YouVersion Logo
Search Icon

2 SLATEN 4

4
Kapitlu 4
Mirakli oħra ta’ Eliżew: iż-żejt tal-armla
1Waħda mara min-nisa tal-profeti sejħet lil Eliżew u qaltlu: “Il-qaddej tiegħek żewġi miet, u inti taf li l-qaddej tiegħek kien jibża’ mill-Mulej. Issa dak li kien silfu ġie biex jeħodli ż-żewġ uliedi bi lsiera tiegħu#4,1: Jeħodli ż-żewġ uliedi bi lsiera tiegħu: ara Eż 21,7; Għam 2,6; 8,6; Is 50..”#1 Slat 17,8-15. 2U Eliżew qalilha: “X’nista’ nagħmillek? Għidli, x’għandek id-dar?” U hi wieġbet: “Ma għandha xejn il-qaddejja tiegħek id-dar ħlief kus żejt.” 3U hu qalilha: “Mur barra, u itlob kwies mingħand il-ġirien, kwies vojta, u ġġibx ftit. 4U mbagħad idħol id-dar, sakkar il-bieb warajk u wara wliedek, u sawwab iż-żejt f’dawk il-kwies kollha, u kull wieħed li jimtela warrbu.” 5U telqet minn ħdejh, u sakkret il-bieb warajha u wara wliedha; huma bdew inewlulha u hi tferra’. 6U ġara li malli mliet il-kwies qalet lil binha: “Newwilli kus ieħor.” U hu weġibha: “Ma fadalx aktar kwies.” U ż-żejt waqaf. 7Imbagħad marret tgħarraf lill-bniedem ta’ Alla, u hu qalilha: “Mur, bigħ iż-żejt, u ħallas dejnek; u int u wliedek tgħixu mill-bqija.”
Il-qawmien ta’ bin is-Sunamija
8Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm.#1 Slat 1,3-4. 9U hi qalet lil żewġha: “Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta’ Alla. 10Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, jkun jista’ jidħol fiha.” 11U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm.
12U Eliżew qal lil Geħażi, il-qaddej tiegħu: “Sejjaħ lil din is-Sunamija.” U hu sejħilha, u ġiet quddiemu. 13U Eliżew qallu: “Għidilha: ‘Ara, int għamilt magħna dan kollu; issa x’nista’ nagħmillek? Forsi nkellimlek lis-sultan, jew lill-kap tal-eżerċtu?” U hi wieġbet: “Jien ngħammar ma’ niesi.” 14U Eliżew qal: “X’nistgħu nagħmlulha?” U Geħażi wieġbu: “Jaħasra, ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!” 15U wieġbu: “Sejħilha.” U dak sejħilha u ġiet fil-bieb. 16U Eliżew qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan iben.” U hi qaltlu: “Le, sidi, bniedem ta’ Alla, la tqarraqx bil-qaddejja tiegħek.”#Ġen 18,10. 17U l-mara tqalet, u wildet iben bħal dak iż-żmien sena, kif kien qalilha Eliżew. 18U t-tifel kiber, u ġurnata waħda ħareġ ħdejn missieru, li kien ħdejn il-ħassada.#1 Slat 17,17-24. 19U qal lil missieru: “Ajma rasi! Ajma rasi!” Il-missier qal lill-qaddej: “Ħudu għand ommu.” 20Dak ħadu, u wasslu għand ommu, u t-tifel baqa’ f’ħoġorha sa nofsinhar, u mbagħad miet. 21Hi telgħet tmiddu fuq il-friex tal-bniedem ta’ Alla, għalqet warajha, u ħarġet. 22U sejħet lil żewġha u qaltlu: “Ibgħatli wieħed mill-qaddejja, u waħda mill-ħmir, ħa mmur niġri sa għand il-bniedem ta’ Alla, u nerġa’ lura.” 23U hu qalilha: “Għalfejn sejra għandu? Illum la hu l-ewwel tax-xahar u lanqas is-Sibt!” U qaltlu: “Ma jimpurtax.” 24U xiddet il-ħmara, u qalet lill-qaddej tagħha: “Suq u imxi, u twaqqaflix fit-triq, jekk ma ngħidlikx.”
25U telqet, u waslet għand il-bniedem ta’ Alla fuq il-muntanja tal-Karmel. U ġara li malli l-bniedem ta’ Alla raha mill-bogħod qal lil Geħażi, il-qaddej tiegħu: “Ara dik is-Sunamija. 26Mur iġri u ltaqa’ magħha u staqsiha: Intix tajba? Hux tajjeb żewġek? Hux tajjeb ibnek?” U hi wieġbet: “Kollox sewwa.” 27U xħin waslet ħdejn il-bniedem ta’ Alla fuq il-muntanja, qabdet ma’ riġlejh. U Geħażi resaq biex iwarrabha, iżda l-bniedem ta’ Alla qallu: “Ħalliha għax qalbha kollha mrar, u l-Mulej ħbieli, u ma għarrafnix fuqiex.” 28U hi qaltlu: “Qatt jien tlabt iben mingħand sidi? Ma għedtlikx, la tqarraqx bija?”
29U hu qal lil Geħażi: “Ħażżem ġenbejk, ħu l-bastun tiegħi f’idek u itlaq. Jekk tiltaqa’ ma’ xi ħadd, issellimlux; u jekk isellimlek xi ħadd, tweġbux. U qiegħed il-bastun tiegħi fuq wiċċ it-tifel.”#Lq 10,4.
30U omm it-tifel qaltlu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u ħaj int, jien ma nitilqekx.” U qabad u mar warajha. 31Geħażi telaq qabilhom u qiegħed il-bastun fuq wiċċ it-tifel, imma ma ġara xejn; ebda leħen, u ebda sinjal. U raġa’ lura jiltaqa’ ma’ Eliżew, u resaq quddiemu u qallu: “It-tifel ma stenbaħx!”#Atti 20,10-12. 32Imbagħad daħal Eliżew, il-profeta, u ara, it-tifel kien mimdud mejjet fuq friexu. 33Daħal, għalaq il-bieb warajhom it-tnejn, u beda jitlob lill-Mulej.#1 Slat 17,21-23; Mt 6,6. 34Imbagħad tala’, u mtedd fuq it-tifel, qiegħed fommu fuq fommu, għajnejh fuq għajnejh, u idejh fuq idejh, u, kif kien mixħut fuqu, ġisem it-tifel beda jisħon. 35Eliżew raġa’ qabad jimxi ’l hawn u ’l hemm mad-dar, u għal darba oħra mar u mtedd fuq it-tifel; u dan għatas seba’ darbiet, u bexxaq għajnejh. 36Eliżew imbagħad sejjaħ lil Geħażi, u qallu: “Sejħilha ’l din is-Sunamija.” Sejħilha, u daħlet ħdejh. “Ħudu lil ibnek,” qalilha. 37Hi resqet u nxteħtet f’riġlejh wiċċha fl-art, imbagħad qabdet lil binha u ħarġet ’il barra.
L-ikel avvelenat
38U Eliżew raġa’ lura lejn Gilgal, u kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż. U kif kienu wlied il-profeti bilqiegħda quddiemu, Eliżew qal lill-qaddej tiegħu: “Qiegħed il-borma l-kbira fuq in-nar, u sajjar l-ikel għal ulied il-profeti.”#2 Slat 2,1. 39U ħareġ wieħed mir-raba’ jlaqqat xi ħaxixa, u sab bħal dielja selvaġġa, u laqqat minnha ħjar selvaġġ. U mela l-mantar tiegħu. U mar u qattagħhom fil-borma tat-tisjir, għax ma kinux jafu x’inhuma.
40U mbagħad qassmu l-ikel lin-nies biex jieklu, u malli bdew jieklu mit-tisjir infexxew jgħajtu u jgħidu: “Hawn il-mewt fil-borma, bniedem ta’ Alla.” U ma setgħux jieklu. 41Eliżew qalilhom: “Ġibuli ftit dqiq.” U xeħet minnu fil-borma, u qalilhom: “Qassmu lin-nies biex jieklu.” U ma kien hemm xejn aktar ħażin fl-ikel.
Eliżew ikattar il-ħobż
42U ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-salisa, u ġieb lir-raġel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu.”#Mt 14,13-21; 15,32-38. 43Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?” Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll.’ ” 44Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal il-Mulej.

Currently Selected:

2 SLATEN 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy