YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 22

22
Kapitlu 22
Il-liġi dwar il-proprjetà
1“Jekk il-ħalliel jinqabad huwa u jiftaħ, u jaħbtu għalih u joqtluh, ħadd ma jkun ħati ta’ ħajtu. 2Jekk jinqabad meta tkun diġà telgħet ix-xemx, min joqtlu jkun ħati ta’ ħajtu. Hu għandu jrodd, u, jekk ma jkollux biex, jinbiegħ biex ipatti għal dak li jkun seraq. 3Jekk il-bhima misruqa - gendus, ħmar, nagħġa - isibuha għandu, u tkun għadha ħajja, irodd id-doppju.
4“Jekk xi ħadd jagħmel ħsara fl-għalqa jew fil-qasam tad-dwieli ta’ xi ħaddieħor billi jitlaq il-merħla tiegħu tirgħa fl-għalqa ta’ ħaddieħor, irodd mill-aħjar wiċċ tal-għalqa jew tad-dwieli tiegħu.
5“Jekk jaqbad in-nar u jilħaq l-għolliq u jinħarqu l-qatet tal-qamħ jew iż-żara’, jew l-għalqa taqbad, ipatti għall-ħsara min ikun ta n-nar.
6“Jekk xi ħadd jagħti lil xi ħaddieħor flus jew ħwejjeġ biex iżommhomlu u jisirquhomlu minn daru, jekk isibu l-ħalliel, dan irodd id-doppju.#Lev 5,21-26. 7Jekk ma jsibux il-ħalliel, sid id-dar jinġieb quddiem Alla, biex juri jekk ikunx medd idejh fuq ħwejjeġ għajru.#Lev 5,14-16; Num 5,5-8. 8Għal kull ħsara li ssir lil gendus, ħmar, nagħġa, libsa, jew kull ħaġa oħra mitlufa, li minnha xi ħadd jgħid: ‘Din tiegħi’, il-kwistjoni tagħhom it-tnejn iressquha quddiem Alla; lil min Alla jagħtih il-ħtija, irodd id-doppju lil għajru.
9“Jekk xi ħadd jagħti lil xi ħaddieħor ħmar, gendus, nagħġa jew xi bhima oħra, biex iżommhielu u din tmut, tweġġa’ jew jaħtfuha bla ma ħadd ikun ra xejn, jaħilfu t-tnejn quddiem il-Mulej; 10tinqata’ bejniethom b’ħalfa quddiem il-Mulej li ma middx idu fuq ħwejjeġ sieħbu; u s-sid joqgħod fuq il-ġurament u l-ieħor ma jrodd xejn. 11Jekk jisirquha mingħandu, irodd lil sidha. 12Jekk imbagħad iqattgħuha l-bhejjem, u jġibha b’xhieda, ma jrodd xejn għall-bhima mqattgħa bċejjeċ.#Ġen 31,29.
13“Jekk xi ħadd jissellef bhima mingħand xi ħadd, u din tweġġa’ jew tmut, u sidha ma jkunx magħha, għandu jrodd daqs kemm tiswa. 14Jekk sidha jkun magħha, ma jħallas xejn. Jekk ikun mikri jħallas mill-paga tiegħu.
Il-liġi dwar il-persuni
15“Jekk xi raġel iqarraq b’xebba li ma tkunx imgħarrsa, u jorqod magħha, iħallas għaliha, u jeħodha b’martu.#Dt 22,28-29. 16Jekk missierha ma jkunx irid jagħtihielu, iħallas daqs kemm tiswa d-dota ta’ xebba#22,16: Id-dota ta’ xebba: dan hu l-moħar li r-raġel kellu jħallas biex jiżżewweġ xebba, qisu qiegħed jixtriha. Il-mara kienet meqjusa proprjetà ta’ żewġha; ara Eż 20,17. Dt 5,21. Il-vjolazzjoni ta’ xebba kienet tnaqqsilha l-valur tagħha..
17“Saħħara, tħallihiex tgħix.#Lev 19,26; 20,6; Dt 18,9-12.
18“Kull min jorqod ma’ bhima, ikun ħaqqu l-mewt.#Lev 18,23; 20,15-16; Dt 27,21.
19“Kull min joffri sagrifiċċji lill-allat, ħlief lill-Mulej, ikun meqrud.#Num 25,1-5; Dt 13; 17,2-7.
20“La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu.#Eż 23,9; Lev 19,33-34; Dt 10,18-19; 24,17-18; 27,19; Żak 7,10. #Eż 12,48; Dt 27,19; S 146,9; Is 1,17. 21La taħqrux l-armla jew l-iltim,#Dt 24,21. 22għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; 23u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.
24“Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax.#Lev 25,35-38; Dt 23,20-21; 24,10-13; Eżek 18,7-8. 25Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx; 26għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.
27“La tidgħix b’Alla u anqas ma għandek tisħet lill-kap ta’ niesek.#Koħ 10,20; Atti 23,5.
28“La tiddawwarx biex toffri mill-ħsad u l-għasir tiegħek.#Eż 13,11-16; 23,16; Dt 26,1-11.
“L-ewwel fost uliedek int tagħtih lili.
29L-istess tagħmel mill-baqar u min-nagħaġ tiegħek; il-ferħ żommu sebat ijiem ma’ ommu, iżda fit-tmien jum tagħtih lili.#Eż 13,2; 34,19; Lev 22,27; Dt 15,19.
30“Intom tkunu nies ikkonsagrati lili, la tiklux il-laħam ta’ bhima mqattgħa fir-raba’; imma ixħtuh lill-klieb.#Eż 19,6; Lev 11,44; 17,15-16; 22,8; Dt 14,21.

Currently Selected:

EŻODU 22: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy