YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 32

32
Kapitlu 32
L-għoġol tad-deheb
1Il-poplu, meta ra li Mosè ddawwar ma niżel minn fuq il-muntanja, inġabar madwar Aron u qallu: “Qum u agħmlilna allat li jimxu quddiemna#32,1: Agħmlilna allat li jimxu quddiemna: skont it-test Lhudi; il-kelma eloħim il-poplu fehemha fil-plural, għalkemm hi użata wkoll fis-singular, jiġifieri għal Alla veru. Aron fehemha fis-singular, meta qalilhom Għada ssir festa lill-Mulej. Il-poplu kien għadu ma nqatax mill-idolatrija għalkollox: ried xbieha materjali biex tirrappreżenta lil Alla, għalkemm dan kien ipprojbit lilhom fl-ewwel kmandament: Eż 20,4; lanqas ma kien għad kellu idea ċara tan-natura ta’ Alla veru. Aron għalhekk ipprova jagħti interpretazzjoni monoteista lil dan l-abbuż. Din l-ambigwità damet sekli sħaħ ma għabet minn moħħ il-poplu., għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-art tal-Eġittu, ma nafux x’sar minnu.”#Eż 24,18; 32,23; Ġer 31,32; Atti 7,40-41.
2Aron weġibhom: “Neħħu l-imsielet tad-deheb li hemm imdendlin ma’ widnejn in-nisa tagħkom u ta’ wliedkom, subien u bniet, u ġibuhomli.” 3U l-poplu kollu neħħa l-imsielet tad-deheb li kellhom f’widnejhom, u ġabuhom lil Aron. 4U ħadhom minn idejhom, xeħethom fil-forma, u għamel għoġol tal-metal imdewweb. U qalu: “Dawn huma l-allat tiegħek, ja Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu.”#Eż 32,8; 1 Slat 12,28; Neħ 9,18; S 106,19-20. 5Malli ra dan Aron bena artal quddiemhom u għamel sejħa u qal: “Għada ssir festa lill-Mulej.” 6U bakkru filgħodu, offrew is-sagrifiċċji u ġiebu offerti tas-sliem. U l-poplu kollu qagħad jiekol u jixrob, u mbagħad qamu jixxalaw.#1 Kor 10,7.
7Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu.#Dt 9,12; Ġer 31,32. 8Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: ‘Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu.’ ” 9U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa.#Eż 32,31-35; Num 14,11-25. #Eż 33,3; 34,9; Dt 9,13; S 106,23. 10Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir.”#Ġen 12,2; Num 14,12.
11Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu?#Dt 9,28; S 106,23. 12L-għala għandhom jgħidu l-Eġizzjani: ‘Araw x’deni għamlilhom: ħariġhom biex itemmhom fil-muntanji u jeqridhom minn wiċċ l-art?’ Erġa’ lura mis-saħna tal-korla tiegħek, u reġġa’ lura l-ħsara li trid tagħmel lill-poplu tiegħek.#Num 14,13-16; Dt 9,28; 32,27; Eżek 20,9. 13Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: ‘Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem.’ ”#Ġen 15,5; 22,16-17; 35,11-12. 14U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.
Mosè jkisser it-twavel tal-liġi
15U Mosè dar u niżel minn fuq il-muntanja biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idejh, miktuba minn naħa u minn oħra.#Eż 24,12; Dt 9,15. 16It-twavel kienu xogħol Alla; u l-kitba kienet kitbet Alla, minquxa fuq it-twavel.#Eż 31,18. 17Malli Ġożwè sama’ l-għagħa tan-nies, qal lil Mosè: “Hemm ħoss ta’ xi taqbida fil-kamp.” 18U wieġbu:
“Mhux ħoss l-għajjat ta’ rebħa;
Mhux ħoss l-għajjat ta’ telfa.
Imma l-ħoss ta’ għana li qiegħed nisma’.”
19Malli qorob lejn il-kamp u ra l-għoġol u ż-żfin, Mosè xegħel bil-korla, tajjar it-twavel minn idejh, u kissirhom taħt il-muntanja.#Dt 9,16-17. 20U qabad l-għoġol, li kienu għamlu, u ħarqu fin-nar; saħqu sakemm għamlu trab, u ħalltu mal-ilma, u sqieh lil ulied Iżrael.#Dt 9,21. 21U Mosè qal lil Aron: “X’għamillek dan il-poplu biex ġibt din il-ħtija kbira fuqu?” Aron wieġeb: “Tixgħelx bil-qilla, Sidi! 22Int taf li dan il-poplu hu miġbud għall-ħażen. 23Qaluli: ‘Agħmlilna allat li jimxu quddiemna, għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-Eġittu, ma nafux x’sar minnu.’#Atti 7,40. 24U jien għedtilhom: ‘Min għandu xi deheb, jinżgħu u jagħtihuli.’ Imbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan l-għoġol.”
Il-kastig
25Mosè ra li l-poplu kien bla rażan, għax Aron neħħielu kull rażan, b’għajb għalihom quddiem l-għedewwa tagħhom. 26Imbagħad Mosè qagħad fil-bieb tal-kamp u qalilhom: “Min iżomm mal-Mulej jiġi ħdejja.” U wlied Levi kollha nġabru ħdejh.#Dt 33,9. 27U qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: ‘Ħa jieħu kull wieħed is-sejf tiegħu u jitħażżem bih. Aqsmu u erġgħu aqsmu l-kamp minn naħa għal oħra, minn bieb għal bieb, u oqtlu kull wieħed, imqar lil ħuh, lil ħabibu, lil ġaru.’ ”#Mt 10,37; Lq 14,26. 28Ulied Levi għamlu kif qalilhom Mosè. Dak in-nhar inqerdu mill-poplu tlitt elef ruħ. 29Mosè qal: “Illum intom ikkonsagrajtu rwieħkom#32,29: Illum intom ikkonsagrajtu rwieħkom: it-tribù ta’ Levi kienu mħallsa billi ġie rriservat għalihom is-saċerdozju u s-servizz fit-tempju. Il-barka kienet il-ministeru saċerdotali. lil ħutkom; u ġbidtu llum il-barka fuqkom.”#Dt 33,8-11; Num 25,7-13.
Mosè jitlob għall-poplu
30L-għada Mosè kellem lill-poplu u qallu: “Għamiltu dnub kbir. Issa nitla’ ħdejn il-Mulej, għandi mnejn naqlgħalkom il-maħfra.”#Dt 9,18-20. 31Għalhekk Mosè raġa’ mar għand il-Mulej u qallu: “Ah! dan il-poplu għamel dnub kbir, għax għamlu alla tad-deheb. 32Issa, jekk trid taħfrilhom, aħfrilhom; imma jekk ma taħfrilhomx ħassarni mill-ktieb li inti ktibt.”#Dan 12,1; Rum 9,3; Apk 20,12. 33Il-Mulej wieġeb lill-Mosè: “Mill-ktieb tiegħi nħassar lill-bniedem li jidneb. 34Mur issa, mexxi lill-poplu għal fejn għedtlek. Ara, l-anġlu tiegħi jimxi quddiemek; iżda jasal jum meta nżurhom u nikkastigahom għal dnubiethom.”#Eż 3,16; 23,1-6.20; Num 10,11-13. 35U l-Mulej darab il-poplu talli għamel l-għoġol li kien sawwarlu Aron.

Currently Selected:

EŻODU 32: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in