YouVersion Logo
Search Icon

2 MAKKABIN 4

4
Kapitlu 4
Xmun jixli lil Onija
1Xmun, li semmejna aktar ’il fuq, li kien ittradixxa t-teżor u art twelidu, beda jqassas kontra Onija, u jgħid li kien hu li xewwex kontra Eljodoru, u l-ħtija tal-ħsara li ġrat. 2U kellu l-ħila wkoll isejjaħ xewwiex kontra l-gvern lill-benefattur tal-belt, id-difensur ta’ nies pajjiżu, u l-ħabrieki għal-liġijiet. 3U din il-mibegħda tant kibret li wieħed midħla ta’ Xmun wasal biex joqtol. 4Meta Onija ra l-ħsara li jista’ jġib dan il-ġlied u kif Apollonju bin Menestew, il-gvernatur taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, kien qiegħed jgħin il-ħżunija ta’ Xmun, 5mar għand is-sultan, mhux biex jixli nies pajjiżu, imma bil-ħsieb li jġib ’il quddiem il-ġid tal-kotra tal-poplu kollu u ta’ kull wieħed minnhom.#Atti 28,19. 6Huwa ra li jekk ma jindaħalx is-sultan, ma jistax ikun hemm paċi fl-amministrazzjoni u li Xmun iħalli l-ġenn tiegħu.
Ġason il-qassis il-kbir (175-172 QK)
7Wara li miet Selewku#4,7: Selewku: Selewku IV Filopator, sultan tas-Sirja (187-175 QK), assassinat minn Eljodoru. Ġason: ħu Onija III, wera l-ġibda u l-ammirazzjoni tiegħu għall-kultura Griega billi sa biddel ismu minn Ġożwè għall-forma Griega Ġason. s-saltna ħadha Antijoku, jgħidulu Epifani. Ġason, ħu Onija, daħħalha f’rasu li jaħtaf il-post ta’ qassis il-kbir:#1 Mak 1,10. 8ressaq petizzjoni quddiem is-sultan u wiegħdu tliet mija u sittin talent tal-fidda u tmenin talent ieħor minn dħul ieħor.#2 Mak 1,7. 9Barra dan wiegħdu wkoll li joħroġ mija u ħamsin talent ieħor jekk jagħtih is-setgħa li jibni ġinnasju u stadju#4,9: Stadju: ara nota 11,5 fejn jitħarrġu ż-żgħażagħ#4,9: Ġinnasju u stadju fejn jitħarrġu ż-żgħażagħ: ara 1 Mak 1,14., u li n-nies ta’ Ġerusalemm jinkitbu bħala ċittadini ta’ Antjokja.#1 Mak 1,11-15.
10Is-sultan qallu iva. Malli ħa l-kariga f’idejh minnufih beda jdawwar lil niesu għad-drawwiet tal-Griegi.#1 Mak 1,13. 11Neħħa l-privileġġi li s-slaten kienu taw lil-Lhud bis-saħħa ta’ Ġwanni, missier Ewpolemu, li kien intbagħat ambaxxatur biex jagħmel patt ta’ alleanza u ħbiberija mar-Rumani; ħassar il-liġijiet ċivili u daħħal drawwiet kontra l-Liġi.#1 Mak 8,17. 12Minn rajh bena ġinnasju taħt l-Akra#4,12: Taħt l-Akra: il-ġinnasju kien fil-wied tat-Tiropew fuq il-Lvant tal-fortizza, ftit ’l isfel ħdejn it-tempju. Il-kappell: dan kien kappell speċjali, simbolu tal-alla Erme, patrun tal-isports. u darra l-aħjar fost iż-żgħażagħ jilbsu l-kappell tal-atleti Griegi.#1 Mak 1,14. 13B’hekk l-Elleniżmu laħaq il-quċċata tiegħu u saret bidla sħiħa għad-drawwiet tal-barranin bis-saħħa tal-ħażen bla qjies ta’ Ġason, li ma kienx jixraqlu jkun il-qassis il-kbir. 14Il-qassisin ma baqgħux aktar ħsiebhom fis-servizz tal-artal, imma, bla ma kienu jqisu xejn it-tempju u bla ma jħabblu rashom bis-sagrifiċċji, mas-sinjal għal-logħba tad-disk kienu jmorru jiġru lejn il-palestra biex jieħdu sehem fil-logħob ikkundannat mil-Liġi. 15L-unuri li wirtu mingħand missirijiethom ma qisuhomx aktar, imma kienu jgħożżu l-unuri tal-Griegi fuq kollox. 16U sewwasew minħabba dawn il-ħwejjeġ sabu ruħhom f’għawġ mill-akbar, billi dawk stess li huma fittxew li jgħixu bħalhom u jixbhuhom f’kollox, saru l-għedewwa u t-tiranni tagħhom. 17Għax il-ksur tal-liġijiet ta’ Alla ma tgħaddihx ħafif, u dan jurih iż-żmien li jiġi wara.
18Meta kien hemm il-logħob tas-sarâr ta’ kull ħames snin fil-belt ta’ Tir quddiem is-sultan, 19dak l-imniġġes ta’ Ġason bagħat minn Ġerusalemm xi nies, ċittadini ta’ Antjokja, biex jaraw il-logħob u jieħdu magħhom tliet mitt drakma tal-fidda għas-sagrifiċċju lil Erkole. Imma dawk li ħaduhom dehrilhom li ma kienx xieraq li jintefqu għas-sagrifiċċju imma li jmorru għal xi nefqa oħra.#2 Mak 4,9. 20Ġara għalhekk li dawn il-flus li min bagħathom ried li jmorru għas-sagrifiċċju lil Erkole, marru għat-tagħmir tal-ġfien tal-gwerra#4,20: Ġfien tal-gwerra: ġfien kbar bi tliet saffi ta’ qaddiefa fuq xulxin. bis-saħħa ta’ dawk li kienu ħaduhom.
21Is-sultan Antijoku kien bagħat lil Apollonju bin Menestew l-Eġittu għall-intronizzazzjoni tas-sultan Tolemew Filometor#4,21: Tolemew Filometor: Tolemew VI Filometor (180-145 QK), sultan tal-Eġittu., u b’hekk sar jaf li dan ma kienx jaqbel mal-politika tiegħu. Għalhekk ħaseb għal rasu u telaq lejn Ġaffa u minn hemm tela’ Ġerusalemm. 22Ġason u n-nies tal-belt laqgħuh bil-kbir, u daħħluh bid-dawl tat-torċi u b’għajjat ta’ ferħ. Minn hemm telaq bl-eżerċtu għall-Feniċja.
Menelaw jaqla’ ’l barra lil Ġason (172 QK)
23Wara tliet snin Ġason bagħat lil Menelaw#4,23: Menelaw: il-qassis il-kbir għas-snin 172-162 QK; ara 13,3-2., ħu Xmun, li semmejna qabel, biex iwassal il-flus lis-sultan u jfakkru fi ħwejjeġ urġenti. 24Dan indiehes mas-sultan u ġieb ruħu miegħu bħallikieku kien xi persuna setgħana, u hekk kiseb għalih innifsu l-post ta’ qassis il-kbir, billi żied fuq Ġason tliet mitt talent tal-fidda. 25Malli ħa f’idejh l-ittri tal-ħatra tiegħu minn idejn is-sultan, raġa’ lura. Ma kellu xejn li jistħoqqlu l-post ta’ qassis il-kbir ħlief il-qilla ta’ tirann bla qalb u l-qalb ta’ bhima selvaġġa. 26U Ġason, li qabel kien qala’ ’l barra lil ħuh, issa sab ruħu maqlugħ ’il barra minn ħaddieħor, u kellu jitlaq maħrub lejn art l-Għammonin.
27Menelaw ħa l-ħakma f’idejh, imma ma ħallas xejn mill-flus li kien wiegħed lis-sultan, 28minkejja li Sostratu, il-kmandant tal-Akra, l-inkarigat biex jiġbor it-taxxi, kien jitlobhomlu ta’ spiss. Għalhekk it-tnejn li kienu ssejħu quddiem is-sultan. 29Menelaw ħalla deputat floku, bħala l-qassis il-kbir, lil ħuh Lisimaku; u Sostratu ħalla lil Krateti kmandant taċ-Ċiprijotti.
30Wara li sar dan kollu, in-nies ta’ Tarsu u ta’ Mallu#4,30: Tarsu u Mallu: bliet fiċ-Ċiliċja fix-Xlokk tal-Asja Minuri, xi 50 km bogħod minn xulxin. rvillaw, għax dawn l-ibliet ngħataw b’rigal lil Antijokidi, konkubina tas-sultan. 31Is-sultan telaq jgħaġġel biex jirranġa u ħalla deputat floku lil Androniku, wieħed mill-ogħla kbarat. 32Menelaw ħaseb li ġieħ il-waqt, u seraq xi tagħmir tad-deheb mit-tempju u tah rigal lil Androniku; tagħmir ieħor irnexxielu jbigħu f’Tir u l-ibliet ta’ madwarha.#1 Slat 15,18; 2 Slat 16,8.
L-assassinju ta’ Onija
33Onija, malli sar jaf bi żgur, bagħat iċanfru u mar f’post tal-kenn ħdejn Dafni qrib Antjokja. 34Menelaw, imbagħad, mar għand Androniku, u ħeġġu biex imidd idejh fuq Onija. Dan mar għand Onija, u wara li qarraq bih rebaħ il-fiduċja tiegħu, ħadlu b’idejh, ħaliflu, u pperswadih joħroġ, għalkemm imħasseb, mill-kenn tiegħu. Minnufih qatlu, bla ma qies xejn il-ġustizzja.#Dan 9,26. 35Mhux biss il-Lhud, imma wkoll ħafna oħrajn mill-ġnus l-oħra, ħaduha bi kbira u għelew bis-sħiħ għall-qtil inġust ta’ dan il-bniedem. 36Malli s-sultan raġa’ lura mill-inħawi taċ-Ċiliċja, il-Lhud li kienu fil-belt#4,36: Li kienu fil-belt: f’Antjokja. Oħrajn jittraduċu f’kull belt, fl-ibliet., flimkien ma’ xi Griegi li kienu wkoll tkexkxu bid-delitt, marru għandu biex jipprotestaw għall-qtil ta’ Onija. 37Antijoku ħadha fih, ħass għalih u tħassru u bkieh minħabba l-għaqal u l-imġiba mill-aħjar tal-mejjet. 38Xegħel bil-qilla, u minnufih neħħa l-porpra minn fuq Androniku, ċarratlu lbiesu u ġagħalhom idawruh mal-belt kollha, u hemm stess fejn kien qarraq b’Onija, lil dan il-qattiel neħħieh mid-dinja. Hekk il-Mulej raddlu l-kastig li kien jixraqlu.
L-irvell kontra Lisimaku
39Fil-belt#4,39: Fil-belt: Ġerusalemm., Lisimaku, bi ftehim ma’ Menelaw, kien għamel ħafna serq mit-tempju. Kienu diġà ġarrew ħafna dehbijiet meta xterdet ix-xniegħa; imma l-poplu qam kontra Lisimaku. 40Kif kienet il-kotra mqanqla u mixgħula bil-korla, Lisimaku rama xi tlitt elef raġel taħt il-kmand ta’ Arawnu, bniedem imdaħħal fiż-żmien u xejn anqas fil-ġenn, u beda jaħbat għalihom inġustament. 41Malli ntebħu bil-ħbit ta’ Lisimaku, xi wħud qabdu l-ġebel, oħrajn il-bsaten bl-għekiesi, oħrajn it-trab milli kien hemm miġmugħ, u bdew iwaddbuh bl-addoċċ fuq in-nies ta’ Lisimaku. 42B’dan il-mod darbu ’l ħafna minnhom, oħrajn waqqgħuhom mal-art u mbagħad ħarrbuhom ilkoll, u l-ħalliel tat-tempju wkoll qatluh ħdejn il-kamra tat-teżor.
43U minħabba dawn il-ġrajjiet saret kawża kontra Menelaw. 44Meta s-sultan ġie Tir, tlieta min-nies mibgħuta mill-Kunsill#4,44: Mill-Kunsill: il-Kunsill tal-anzjani f’Ġerusalemm; ara 1 Mak 12,6. ressqu l-akkuża quddiemu. 45Menelaw, meta ra li kien għoddu mitluf, wiegħed kemxa flus sewwa lil Tolemew bin Dorimeni, biex idawwar lejh is-sultan.#1 Mak 3,58; 2 Mak 8,8; 10,12. 46Tolemew, imbagħad, ħa s-sultan taħt il-kolonnat, taparsi għall-arja, u dawwarlu fehemtu. 47U dan ħeles mill-akkuża lil Menelaw, li kien ġieb dik il-ħsara kollha; u dawk l-imsejkna, li, ukoll kieku ddefendew il-kawża tagħhom imqar quddiem l-Iskiti#4,47: L-Iskiti: poplu li kien jgħix fit-Tramuntana tal-Baħar l-Iswed, magħruf għall-qilla tiegħu., kienu joħorġu bla ħtija, qatagħhielhom għall-mewt. 48U hekk minnufih tħallsu b’piena inġusta dawk li qabżu għall-belt, għall-poplu u għat-tagħmir sagru. 49U n-nies ta’ Tir stess tant ħaduha bi kbira, li tawhom difna bl-aqwa ġieħ.
50Menelaw, bis-saħħa tar-regħba ta’ min kellu s-setgħa, baqa’ fil-ħakma, dejjem iżid fi ħżunitu u jnassas kontra nies pajjiżu stess.

Currently Selected:

2 MAKKABIN 4: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in