2 MAKKABIN 5
5
Kapitlu 5
Taħwid fil-belt (168 QK)
1Dik il-ħabta Antijoku kien qiegħed iħejji t-tieni spedizzjoni lejn l-Eġittu#5,1: It-tieni spedizzjoni lejn l-Eġittu: minn Antijoku IV Epifani fis-sena 168 QK; ara 1 Mak 1,29-35; 2 Mak 5,24. L-ewwel waħda saret fis-sena 169 QK; ara 1 Mak 1,16-20..#1 Mak 1,17. 2Ġara li għal madwar erbgħin jum dehru jiġġerrew fl-arja mal-belt kollha kavallieri libsin ilbies minsuġ bid-deheb, qtajja’ nies bil-lanez, lesti għall-battalja u bis-sjuf misnunin,#2 Mak 3,24-26; 10,29-30; 11,8. 3qtajja’ ta’ żwiemel imqassma għat-taqbid, ħbit minn naħa u ħbit minn oħra; tixjir ta’ xwabel, twaddib ta’ vleġeġ u l-leħħa tad-deheb u l-kurazzi ta’ kull xorta. 4U lkoll bdew jitolbu li din id-dehra ġġibilhom il-ġid.
5Meta xterdet ix-xniegħa mhux minnha li kien miet Antijoku, Ġason#5,5: Ġason: ħu Onija III; ara 4,7-10 u 26. ġabar madwaru mhux anqas min elf raġel u ħabat għall-belt għal għarrieda. In-nies fuq is-swar kienu megħluba u fl-aħħar il-belt inqabdet. Menelaw ħarab fil-fortizza; 6u Ġason għamel straġi bla ħniena min-nies beltu bla ma qagħad jaħseb li rebħa fuq niesu kienet l-akbar telfa; ħaseb li kellu rebħa fuq l-għedewwa u mhux fuq in-nies ta’ ġensu stess. 7Madankollu f’idejh il-ħakma ma ħadhiex, imma rnexxielu biss jitgħabba bl-għajb minħabba t-tnassis tiegħu, u kellu jaħrab mill-ġdid lejn art l-Għammonin. 8U fl-aħħar spiċċa ħażin. Wara li kien priġunier ta’ Areta#5,8: Areta: Areta I (ċ. 170 QK), sultan tan-Nabatin; ara 1 Mak 5,25., il-mexxej tal-Għarab, ħarab u mar jiġġerra minn belt għal oħra, b’kull ħadd jiġri warajh, mibgħud minn kulħadd bħal wieħed li telaq il-liġijiet, misħut bħala assassin ta’ pajjiżu u nies pajjiżu, sakemm fl-aħħar sab il-kenn fl-Eġittu.#2 Kor 11,32. 9Il-bniedem li keċċa ħafna nies ’il barra minn pajjiżhom, miet f’art barranija għand l-Ispartani#5,9: Għand l-Ispartani: xi manuskritti u verżjonijiet jiktbu għand il-Lakedemoni. Lakedemon kien l-ewwel isem li kellha l-belt Sparta fil-Greċja., għax mar għandhom bit-tama li jsib il-kenn, għax kienu ta’ razza waħda.#1 Mak 12,7. 10Dak li ħalla fit-toroq ħafna nies bla difna spiċċa biex ħadd ma bkieh, u ma kellu ebda xorta ta’ funeral u lanqas post f’qabar missirijietu.
Il-qerda tal-poplu u l-profanazzjoni tat-tempju (167 QK)
11Meta l-aħbar ta’ dawn il-ġrajjiet laħqet is-sultan, dan ħaseb li l-Lhudija kienet irvellat. Għalhekk telaq mill-Eġittu mgħaddab bħal bhima selvaġġa; ħa l-belt f’idejh bis-saħħa tal-armi;#1 Mak 1,20-24. 12ordna lis-suldati joqtlu bla ħniena lil kull min kienu jiltaqgħu miegħu u li jqattgħu bċejjeċ lil dawk li jidħlu jistkennu fi djarhom. 13Kien hemm għalhekk straġi sħiħa ta’ żgħażagħ u xjuħ; qerda ta’ rġiel, nisa, tfal, u biċċerija ta’ xebbiet u trabi. 14Fi tlitt ijiem sħaħ inqerdu tmenin elf ruħ, erbgħin elf inqerdu fil-ġlied, u mhux inqas mill-maqtulin inbiegħu lsiera.
15Is-sultan ma kienx kuntent b’dan, imma kellu l-wiċċ ukoll jidħol fit-tempju, l-eqdes post fid-dinja kollha, immexxi minn Menelaw, traditur tal-liġi u ta’ pajjiżu. 16B’idejh moqżieża qabad it-tagħmir sagru u kines b’idejh maħmuġa l-oġġetti li kienu offrew slaten oħra għall-kobor u l-ġieħ tat-tempju.
17Antijoku tant issuppervja li ma fehemx li kien għal ftit taż-żmien li l-Mulej inkorla għan-nies tal-belt minħabba dnubiethom, u għalhekk kien warrab ħarstu minn fuq il-post.#2 Mak 6,12-16; 7,16-19; Is 54,7-8; Żak 1,15. 18Li kieku ma kienx minħabba l-ħafna dnubiet tal-poplu, dan ukoll kien ikun imsawwat u mraġġa’ lura mill-għemil sfiq tiegħu minnufih malli daħal, bħalma kien ġralu Eljodoru, mibgħut mis-sultan Selewku biex jara l-kamra tat-teżor. 19Għax il-Mulej ma għażilx in-nazzjon minħabba l-post, iżda l-post minħabba n-nazzjon.#1 Kron 17,9; 2 Mak 3,1-3; Is 60,15; Mk 2,27. 20Għalhekk il-post ukoll kellu jaqsam l-għawġ mal-poplu, biex wara jaqsam ukoll miegħu fil-ġid mill-Mulej. Wara li kien abbandunat fil-korla ta’ dak li jista’ kollox, kien imġedded mill-ġdid bil-glorja kollha tiegħu fil-maħfra tas-Sid il-kbir.
21Antijoku ħa mit-tempju elf u tmien mitt talent u raġa’ lura mgħaġġel lejn Antjokja. Tant tkabbar bih innifsu li kien jistħajjel li jista’ jbaħħar fuq l-art u jterraq fuq il-baħar.#1 Mak 1,23-24; 2 Mak 9,8. 22Ħalla warajh uffiċjali biex jgħakksu l-poplu: f’Ġerusalemm ħalla lil Filippu, imnissel mill-Friġja, selvaġġ f’imġibtu aktar minn min ħallieh hemm, 23u f’Gariżim lil Androniku. Barra minn dawn ħalla wkoll lil Menelaw; dan, aktar mill-oħrajn kollha, qam fuq tiegħu kontra ċ-ċittadini, għax kellu qalbu mikula bil-mibegħda għaċ-ċittadini Lhud.
24Imbagħad bagħat lil Apollonju#5,24: Apollonju: ara 1 Mak 1,29; 2 Mak 3,5; 4,4., xellerat prim, b’eżerċtu ta’ tnejn u għoxrin elf ruħ bl-ordni li joqtol l-irġiel kollha fl-aħjar tagħhom, u n-nisa u t-tfal ibigħhom ilsiera.#1 Mak 1,29-30. 25Meta wasal Ġerusalemm, taparsi bis-sliem, qagħad bi kwietu sal-jum qaddis tas-Sibt. Imbagħad, meta kien żgur li l-Lhud kienu mistrieħa, ordna lin-nies tiegħu jimmarċjaw bl-armi. 26U dawk kollha li ħarġu jaraw il-parata qatilhom f’salt wieħed, u mbagħad ħareġ idur mal-belt u qatel kotra kbira.
27Imma Ġuda, jgħidulu l-Makkabi, flimkien ma’ disgħa oħra, irħielha lejn id-deżert, u hemm fuq il-muntanji kien jgħix ma’ sħabu bħall-bhejjem, jieklu l-ħaxix biss, basta ma jiċċappsux bit-tinġis tal-pajjiż.#2,28.
Currently Selected:
2 MAKKABIN 5: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.