YouVersion Logo
Search Icon

1 MAKKABIN 9

9
Kapitlu 9
Spedizzjoni oħra ta’ Bakkidi u l-mewt ta’ Ġuda
1Meta Demetriju sama’ li Nikanor bl-eżerċtu tiegħu baqa’ mejjet fil-battalja, qatagħha li jerġa’ jibgħat lil Bakkidi u lil Alċimu fl-art ta’ Ġuda bit-taqsima l-leminija tal-eżerċtu magħhom. 2Qabdu t-triq ta’ Gilgal#9,2: Qabdu t-triq ta’ Gilgal: hawn għandna daqsxejn ta’ diffikultà f’dawn l-ismijiet; aktarx Gilgal hi Galgala bejn Sikem u Betel, Mesalot u Arbela, fuq il-muntanji ta’ Efrajm. u waqqfu l-kamp f’Mesalot ħdejn Arbela; qabduha u qatlu ħafna nies.
3Fl-ewwel xahar tas-sena 152#9,3: L-ewwel xahar tas-sena 152: April/Mejju tas-sena 160 QK. waqqfu l-kamp ħdejn Ġerusalemm. 4Imbagħad telqu u marru Berija#9,4: Berija: jew El-Birè, li f’Ġoż 9,17 tissemma bħala Binot, xi 13-il km bogħod minn Birżajt. b’għoxrin elf raġel u elfejn żiemel. 5Ġuda kien waqqaf il-kamp f’Elasa bi tlitt elef raġel magħżula. 6Malli dawn raw li l-forzi tal-eżerċtu kienu kbar ħafna qabadhom biża’ kbir ħafna u ħarbu mill-kamp, u ma baqgħux miegħu ħlief tmien mitt ruħ. 7Kif ra Ġuda li l-eżerċtu tiegħu sfaxxalu, u l-battalja kienet waslet biex tibda minn mument għal ieħor, ħass għafsa ta’ qalb għax ma kellux żmien biex jiġborhom. 8B’jiesu maqtugħ kellem lil dawk li kien fadal: “Isaw, qumu ħa naħbtu għall-għedewwa tagħna, ħa naraw għandniex il-ħila negħlbuhom.” 9Iżda huma ppruvaw idawruh u qalulu: “Għalissa ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief insalvaw ħajjitna, imbagħad nerġgħu lura ma’ ħutna, u niġġildulhom; bħalissa aħna ftit wisq.” 10U Ġuda wieġeb: “Ma jkun qatt li jien nagħmel dan, li naħrab minnhom! Jekk is-siegħa tagħna waslet, ħa mmutu ta’ rġiel li aħna għal ħutna, u ma nħallu qatt li jittabba’ ġieħna!”
11L-eżerċtu tal-għadu ħareġ mill-kamp u ħadu posthom kontrihom. Il-kavallerija tqassmet fi tnejn; quddiem l-eżerċtu kienu miexja l-waddaba tal-iżbandoli u l-vleġeġ, u fl-ewwel filliera kien hemm l-aqwa gwerriera. Bakkidi kien fil-ġenb tal-lemin. 12L-eżerċtu avanza f’żewġ taqsimiet, huma u jdoqqu t-trombi; u daqqew it-trombi wkoll in-nies ta’ Ġuda. 13L-art triegħdet bil-ħsejjes tal-eżerċti, u l-battalja damet sejra minn filgħodu sa filgħaxija.
14Xħin Ġuda ntebaħ li Bakkidi u l-aqwa tal-eżerċtu kienu fuq il-lemin, inġabru l-qalbenin kollha miegħu, 15u kisser il-qtajja’ tal-lemin, u għamel għal warajhom sa taħt il-muntanja#9,15: Sa taħt il-muntanja: bil-Grieg sa taħt Ażotu, ħaġa li ma tistax tkun. It-traduttur Grieg ħallat axdot, ġenb taħt il-muntanja, ma’ Asdot, Ażotu. Ażotu. 16Dawk li kienu fuq ix-xellug, imbagħad, meta raw li n-naħa tal-lemin tħarbtet, daru minn wara għal Ġuda u n-nies li kienu miegħu; 17u l-battalja qlielet u waqgħu ħafna midrubin minn naħa u minn oħra; 18u baqa’ mejjet ukoll Ġuda, u l-bqija ħarbu.
19Ġonatan u Xmun imbagħad ħadu ’l Ġuda ħuhom u difnuh fil-qabar ta’ missirijiethom f’Modin. 20U bkewh u xehru għalih l-Iżraelin kollha u għamlu l-vistu għal ħafna jiem. U bdew jgħidu: 21“Kif waqa’ l-qalbieni, is-salvatur ta’ Iżrael!”#2 Sam 1,27.
22Il-bqija ta’ kulma għamel Ġuda, il-gwerer u l-għemejjel qalbiena u l-kobor tiegħu ma nkitbux, għax kienu ħafna.
Ġonatan jidħol flok Ġuda (160-142 QK)
23Ġara li wara l-mewt ta’ Ġuda r-rinnegati reġgħu refgħu rashom fl-art kollha ta’ Iżrael, u tfaċċaw mill-ġdid dawk kollha li kienu jagħmlu d-deni. 24F’dak iż-żmien waqa’ għaks kbir sewwa, u l-art donnha daret għal magħhom. 25Bakkidi għażel nies midgħajja u għamilhom kapijiet tal-pajjiż. 26Dawn bdew ifittxu u jitkixxfu fuq il-ħbieb ta’ Ġuda u jġibuhom quddiem Bakkidi. U hu kien jivvendika ruħu minnhom u jwaqqagħhom għaż-żufjett. 27Kien waqa’ għalhekk hemm kbir f’Iżrael, li qatt ma kien hemm bħalu minn meta deher profeta fosthom.#1 Mak 4,46.
28Imbagħad iltaqgħu l-ħbieb kollha ta’ Ġuda u qalu lil Ġonatan: 29“Minn mindu miet ħuk Ġuda, m’hawnx bniedem bħalu biex imexxina kontra l-għedewwa u Bakkidi u kontra dawk minn ġensna li jobogħduna. 30Issa, mela, ħa nagħżluk illum kap tagħna floku u mexxej tagħna biex tmexxi t-taqbid u l-battalji tagħna.” 31U Ġonatan dakinhar aċċetta l-kmand u laħaq flok ħuh Ġuda.
L-ewwel battalja ta’ Ġonatan (160 QK)
32Malli sar jaf b’dan, Bakkidi beda jfittxu biex joqtlu. 33Iżda Ġonatan, Xmun ħuh, u dawk kollha li kienu miegħu indunaw, ħarbu lejn id-deżert ta’ Tekugħa, u waqqfu l-kamp ħdejn il-ġiebja ta’ Asfar. 34Bakkidi sar jaf b’dan f’jum is-Sibt#9,34: F’jum is-Sibt: Bakkidi ried jaħbat għal-Lhud f’jum is-Sibt, bit-tama li dawn ma jiġġildux. Iżda mar imqarraq; ara 2,31-41., u telaq bl-eżerċtu tiegħu kollu u qasam il-Ġordan. 35Ġonatan imbagħad bagħat lil ħuh Ġwanni, il-kmandant tal-kotra, biex jitlob lin-Nabatin ħbiebu, biex iħalli għandhom il-ħafna tagħmir li kellhom.#1 Mak 5,25.
36Imma minn Medeba#9,36: Medeba: raħal fuq il-Lvant tal-Baħar il-Mejjet. ħarġu wlied Ġambri u ħatfu lil Ġwanni b’kulma kellu, u telqu b’kollox. 37Wara din il-ġrajja ħabbru lil Ġonatan u lil Xmun li wlied Ġambri kienu qegħdin jagħmlu tieġ kbir u kellhom iwasslu lill-għarusa, bint wieħed mill-kbarat ta’ Kangħan, minn Nadabat, b’kotra kbira ta’ ħaddara. 38U ftakru fid-demm ta’ ħuhom Ġwanni, u telgħu u nħbew għall-irdoss ta’ għolja. 39U refgħu għajnejhom, taw ħarsa madwarhom, u lemħu kortew b’ħamba kbira u tagħmira sħiħa; u l-għarus kien riesaq lejhom ma’ ħbiebu u qrabatu fost id-daqq tat-tnabar u ħafna armar.
40U l-Lhud inxteħtu għal fuqhom mill-moħba u għamlu ħerba minnhom; u l-bqija ħarbu lejn l-għoljiet; u ħadulhom il-priża. 41U t-tieġ inbidel f’vistu u d-daqq tagħhom f’tinwiħ.#Għam 8,10. 42Hekk tħallsu għad-demm ta’ ħuhom, u reġgħu lura lejn l-għadajjar tal-Ġordan.
43U sama’ Bakkidi u mar f’jum is-Sibt sa xatt il-Ġordan b’eżerċtu qawwi. 44U Ġonatan qal lin-nies tiegħu: “Ħa nqumu u nitqabdu għal ħajjitna, għax illum mhux bħal-lbieraħ u lbieraħtlula. 45Araw l-għadu ġej minn quddiemna u minn warajna, l-ilma tal-Ġordan minn naħa u minn oħra għadajjar u masġar, ma hemmx mnejn wieħed jiżgiċċa. 46Mela issa għollu leħinkom lejn is-sema, biex jeħliskom minn idejn l-għedewwa tagħkom.”
47U l-battalja ħadet sewwa. U Ġonatan medd idu biex jidrob lil Bakkidi, imma dan dar lura u żgiċċalu. 48U Ġonatan u sħabu qabżu fil-Ġordan u għamu għan-naħa l-oħra, imma l-għedewwa ma qasmux il-Ġordan għal warajhom. 49Dakinhar baqgħu mejta xi elf ruħ min-nies ta’ Bakkidi. 50U Bakkidi raġa’ lura lejn Ġerusalemm, bena bliet iffortifikati fil-Lhudija, jiġifieri l-fortizza ta’ Ġeriko, Emmaws, Betħoron, Betel, Tamnata, Faratun, u Tefon bi swar għolja, bibien u żbarri. 51U qiegħed fihom għases biex iħabbtu lil Iżrael. 52Saħħaħ ukoll il-belt ta’ Betsur u Geżer, u l-Akra, u qiegħed fihom suldati u ħażniet tal-ikel. 53Ħa b’rahan ukoll it-tfal tal-kapijiet tal-pajjiż u ħalliehom fil-fortizza ta’ Ġerusalemm bl-għassa magħhom.#1 Mak 10,9; Eżek 42,20.
54Fit-tieni xahar tas-sena 153#9,54: Fit-tieni xahar tas-sena 153: Mejju tas-sena 159 QK. Alċimu ordna li jħottu l-ħajt tal-bitħa ta’ ġewwa tas-santwarju, u b’hekk jeqred xogħol il-profeti. 55Imma meta kienu diġà bdew iħottu, Alċimu ħassu ħażin u x-xogħol kellu jieqaf. Fommu ntebaq, ġismu bbies, u ma setax jgħid kelma, u jagħti ordnijiet dwar daru. 56U Alċimu miet dak in-nhar fost tbatijiet kbar. 57Malli Bakkidi ra li miet Alċimu raġa’ lura għand is-sultan; u l-art ta’ Ġuda baqgħet mistrieħa għal sentejn.
Taqbid ieħor ta’ Bakkidi (157 QK)
58F’dak iż-żmien ir-rinnegati ftiehmu lkoll u qalu: “Araw, Ġonatan u sħabu qegħdin jgħixu bi kwiethom kollhom fiduċja. Ħa nġibu lil Bakkidi; f’lejl wieħed jaqbadhom ilkoll.” 59U marru u ftiehmu miegħu. 60U Bakkidi qabad u telaq b’eżerċtu qawwi; bagħat ittri bil-moħbi lil sħabu fil-Lhudija biex jaqbdu lil Ġonatan u lil sħabu. Imma ma setgħux għax dawn saru jafu x’kellhom f’rashom. 61Anzi n-nies ta’ Ġonatan qabdulhom xi ħamsin raġel minn fost in-nies tal-pajjiż, li kienu l-aqwa fost ix-xewwiexa, u qatluhom. 62Imbagħad Ġonatan u Xmun u sħabhom ħarbu lejn Bet-basi li hemm fid-deżert, sewwew il-ħsara li kien hemm fiha u ffortifikawha.
63Meta sar jaf Bakkidi, ġabar l-eżerċtu tiegħu kollu u bagħat jgħarraf lil dawk tal-Lhudija. 64Ġie u waqqaf il-kamp madwar Bet-basi u ħabat għaliha għal ħafna żmien u tella’ xi magni kontriha. 65Ġonatan ħalla lil ħuh Xmun fil-belt, u hu ħareġ fil-kampanja bi ftit nies. 66U ħabat għal Odomera u għal ħutu u għal ulied Fasiron fit-tined tagħhom. U beda jirbaħ u jissaħħaħ fil-forzi. 67U Xmun u n-nies tiegħu ħarġu mill-belt u ħarqu l-magni. 68U ħabtu għal Bakkidi, u kissruh, u kiddewh bl-għali, għax il-ħsieb u l-ispedizzjoni tiegħu ġew fix-xejn. 69U għadab għall-aħħar għal dawk l-irġiel rinnegati li tawh il-parir li jiġi fil-pajjiż, u qatel ħafna minnhom. Imbagħad qatagħha li jerġa’ lura lejn pajjiżu.
70U Ġonatan sar jaf u minnufih bagħatlu messaġġiera biex jagħmel il-paċi miegħu u jroddlu l-priġunieri. 71U Bakkidi laqa’ l-proposti u għamel skont ma qallu, u ħalef lil Ġonatan li ma jagħmillu ebda deni kemm idum ħaj. 72Imbagħad tah lura l-priġunieri, li qabel kien qabad minn art Ġuda, u dar u raġa’ lura lejn pajjiżu, u qatt iżjed ma ġieħ f’rasu li jerġa’ jmur f’arthom.
73B’hekk ix-xabla strieħet f’Iżrael, u Ġonatan kien joqgħod f’Mikmas, u beda jiggverna lill-poplu u jneħħi l-midgħajja minn nofs Iżrael.#Dt 19,19; 22,22.

Currently Selected:

1 MAKKABIN 9: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in