YouVersion Logo
Search Icon

2 SLATEN 3

3
Kapitlu 3
Ġoram sultan ta’ Iżrael
1Ġoram bin Aħab beda jsaltan fuq Iżrael f’Samarija fis-sena tmintax ta’ Ġosafat, sultan ta’ Ġuda; u baqa’ jsaltan tnax-il sena. 2U għamel il-ħażin f’għajnejn il-Mulej, imma mhux daqs missieru u ommu, għax hu qered il-plier ta’ Bagħal, li kien waqqaf missieru. 3Imma baqa’ marbut mad-dnubiet ta’ Ġerobogħam bin Nebat, li fihom kien waqqa’ lil Iżrael; baqa’ ma warrabx minnhom.
4U Mesa, sultan ta’ Mowab, kien irabbi l-bhejjem; u kien iħallas lis-sultan ta’ Iżrael it-tribut ta’ mitt elf ħaruf u s-suf ta’ mitt elf muntun. 5U ġara li meta miet Aħab, is-sultan ta’ Mowab kisirha mas-sultan ta’ Iżrael. 6Għalhekk dakinhar is-sultan Ġoram ħareġ mis-Samarija, u għadd lil Iżrael kollu.#1 Slat 22. 7U qabad u bagħat jgħid lil Ġosafat, sultan ta’ Ġuda, u qallu: “Is-sultan ta’ Mowab kisirha miegħi: tiġi miegħi u naħbtu għal Mowab?” U dak wieġbu: “Nitla’! Ikun minni li jkun minnek, mill-poplu tiegħi li jkun mill-poplu tiegħek, miż-żwiemel tiegħi li jkun miż-żwiemel tiegħek.”#1 Slat 22,4. 8U staqsieh: “Minn liema triq nitilgħu?” U wieġbu: “Mit-triq tad-deżert ta’ Edom.”
9U telqu s-sultan ta’ Iżrael u s-sultan ta’ Ġuda u s-sultan ta’ Edom. Wara li kienu ilhom miexja sebat ijiem, naqashom l-ilma għall-eżerċtu u l-bhejjem li kellhom magħhom. 10U s-sultan ta’ Iżrael qal: “Jaħasra għalina! Jaqaw il-Mulej sejjaħ lil dawn it-tliet slaten biex jerħihom f’idejn Mowab?” 11U Ġosafat qallu: “Ma hawnx xi profeta tal-Mulej hawnhekk, biex nistħarrġu lill-Mulej permezz tiegħu?” U wieħed mill-qaddejja tas-sultan ta’ Iżrael wieġeb u qal: “Hawn il-profeta Eliżew bin Safat, li kien isawwab l-ilma fuq idejn Elija.”#1 Slat 22,11. 12U Ġosafat qal: “Għandu l-kelma tal-Mulej.” U niżlu għandu s-sultan ta’ Iżrael, Ġosafat, u s-sultan ta’ Edom.#1 Slat 18,15.
13U Eliżew qal lis-sultan ta’ Iżrael: “X’għandna x’naqsmu bejnietna, jien u int? Mur għand il-profeti ta’ missierek, u l-profeti ta’ ommok.” U s-sultan ta’ Iżrael qallu: “Le! Għala l-Mulej sejjaħ lil dawn it-tliet slaten? Biex jerħihom f’idejn Mowab?” 14U Eliżew wieġeb: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej tal-eżerċti li jien qiegħed naqdi, li ma kontx nirrispetta lil Ġosafat, sultan ta’ Ġuda, ma kontx nagħti kasek, u lanqas biss inħares lejk. 15U issa ġibuli min idoqq l-arpa.”
Kif kien id-daqqaq idoqq l-arpa, ġara li niżlet id il-Mulej fuq Eliżew.#1 Sam 10,6. 16U dan qal: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Agħmel f’dan il-wied ġwiebi fuq ġwiebi.’ 17Għax dan jgħid il-Mulej: ‘Ma tarawx riħ, u ma tarawx xita; imma dan il-wied ifur bl-ilma, u tixorbu intom, l-imrieħel u l-bhejjem tagħkom.’ 18Iżda din ħaġa żgħira f’għajnejn il-Mulej; għad jerħi f’idejkom lil Mowab. 19U intom iġġarrfu l-bliet kollha bis-swar, u l-aħjar bliet, u tqaċċtu s-siġar kollha tal-frott, u ssoddu l-għejun kollha, u tħassru bil-ġebel ir-raba’ tajjeb kollu.”#Dt 20,19. 20U filgħodu, f’ħin l-offerta tas-sagrifiċċju, beda ġej l-ilma mit-triq ta’ Edom, u l-art imtliet kollha bl-ilma.
21U l-Mowabin ilkoll semgħu li s-slaten telgħu jaħbtu għalihom, u nġemgħu bin-nies kollha kapaċi jitħażżmu, u oħrajn magħhom, u marru qagħdu jistennewhom fuq il-fruntiera. 22U bakkru kmieni, u malli x-xemx bdiet tiddi fuq l-ilma, il-Mowabin raw quddiemhom l-ilma aħmar bħad-demm#3,22: L-ilma aħmar bħad-demm: minħabba l-ħamrija ħamra f’dawk l-inħawi minn hawn l-isem ta’ Edom, aħmar: Ġen 25,25-30.. 23U qalu: “Dan demm! Żgur li s-slaten tlewmu bejniethom, u tqatlu, u darbu lil xulxin; mela issa għall-priża, Mowabin!” 24U rħewlha lejn il-kamp ta’ Iżrael; u dawn ħarbu minn quddiemhom. U l-Iżraelin baqgħu sejrin jidorbu lill-Mowabin. 25Ġarrfu l-ibliet, u fuq kull biċċa raba’ tajba waddbu l-ħaġar, kull wieħed waħda, sa ma mlewhom, u saddew l-għejun kollha tal-ilma, u qaċċtu kull siġra tal-frott. Kien baqa’ biss il-ħitan tal-ġebel ta’ Kirħarexet; u dawruha l-arċieri, u ħabtu għaliha.#Ġob 5,23.
26Meta s-sultan ta’ Mowab ra li ma kienx jiflaħ għat-taqbida, ħa miegħu seba’ mitt raġel bix-xabla f’idejhom biex jiftaħ triq għal quddiem is-sultan ta’ Edom, imma ma rnexxilhomx. 27U qabad lil ibnu l-kbir, li kellu jsaltan floku, u offrieh sagrifiċċju tal-ħruq fuq is-sur; u xegħlet qilla kbira għal Iżrael#3,27: Xegħlet qilla kbira għal Iżrael: Is-sagrifiċċju ta’ bin is-sultan ta’ Mowab sewa biex xegħel il-qilla tal-Mowabin kontra Iżrael. Is-sagrifiċċju ta’ wlied f’xi kriżi nazzjonali ma kienx rari f’dak iż-żmien.; u dawn tbiegħdu minnu u reġgħu lura lejn arthom.#Mħ 11,30-31.

Currently Selected:

2 SLATEN 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy