YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 30

30
Kapitlu 30
L-artal tal-inċens
1“Int tagħmel l-artal biex taħraq l-inċens fuqu, tagħmlu tal-injam tal-gażżi,#Eż 37,25-28; Num 4,11; 1 Slat 6,20; Apk 8,3-5. 2u jkun kwadru: driegħ tul, u driegħ wisa’; u żewġt idriegħ għoli, bil-qrun ħerġin minnu. 3U int tiksih bid-deheb fin: il-wiċċ, il-ġnub dawramejt, u l-qrun. U tagħmillu kuruna tad-deheb madwaru. 4Tagħmillu żewġ ħolqiet tad-deheb; tqegħedhom taħt il-kuruna fuq żewġ naħat, u jkunu jservu biex jidħlu fihom il-lasti biex iġorruh bihom. 5Dawn il-lasti tagħmilhom mill-injam tal-gażżi, u tiksihom bid-deheb. 6Imbagħad tqiegħdu quddiem il-velu biswit l-arka tax-xhieda miktuba fejn jien niltaqa’ miegħek.#Eż 40,5. 7Aron jaħraq l-inċens ifuħ fuqu; jaħarqu kull filgħodu meta jidħol biex inaddaf u jlesti l-imsiebaħ; 8u jaħarqu wkoll filgħaxija xħin iqiegħed l-imsiebaħ. Hekk ikun hemm dejjem inċens jaħraq quddiem il-Mulej, minn ġenerazzjoni għal oħra. 9Toffrux fuqu inċens profan, lanqas sagrifiċċju tal-ħruq, jew xi offerta tal-qamħ; u ssawwab xejn fuqu. 10Aron jagħmel ir-rit tal-espjazzjoni fuq qrunu darba fis-sena; jagħmel ir-rit tal-espjazzjoni darba fis-sena bid-demm tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni matul il-ġenerazzjonijiet kollha; rit mill-aktar qaddis għall-Mulej.”#Eż 29,36-37; Lev 16,18.
L-offerta għat-tabernaklu
11U l-Mulej qal lil Mosè:#Eż 38,25-28. 12“Meta tiġi biex tgħodd lil ulied Iżrael, kull wieħed, malli tgħoddu, jagħti xi ħaġa lill-Mulej għall-fidwa tiegħu nnifsu, li ma jkun hemm ebda mard fostkom waqt l-għadd.#Num 1,2-3; 26,2; 2 Sam 24. 13Kull min ikun magħdud iħallas dan: nofs xekel skont ix-xwiekel tas-santwarju - xekel ta’ għoxrin gera - u nofs xekel bħala offerta lill-Mulej.#Mt 17,24-27. 14Kull wieħed li jgħaddi mal-magħdudin, minn għoxrin sena ’l fuq, iħallas it-taxxa tal-Mulej. 15Ħadd, la sinjur u anqas fqir, ma għandu jħallas aktar jew inqas minn nofs xekel għall-fidwa tiegħu nnifsu meta jagħmlu l-offerta tal-Mulej.#1 Pt 1,18-19. 16Il-flus tal-fidwa li tiġbor mingħand il-poplu jmorru għall-ħtiġiet tat-tinda tal-laqgħa; hekk din l-offerta sservi biex tfakkar il-Mulej f’ulied Iżrael, għall-fidwa tagħkom infuskom.”
Il-ħawt tal-bronż#Eż 38,25.
17Il-Mulej qal lil Mosè:#Eż 38,8; 1 Slat 7,23-38. 18“Int tagħmel ukoll ħawt tal-bronż, bil-maqgħad tal-bronż, għall-ħasil. Tqiegħdu bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u timlieh bl-ilma.#Eż 40,7. 19Fih Aron u wliedu jaħslu idejhom u riġlejhom.#Eż 40,31-32. 20Kull meta jidħlu fit-tinda, jew kull meta jersqu jservu ħdejn l-artal u joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, huma għandhom jinħaslu bl-ilma, inkella jmutu. 21Jaħslu idejhom u riġlejhom, inkella jmutu; din hi liġi għal dejjem għalihom, għalih u għal nislu minn ġenerazzjoni għal oħra.”
Iż-żejt tal-konsagrazzjoni
22Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:#Eż 37,29; Lev 8,10-11. 23“Ħu mill-aħjar ħwawar; ħames mitt xekel ta’ mirra safja; daqs nofsha kannella tfuħ, jiġifieri, mitejn u ħamsin xekel; mitejn u ħamsin xekel oħra qasab tal-fwieħa; 24ħames mitt xekel kassja skont ix-xekel tas-santwarju; u ħinn żejt taż-żebbuġ. 25B’dawn kollha tagħmel iż-żejt għad-dlik imqaddes; fwieħa maħduma bis-sengħa ta’ fewwieħ; ikun żejt ikkonsagrat għall-unzjonijiet. 26Bih int tidlek it-tinda tal-laqgħa u l-arka tax-xhieda miktuba;#Eż 40,9-11; Num 7,1. 27il-mejda u t-tagħmir kollu tagħha; l-imnara u l-bċejjeċ tagħha kollha; l-artal tal-inċens; 28u l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq bit-tagħmir kollu tiegħu; u l-ħawt u l-maqgħad tiegħu. 29Int tikkonsagrahom biex ikunu ħwejjeġ mill-aktar qaddisa; u kulma jmiss magħhom jitqaddes. 30Int tidlek lil Aron u wliedu, u tikkonsagrahom biex iservuni ta’ qassisin.#Eż 29,7; Lev 8,12. 31Int tgħid lill-poplu ta’ Iżrael: ‘Dan ikun għalija ż-żejt qaddis tal-konsagrazzjoni, minn nisel għal nisel tagħkom. 32Ma għandux jissawwab fuq ġisem il-bniedem, u tagħmilx taħlita oħra bħalha; għax hu kkonsagrat u għandu jkun qaddis għalikom. 33Min jagħmel taħlita bħalha, jew min isawbu fuq xi wieħed profan, jinqata’ minn niesu.’ ”
L-inċens
34U l-Mulej qal lil Mosè: “Ħu daqs wieħed minn dawn il-ħwawar: stakti, bebbux ifuħ, galbanu, u inċens ifuħ.#Eż 25,6; 37,29. 35Agħmel minnhom inċens ifuħ, imħallat bil-melħ, taħlita bħal tal-fewwieħ, safja u qaddisa. 36Isħaq ftit minnu fi trab irqiq, u qiegħed ftit minnu quddiem ix-xhieda miktuba fit-tinda tal-laqgħa, fejn jien niltaqa’ miegħek: tkun għalikom ħaġa mill-aktar qaddisa. 37U dan l-inċens li int tagħmel skont din it-taħlita, tagħmlux bħalu; għalikom tkun ħaġa kkonsagrata lill-Mulej. 38Min jagħmel bħalha biex jitfewwaħ biha, jinqata’ minn niesu.”

Currently Selected:

EŻODU 30: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in