; l-artal tal-inċens, 9l-artal tas-sagrifiċċji maħruqa bit-tagħmir tiegħu; il-ħawt bil-maqgħad tiegħu; 10l-ilbies tas-servizz u l-ilbies sagru ta’ Aron, il-qassis; ilbies uliedu, biex iservu ta’ qassisin; 11iż-żejt tal-konsagrazzjoni, l-inċens ifuħ għall-post qaddis; kollox għandhom jagħmlu kif ordnajtlek.”
Il-ħarsien tas-Sibt
12U l-Mulej qal lil Mosè:#Eż 20,8-11; 23,12; 35,2; Dt 5,12-15. 13“Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: ‘Fuq kollox ħarsu s-Sibtijiet tiegħi. Għax dan hu s-sinjal bejni u bejnkom, minn ġenerazzjoni għal oħra, li jien il-Mulej li nqaddiskom.#Eżek 20,12. 14Tħarsu s-Sibt, għax hu qaddis għalikom. Min jiksru jmut żgur, għax min jagħmel xi xogħol fih jinqata’ minn niesu.#Num 15,32-36. 15Int taħdem għal sitt ijiem, imma s-seba’ jum hu s-Sibt tal-mistrieħ, jum qaddis għall-Mulej; kull min jaħdem f’jum is-Sibt, ikun ħaqqu l-mewt.
16Ulied Iżrael għandhom iħarsu s-Sibt, iħarsuh minn ġenerazzjoni għal oħra, bħala patt għal dejjem. 17Ikun sinjal għal dejjem bejni u bejn ulied Iżrael, għaliex f’sitt ijiem għamel il-Mulej is-smewwiet u l-art, u fis-seba’ jum waqaf mix-xogħol u strieħ.”#Ġen 2,2-3; 9,9; Eż 20,11.
18Meta temm jitħaddet ma’ Mosè fuq il-muntanja tas-Sinaj, il-Mulej tah it-twavel tal-ġebel miktuba bis-saba’ ta’ Alla.#Eż 24,12; 25,16.
Currently Selected:
EŻODU 31: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.