EŻODU 26
26
Kapitlu 26
It-tabernaklu
1“U tagħmel it-tabernaklu b’għaxar purtieri, tagħmilhom tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt; bil-kerubini minsuġin fihom, xogħol tas-sengħa.#Eż 33,7-11; 36,8-19; Lhud 9,11. 2Kull purtiera tkun tmienja u għoxrin driegħ twila, u erbat idriegħ wiesgħa, kollha daqs wieħed. 3Ħames purtieri minnhom ikunu mgħaqqdin flimkien waħda mal-oħra u l-ħamsa l-oħra jkunu mgħaqqdin flimkien waħda mal-oħra. 4U tagħmel qfieli vjola fil-keffa tal-purtiera ta’ barra ta’ sett minnhom, u hekk ukoll tagħmel fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tas-sett l-ieħor. 5Tagħmel ħamsin qafla f’purtiera waħda, u ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera tat-tieni sett; il-qfieli jkunu jaqblu waħda mal-oħra. 6U tagħmel ħamsin ħolqa tad-deheb, u tgħaqqad il-purtieri kollha flimkien waħda mal-oħra; u hekk it-tabernaklu jkun ħaġa waħda.
7“Tagħmel ukoll purtieri tax-xagħar tal-mogħoż għat-tinda tat-tabernaklu; tagħmel ħdax minnhom. 8Kull purtiera tkun ta’ tletin driegħ tul, u l-wisa’ tagħha erbat idriegħ; il-ħdax-il purtiera jkunu daqs wieħed. 9Ħames purtieri minnhom tgħaqqadhom flimkien, u hekk ukoll is-sitta l-oħra, u titwi s-sitt waħda għal quddiem it-tinda. 10Tagħmel ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera ta’ barra f’sett, u ħamsin qafla oħra fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tas-sett l-ieħor. 11Tagħmel ukoll ħamsin ħolqa tal-bronż; u ddaħħal dawn il-ħoloq fil-qfieli; u tgħaqqad it-tinda b’mod li ssir ħaġa waħda.
12“Il-biċċa li jifdal mill-purtieri tat-tinda, nofs il-purtiera li tibqa’, tiddendel għal wara t-tabernaklu. 13U d-driegħ f’naħa u d-driegħ fin-naħa l-oħra, li jifdal mit-tul tal-purtieri tat-tinda, jiddendlu mal-ġnub tat-tabernaklu, f’kull naħa, biex jgħattuh. 14U tagħmel ukoll għata għal fuq it-tinda mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, u għata tad-denfil għal fuq kollox.
It-tavlar tat-tabernaklu
15“U tagħmel twavel wieqfa tal-gażżi għat-tabernaklu,#Eż 36,20-38. 16kull waħda twila għaxart idriegħ, u driegħ u nofs wiesgħa; 17ikun hemm żewġ minċotti f’kull tavla, biex tgħaqqadhom ma’ xulxin. Tagħmel l-istess bit-twavel kollha tat-tabernaklu. 18Qassam it-twavel tat-tabernaklu b’dan il-mod: għoxrin tavla n-naħa ta’ isfel, iħarsu lejn in-Nofsinhar; 19tagħmel erbgħin imaqgħad tal-fidda taħt l-għoxrin tavla, tnejn għal waħda għaż-żewġ minċotti tagħha u żewġ imqagħad għal taħt l-oħra għaż-żewġ minċotti tagħha. 20Fuq it-tieni naħa, li tħares lejn it-Tramuntana, għoxrin tavla oħra, 21bl-erbgħin maqgħad tal-fidda tagħhom, tnejn taħt waħda u tnejn taħt l-oħra. 22Fuq in-naħa ta’ wara li tħares lejn il-Punent, tagħmel sitt twavel. 23Tagħmel żewġt itwavel ukoll għall-kantunieri n-naħa ta’ wara. 24Dawn ikunu magħqudin min-naħa ta’ isfel ma’ xulxin, u mir-ras jidħlu f’ħolqa waħda. Agħmel l-istess għat-tnejn; dawn iservu għaż-żewġ kantunieri. 25Ikun hemm tmien twavel bil-maqgħad tagħhom tal-fidda, sittax-il maqgħad b’kollox, żewġ imqagħad taħt tavla, u żewġ imqagħad taħt l-oħra.
26“Agħmel traversi tal-gażżi: ħamsa għat-twavel ta’ naħa, 27u ħamsa għan-naħa l-oħra tat-tabernaklu; ħamsa oħra għan-naħa ta’ wara tat-tabernaklu li tħares lejn il-Punent. 28U t-traversa tan-nofs, f’nofs l-għoli tat-twavel, tgħaddi minn tarf għall-ieħor. 29Iksi t-twavel bid-deheb, agħmel ħoloq tad-deheb biex iżommu t-traversi, u iksi t-traversi bid-deheb.
30“Twaqqaf it-tabernaklu skont il-mudell li rajt fuq il-muntanja.#Eż 25,9.
Il-velu
31“Tagħmel velu tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, b’kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa.#Lev 16,2; Lhud 6,19; 9,1—10,24. 32Dendlu b’ganċijiet tad-deheb mal-erba’ kolonni tal-gażżi miksija bid-deheb, fuq erba’ mqagħad tal-fidda. 33U int iddendel il-velu mal-anelli u ddaħħal l-arka tax-xhieda miktuba ’l ġewwa mill-velu. Il-velu għalikom ikun mifred bejn il-post qaddis u l-post il-qaddis#26,33: Il-post qaddis u l-post il-qaddis: letteralment il-post qaddis u l-qaddis tal-qaddisin: is-santwarju kien jikkonsisti minn żewġ kmamar; l-ewwel waħda kien il-post qaddis; l-oħra iċken kienet il-post il-qaddis, jew l-aktar qaddis għax fiha kien hemm preżenti Alla fuq l-arka.. 34Tqiegħed l-għatu fuq l-arka tax-xhieda miktuba fil-post il-qaddis.#Eż 25,21. 35’Il barra mill-velu tqiegħed il-mejda n-naħa tat-Tramuntana: u l-imnara n-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu biswit il-mejda.
36“Fid-dħul tat-tabernaklu tagħmel purtiera tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ. 37Tagħmel ħames kolonni tal-gażżi miksija bid-deheb għall-velu, agħmlilhom ganċijiet tad-deheb, u ħames imqagħad tal-bronż.
Currently Selected:
EŻODU 26: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.