EŻODU 28
28
Kapitlu 28
L-ilbies tal-qassisin
1“Ressaq lejk lil ħuk Aron u lil uliedu, minn fost il-poplu ta’ Iżrael, biex jaqduni bħala qassisin, Aron u wlied Aron, Nadab u Abiħu, Elgħażar u Itamar.#Lev 8—10. #Eż 39,1; Sir 45,7. 2U int tagħmel ilbies imqaddes għal Aron, ħuk, għall-ġieħ u għall-ġmiel tiegħu. 3Kellem lil dawk kollha li għandhom il-ħila, u li jien żejjint bl-ispirtu tal-għerf, biex jagħmlu l-ilbies ta’ Aron, biex tikkonsagrah qassis tiegħi. 4Dan hu l-ilbies li għandhom jagħmlu: pettorali, efod, mantar, tonka ċċangjata, turbant u terħa. Jagħmlu lbies sagru għal Aron ħuk u wliedu biex jaqduni bħala qassisin; 5u jieħdu biex jaħdmuhom deheb u ħajt vjola, porpra u skarlatt u għażel fin.
L-efod
6“Jagħmlu l-efod#28,6: L-efod: aktarx kien jikkonsisti f’żewġ biċċiet, waħda għal quddiem u oħra għal wara, maqfula flimkien fuq l-ispallejn. mid-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin, xogħol tas-sengħa.#Eż 39,2-7; Sir 45,8-14. 7Ikollu żewġ biċċiet għal fuq l-ispallejn, imwaħħla miż-żewġt itruf biex jinqafel minn fuq. 8U l-faxxa li żżommu f’postu tkun tal-istess xogħol tad-deheb u vjola, porpra u skarlatt, u għażel minsuġ fin. 9Ħu żewġ ħaġriet tal-oniċi, u onqox fihom l-ismijiet ta’ wlied Iżrael, 10sitta fuq waħda u sitta fuq l-oħra, skont l-ordni ta’ twelidhom. 11Bħalma l-arġentier jonqox iċ-ċrieket, hekk int tonqox l-ismijiet ta’ wlied Iżrael fiż-żewġ ħaġriet. Imbagħad ħithom u agħlaqhom f’dawra deheb, 12u waħħalhom fuq iż-żewġ bċejjeċ tal-efod, ġawhar għat-tifkira ta’ wlied Iżrael; u Aron iġib fuq spallejh l-ismijiet tagħhom b’tifkira quddiem il-Mulej.#Eż 28,22; 39,15-18; Num 31,54. 13U tagħmel dwawar tad-deheb, 14u żewġ lazzijiet tad-deheb fin, mibrum bħal ħbula, u twaħħal dawn iż-żewġ lazzijiet mibruma mad-dwawar.
Il-pettoral
15“U tagħmel il-pettoral#28,15: Il-pettoral: speċi ta’ borża ċatta mwaħħla mal-efod. Fih kien ikun hemm l-Urim u t-Tummim, biex bihom il-qassis il-kbir jaqta’ l-kawżi billi jtella’ waħda minnhom: ara v. 30. tal-ġudizzju, xogħol tas-sengħa bħall-efod, tagħmlu tad-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel minsuġ fin.#Eż 39,8-31. 16Ikun kwadru u mitwi, twil xiber b’xiber wisa’. 17U waħħal fih erba’ indani ta’ ħaġar prezzjuż: l-ewwel indana: sardju, topazju u żmerald; 18it-tieni indana: rubin, żaffir u djamant; 19it-tielet indana: ġjaċint, agta u ametist, 20ir-raba’ indana: krisoltu, oniċi u djaspru. Agħlaqhom fi dwawar tad-deheb. 21Ikun hemm tnax-il ħaġra daqs l-ismijiet ta’ wlied Iżrael, imnaqqxa bħaċ-ċrieket, kull waħda b’isimha skont it-tnax-il tribù. 22Għall-pettoral agħmel lazzijiet tad-deheb fin mibruma bħal ħbula; 23u agħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb, u qegħedhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral. 24U daħħal iż-żewġ lazzijiet tad-deheb fiż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral. 25U ż-żewġt itruf taż-żewġ lazzijiet orbothom maż-żewġ dwawar u qegħedhom fuq il-biċċa tal-efod minn quddiem. 26Agħmel żewġ ħolqiet oħra tad-deheb u qegħedhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa ta’ ġewwa li tmiss mal-efod. 27U agħmel żewġ ħolqiet oħra tad-deheb, u waħħalhom minn quddiem fit-tarf t’isfel ta’ waħda mill-bċejjeċ tal-efod, fir-rabta tiegħu ’l fuq mill-faxxa tal-efod. 28U jorbtu l-pettoral mill-ħoloq tiegħu mal-ħoloq tal-efod b’kurdiċella vjola, b’mod li jiġi fuq il-faxxa tal-efod, u li l-pettoral ma jinħallx minn fuq l-efod.
29“Hekk Aron iġib fuq qalbu l-ismijiet ta’ wlied Iżrael fil-pettoral tal-ġudizzju meta jidħol fil-post qaddis, u jġibhom b’tifkira għal dejjem quddiem il-Mulej. 30Fil-pettoral tal-ġudizzju int tqiegħed l-Urim u t-Tummim#28,30: Urim u Tummim: żewġ kelmiet Lhudin li jfisser “dawl u perfezzjoni, integrità.” Speċi ta’ damem jew dadi; il-qassis il-kbir itella’ waħda minnhom, u skont liema titla’ jaqta’ l-kawża, li tkun inġiebet quddiemu.. U jkunu fuq qalb Aron meta jidħol quddiem il-Mulej; hekk Aron iġib fuq qalbu dawn is-sinjali tal-ġudizzju fuq Iżrael quddiem il-Mulej għal dejjem.#Lev 8,8; 1 Sam 14,41.
Il-libsa tal-efod
31“Agħmel ukoll il-libsa tal-efod kollha vjola.#Lev 8,9; Sir 45,9-10. 32F’nofsha tagħmlilha skullatura għar-ras. Agħmel tberfila minsuġa madwar il-fetħa, bħal skullatura ta’ qmis biex ma tiċċarratx. 33Mal-keffa tagħha ddendel bħal rummien vjola, porpra u skarlatt, bi ġlieġel tad-deheb dawramejt. 34Ġolġol tad-deheb u rummiena, ġolġol tad-deheb u rummiena, mal-keffa tal-libsa, id-dawra kollha. 35U jilbisha Aron kull meta jkun jagħmel is-servizz tiegħu; u l-ħoss tagħha jinstama’ meta jidħol fis-santwarju quddiem il-Mulej, u meta joħroġ; u hekk ma jmutx.
36“U agħmel strixxa tad-deheb fin, u onqox bħal inċiżjoni fuq ċurkett, ‘Qaddis lill-Mulej’,#Żak 14,20; Ġw 17,19. 37u tħitha b’kurdiċella vjola mat-turbant in-naħa ta’ quddiem.#Eż 39,21; Lev 8,9. 38Tkun fuq ġbin Aron, u Aron jieħu fuq spallejh il-ħtijiet li jsiru fir-riti li bihom ulied Iżrael joffru d-doni mqaddsa tagħhom; tkun fuq ġbinu, biex jogħġbu lill-Mulej.
39“Agħmel it-tonka ċċangjata tal-għażel u t-turbant tal-għażel fin, u tagħmel terħa tal-insiġ.
40“Agħmel tonok għal ulied Aron u agħmlilhom trieħi u turbant għas-sebħ u l-ġmiel tagħhom. 41U libbishom lil Aron ħuk, u lil uliedu miegħu; idlikhom u kkonsagralhom idejhom#28,41: U kkonsagralhom idejhom: letteralment imlielhom idejhom, jiġifieri agħtihom it-tagħmir sagru f’idejhom.; u hekk tikkonsagrahom biex ikunu qassisin tiegħi. 42U int agħmlilhom qliezet tal-għażel, biex jgħattu l-għera tagħhom, minn qaddhom sa rkupptejhom.#Eż 20,26; Eżek 44,18. 43U jilbsuhom Aron u wliedu, meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa ta’ Alla jew xħin jersqu lejn l-artal biex iservu fis-santwarju; biex ma jkollhom ebda ħtija u ma jmutux. Din hi l-liġi għalih u għal nislu għal dejjem.
Currently Selected:
EŻODU 28: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.