EŻODU 27
27
Kapitlu 27
L-artal tas-sagrifiċċju
1“Tagħmel l-artal tal-gażżi, ħamest idriegħ tul, u ħamsa wisa’; l-artal ikun kwadru, tlitt idriegħ għoli.#Eż 38,1-7; 1 Slat 8,64; Eżek 43,13-17. 2Tagħmillu qarn f’kull kantuniera, miksi bil-bronż, biċċa waħda miegħu. 3Tagħmillu l-ħwat għall-irmied, pwali, bwieqi, imqassijiet u twaġen; dawn il-ħwejjeġ kollha tagħmilhom tal-bronż. 4Tagħmillu gradilja maħduma bħal xibka tal-bronż; fl-erba’ kantunieri tax-xibka tagħmel erba’ ħoloq tal-bronż. 5Tqegħedha taħt il-ħanek tal-artal b’mod li x-xibka tasal sa nofs l-għoli tal-artal. 6Tagħmel erba’ lasti għall-artal, lasti tal-gażżi, miksija bil-bronż; 7u tgħaddihom minn ġol-ħoloq, b’mod li l-lasti jkunu fuq iż-żewġ naħat tal-artal meta jġorruh. 8Tagħmlu tat-twavel u vojt minn ġewwa, kif urejtek fuq il-muntanja.
Il-bitħa
9“Tagħmel bitħa madwar it-tabernaklu; fuq in-naħa tan-nofsinhar ikollha purtieri wieqfa, għażel minsuġ fin, tul mitt driegħ għal naħa waħda;#Eż 38,9-20; Eżek 40,17-49. 10u l-pilastri jkunu għoxrin u l-għoxrin maqgħad tagħhom tal-bronż, imma l-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex tagħhom ikunu tal-fidda. 11U l-istess fuq in-naħa tat-Tramuntana jkun hemm ma’ tulha kollu purtieri wieqfa mitt driegħ tul, b’għoxrin pilastru u għoxrin maqgħad tal-bronż, imma l-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex ikunu tal-fidda. 12Għall-wisa’ tal-bitħa n-naħa tal-Punent ikun hemm purtiera mdendla tul ħamsin driegħ b’għaxar pilastri u għaxar imqagħad għalihom. 13Il-wisa’ tal-bitħa n-naħa ta’ quddiem lejn il-Lvant ikun ħamsin driegħ: 14b’purtiera ta’ ħmistax-il driegħ fuq naħa, bi tliet pilastri bl-imqagħad tagħhom, 15u b’purtiera ta’ ħmistax-il driegħ fuq in-naħa l-oħra tal-bieb bi tliet pilastri bl-imqagħad tagħhom. 16Għall-bieb tal-bitħa jkun hemm purtiera għoxrin driegħ wiesgħa tal-għażel fin, minsuġa bil-vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ; ikollha erba’ pilastri u erba’ mqagħad. 17Il-pilastri madwar il-bitħa jkunu miksija bil-fidda; il-ganċijiet ikunu wkoll tal-fidda, u l-imqagħad tal-bronż. 18It-tul tal-bitħa jkun mitt driegħ, il-wisa’ ħamsin, u l-għoli ħamest idriegħ, bi drapp imdendel tal-għażel fin, u l-imqagħad tal-bronż. 19It-tagħmir kollu tat-tabernaklu għal kulma jenħtieġ u l-imrabat kollha tiegħu u l-imrabat tal-bitħa jkunu kollha tal-bronż.
Żejt għall-imnara
20“Int tordna lil ulied Iżrael biex iġibulek żejt taż-żebbuġ misħuq fin għall-imnara, biex iżżomm l-imsiebaħ mixgħula għal dejjem.#Eż 30,7-8; Lev 24,2-4; 1 Sam 3,3. 21U Aron u wliedu jqegħduha ’l barra mill-velu ta’ quddiem it-tinda tax-xhieda miktuba u jżommuha mixgħula minn filgħaxija sa filgħodu quddiem il-Mulej.
“Din tkun liġi li għandha titħares għal dejjem mill-poplu ta’ Iżrael minn ġenerazzjoni għal oħra.
Currently Selected:
EŻODU 27: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.