2 SLATEN 5
5
Kapitlu 5
Nagħman u Eliżew
1Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-sultan ta’ Aram, kien kbir quddiem sidu, u dan kien iġibu ħafna, għax bih il-Mulej kien ta r-rebħa lil Aram. Iżda r-raġel, għad li suldat qalbieni, kien lebbruż. 2Ħarġu l-Aramin bil-ġgajtiet tagħhom, u mill-pajjiż ta’ Iżrael ġiebu magħhom tfajla żagħżugħa, li saret il-qaddejja ta’ mart Nagħman.
3Darba qalet lil sidtha: “Mhux li kien sidi quddiem il-profeta li hemm f’Samarija! Għax kien ineħħilu l-lebbra li għandu!” 4Nagħman daħal ikellem lil sidu u qallu: “Dan u dan ma qalet iż-żagħżugħa li ġibna mill-pajjiż ta’ Iżrael.” 5U s-sultan ta’ Aram qallu: “Aqbad u mur. Issa nibgħat ittra lis-sultan ta’ Iżrael.” U mar, u ħa miegħu għaxar talenti tal-fidda, sitt elef xekel tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ. 6U lis-sultan ta’ Iżrael wassallu l-ittra, li kienet tgħid hekk: “Kif tasallek din l-ittra, ara, inkun bgħattlek il-qaddej tiegħi Nagħman, biex tneħħilu l-lebbra li għandu.”
7Malli qara l-ittra s-sultan ta’ Iżrael ċarrat ilbiesu u qal: “Mela jien xi alla, nagħti l-mewt u nagħti l-ħajja, biex dan bagħatli bniedem ħa nneħħilu il-lebbra minn fuqu? Mela kunu afu u araw, li dan tassew qiegħed ifittex li jaqbad miegħi!”#Ġen 30,2; 1 Sam 2,6; Ġw 5,21.
8Issa ġara li Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, sama’ li s-sultan ta’ Iżrael kien ċarrat ħwejġu minn fuqu; u għalhekk bagħat jgħidlu: “Dan għaliex ċarratt ħwejġek minn fuqek? Ħa jiġi għandi, u jkun jaf li hemm profeta f’Iżrael.”
9U mar Nagħman, biż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, u waqaf quddiem il-bieb tad-dar ta’ Eliżew. 10U Eliżew bagħatlu messaġġier jgħidlu: “Mur inħasel seba’ darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek.”#Ġw 9,7. 11Nagħman iżda saħan u telaq. “Ara,” qal, “jien għedt bejni u bejn ruħi, li hu kien se jaqbad u joħroġ, jieqaf quddiemi, u jsejjaħ isem il-Mulej, Alla tiegħu, u jxejjer idu fuq il-ġrieħi, u jneħħili l-lebbra! 12Jaqaw Abana u Farfar, ix-xmajjar ta’ Damasku, mhumiex aħjar mill-ilmijiet kollha ta’ Iżrael? Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?” U dar u telaq b’saħna. 13Imma l-qaddejja tiegħu resqu jkellmuh u qalulu: “Missier, li kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek, ‘Inħasel u tindaf’?” 14Niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu.#Mt 3,13-15; Lq 4,27.
15U raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek.” 16U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn.” U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. 17Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija#5,17: Tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija: biex fuqha jibni artal lill-Mulej f’Aram għas-sagrifiċċji lill-Mulej.; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej. 18Dan nixtiequ l-Mulej jaħfer lili, il-qaddej tiegħek; li meta sidi jidħol fit-tempju ta’ Rimmon biex jadura hemmhekk, u hu jistrieħ fuq driegħi, u jien ukoll ninxteħet nadura fit-tempju ta’ Rimmon, ħa jaħfer il-Mulej lili, qaddej tiegħu, f’din il-ħaġa.” 19U Eliżew wieġbu: “Mur bis-sliem#5,19: Mur bis-sliem: Eliżew fehem il-każ ta’ Nagħman, u ħallieh fil-kwiet tal-kuxjenza tiegħu. Nagħman ma setax ma jiħux sehem fil-kult ta’ Rimmon, alla tat-tempesta, minħabba l-pożizzjoni soċjali u uffiċjali tiegħu.!” U telaq minn ħdejh u tbiegħed xi ftit.
20Imbagħad Geħażi, il-qaddej ta’ Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, ħaseb u qal: “Ara, sidi ħafirhielu lil Nagħman, dan l-Arami, u ma ħadlu xejn minn idu milli ġieb miegħu. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ħa mmur niġri warajh u niddobba xi ħaġa mingħandu.” 21U Geħażi mar jiġri wara Nagħman. U malli Nagħman lemħu jiġri warajh, niżel mill-karru biex jilqgħu u staqsieh: “Kollox sewwa?” 22U hu wieġbu: “Kollox sewwa, Sidi bagħatni ngħidlek: ‘Ara, għadhom kemm waslu għandi żewġ żgħażagħ mill-muntanji ta’ Efrajm minn ulied il-profeti. Agħtihom, jekk jogħġbok, talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ. 23U Nagħman qallu: “Isa, ħu żewġ talenti!” U ssikkah, u sarrlu żewġ talenti tal-fidda f’żewġ xkejjer, u żewġ tibdiliet ħwejjeġ. U bagħatlu żewġ qaddejja miegħu jġorrulu kollox qablu.
24Xħin wasal fuq l-għolja, ħa kollox minn idejhom, u daħal id-dar; u l-qaddejja bagħathom, u huma telqu. 25Imbagħad hu mar u ppreżenta ruħu quddiem sidu; u Eliżew qallu: “Mnejn ġej, Geħażi?” U wieġbu: “Imkien ma mar il-qaddej tiegħek, la ’l hawn u la ’l hemm.” 26U Eliżew qallu: “Ma ġejtx miegħek bl-ispirtu tiegħi meta r-raġel niżel mill-karru tiegħu biex jiltaqa’ miegħek? U dan kien il-waqt li tieħu l-fidda, u li tieħu l-ilbies, u oqsma taż-żebbuġ u tad-dwieli, u nagħaġ u baqar, u qaddejja rġiel u nisa? 27Għalhekk il-lebbra ta’ Nagħman jaqbad miegħek u ma’ nislek għal dejjem.” U Geħażi ħareġ minn quddiemu abjad bħas-silġ bil-lebbra.#Eż 4,6; Num 12,10.
Currently Selected:
2 SLATEN 5: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.