1 MAKKABIN 10
10
Kapitlu 10
Ġonatan u l-prinċpijiet Sirjani
1Fis-sena 160#10,1: Fis-sena 160: is-sena 152 QK Alessandru ppretenda li kien bin Antijoku IV Epifani. Kellu wkoll l-appoġġ tar-Rumani. Ħa wkoll it-titlu ta’ Epifani. Alessandru Epifani bin Antijoku ġie u ħa l-belt ta’ Ptolemajs; u laqgħuh u beda jsaltan hemm. 2U s-sultan Demetriju sama’, ġabar eżerċtu kbir ħafna, u telaq biex jaħbat għalih. 3Demetriju bagħat ittra lil Ġonatan bi kliem ta’ ħbieb biex ikabbarlu ġieħu 4għax ħaseb: ‘Ħa nfittxu nagħmlu l-paċi magħhom#10,4: Ħa nfittxu nagħmlu l-paċi magħhom: l-inkwiet bejn l-aħwa Alessandru u Demetriju safa ta’ vantaġġ għal-Lhud; ara v. 15-20. qabel ma jagħmilha hu ma’ Alessandru kontra tagħna. 5Għax żgur li jiftakar fil-ħsara kollha, li għamilna lilu, lil ħutu u lil ġensu.’ 6U tah is-setgħa li jiġbor eżerċtu u jħejji l-armi u jkun alleat tiegħu; u ordna wkoll li jagħtuh lura lil dawk li kienu miżmuma b’rahan fl-Akra.
7U Ġonatan tela’ Ġerusalemm u qara l-ittra b’mod li jisimgħu l-poplu kollu u dawk li kienu fl-Akra. 8U dawn qabadhom biża’ kbir malli semgħu li s-sultan tah is-setgħa li jiġbor eżerċtu. 9Imbagħad dawn taw f’idejn Ġonatan iż-żgħażagħ ostaġġi; u hu tahom lura lill-ġenituri tagħhom.#1 Mak 9,53.
10Ġonatan beda jgħammar f’Ġerusalemm u jibni u jġedded il-belt. 11U ta l-ordni lill-bennejja biex jibnu s-swar u jdawru l-għolja ta’ Sijon b’ġebel kwadru biex tissaħħaħ, u hekk għamlu.
12U l-barranin li kienu fil-fortizzi li kien bena Bakkidi ħarbu; 13u lkoll, wieħed wieħed, ħallew posthom, u marru kulħadd lejn pajjiżu. 14Baqgħu biss f’Betsur xi wħud li kienu telqu l-Liġi u l-kmandamenti; għalihom kienet belt tal-kenn.
15Is-sultan Alessandru sama’ bil-wegħdiet li Demetriju kien bagħat jagħmel lil Ġonatan, u qalulu wkoll bil-battalji li għamel u l-qlubija li wera, hu u ħutu, u kemm batew. 16Għalhekk ħaseb: ‘Fejn se nsibu bniedem bħal dan? Ħa nagħmlu minnu ħabib u alleat tagħna.’ 17U kitiblu ittra u bagħat jgħidlu dan il-kliem: 18“Is-sultan Alessandru lil Ġonatan ħuh, sliem.#2 Mak 11,22. 19Smajna li inti bniedem qalbieni u b’saħħtek, u li jistħoqqlok li tkun ħabib tagħna. 20Mela llum nagħmluk il-qassis il-kbir tan-nazzjon tiegħek u nagħtuk it-titolu ta’ ħabib tas-sultan biex iżżomm magħna u tkun ħabibna.” U bagħatlu wkoll il-porpra u l-kuruna tad-deheb.#1 Mak 2,18. 21U Ġonatan xedd l-ilbies sagru fis-seba’ xahar tas-sena 160 fil-festa tal-Għerejjex#10,21: Ġonatan xedd l-ilbies sagru fis-seba’ xahar tas-sena 160 fil-festa tal-Għerejjex: Ġonatan ħa l-inkarigu ta’ qassis il-kbir fit-23 ta’ Ottubru tas-sena 152 QK. Din il-kariga għolja kienet ilha battala seba’ snin wara l-mewt ta’ Alċimu. Għalkemm il-Makkabin kienu minn familja tal-qassisin, ma kinux mill-familja ta’ Sadok; għalhekk kien hemm nies li ma aċċettawx lil Ġonatan bħala qassis il-kbir leġittmu.. Hu ġabar eżerċtu u kiseb ħafna armi.#Lev 23,24.
22Demetriju sama’ b’dan kollu, u għamel f’qalbu, u qal: 23“X’għamilna? Għaliex ħallejna lil Alessandru jitħabbeb mal-Lhud qabilna b’vantaġġ tiegħu? 24Niktbilhom jien ukoll u nħajjarhom bi kliemi, u nwegħedhom ġieħ u doni biex iżommu miegħi u jgħinuni.” 25U kitbilhom skont dan il-kliem:
“Is-sultan Demetriju lin-nazzjon tal-Lhud, sliem. 26Smajna u fraħna li intom żammejtu l-ftehim magħna u bqajtu ħbieb tagħna u ma mortux mal-għedewwa tagħna. 27Ibqgħu, mela, sħaħ fil-fedeltà tagħkom lejna, u aħna rroddulkom il-ġid għal li tagħmlu magħna. 28Nikkonċedulkom ħafna eżenzjonijiet u npattulkom b’rigali. 29Minn issa stess naħfrilkom u neħles il-Lhud kollha mit-tributi, mit-taxxa fuq il-melħ u l-kuruni.#1 Mak 11,28-29. 30It-terz tal-uċuħ tar-raba’ u n-nofs tal-frott tas-siġar li jmissni nieħu, inċedihom, minn issa stess u għal li ġej, lill-art ta’ Ġuda u lit-tliet distretti li żdiedu magħha mis-Samarija u l-Galilija; dan jgħodd mil-lum u għal dejjem.#1 Mak 11,28. 31Ġerusalemm tkun belt qaddisa u flimkien mal-inħawi tagħha meħlusa mid-dieċmi u t-taxxi. 32Inċedi wkoll id-dritt fuq il-fortizza tal-Akra li hemm f’Ġerusalemm u nerħiha f’idejn il-qassis il-kbir, biex iqiegħed fiha rġiel magħżula minnu biex iħarsuha. 33U lil kull Lhudi li jinsab itturufnat ’il bogħod minn art il-Lhudija fit-territorji kollha tas-saltna tiegħi nibagħtu ħieles b’xejn. U naħfer lil kulħadd it-tribut tal-bhejjem ukoll.
34“U l-festi kollha, u s-Sibt, u l-qamar ġdid, u l-festi fissi, u t-tlitt ijiem ta’ qabel il-festa, u t-tlitt ijiem ta’ wara l-festa, dawn ikunu kollha jiem franki u liberi għal-Lhud kollha li jinsabu fis-saltna tiegħi,#Is 1,13-14. 35u ħadd ma jkollu s-setgħa li jagħmel xi ħaġa jew ifixkel lil xi ħadd minnhom għal ebda raġuni.
36“U jinkitbu madwar tletin elf ruħ minn fost il-Lhud fl-eżerċtu tas-sultan, u jitħallsu bħalma jitħallsu t-truppi kollha tas-sultan. 37Xi wħud minnhom jitqiegħdu fl-aqwa fortizzi tas-sultan, u oħrajn ikollhom postijiet ta’ fiduċja fis-saltna. Il-kmandanti u l-fizzjali jkunu magħżula minn fosthom u jkunu ggvernati skont il-liġijiet tagħhom, bħalma ordna s-sultan għall-art tal-Lhudija. 38U t-tliet distretti miżjuda mal-Lhudija mill-art tas-Samarija jingħaqdu mal-Lhudija b’mod li jkunu meqjusa ħaġa waħda magħha, u li fuqhom ħadd ma jkollu setgħa ħlief il-qassis il-kbir.
39“Ptolemajs bl-inħawi tagħha nagħtiha b’rigal lit-tempju ta’ Ġerusalemm għall-ispejjeż li jkun hemm bżonn għas-santwarju. 40U jien nagħti wkoll kull sena ħmistax-il elf xekel tal-fidda mit-teżor tas-sultan mid-dħul tal-postijiet li jkun jaqbel l-aktar. 41U ż-żejjed kollu li fis-snin ta’ qabel ma ħallsux l-inkarigati, minn issa ’l quddiem imur għat-tempju. 42Barra minn dan, naħfru wkoll il-ħamest elef xekel tal-fidda li kienu jittieħdu kull sena mid-dħul tat-tempju, għax dawn imissu lill-qassisin li jservu fih. 43U dawk li jistkennu fit-tempju ta’ Ġerusalemm u fl-inħawi kollha tiegħu, jekk ikollhom id-dejn mas-sultan jew għal kull ħaġa oħra, jinħelsu huma u kulma jkollhom fis-saltna tiegħi. 44L-ispejjeż għall-bini u t-tiswijiet fit-tempju jitħallsu mid-dħul tas-sultan. 45Jitħallsu wkoll mit-teżor tas-sultan l-ispejjeż għall-bini tas-swar ta’ Ġerusalemm u għat-tisħiħ tal-fortizza ta’ madwarha u wkoll biex jinbnew is-swar fil-bqija tal-Lhudija.”
46Xħin semgħu dan il-kliem, Ġonatan u l-poplu ma emmnuhx u lanqas aċċettawh, għax ftakru fil-ħsara kbira li kien għamel f’Iżrael u l-moħqrija kbira li kien ħaqarhom. 47Imma għoġobhom Alessandru, għaliex kien hu l-ewwel li offrielhom il-paċi, u baqgħu l-alleati tiegħu sal-aħħar.
48U Alessandru ġabar eżerċtu kbir u waqqaf il-kamp biswit Demetriju. 49Iż-żewġ slaten ħabtu għal xulxin: l-eżerċtu ta’ Demetriju ħarab, u Alessandru għamel għal warajh u għelibhom. 50U saħnet sewwa l-battalja u damet sejra sa nżul ix-xemx. Dak in-nhar Demetriju baqa’ mejjet hemm.
51Imbagħad Alessandru bagħat messaġġiera għand is-sultan Ptolomew tal-Eġittu jgħidulu hekk: 52“Jien erġajt lura fis-saltna tiegħi u qgħadt fuq it-tron ta’ missirijieti u ħadt il-gvern f’idejja; kissirt lil Demetriju u dħalt fl-artijiet tagħna. 53Dħalt f’battalja miegħu, u tkisser minna hu u l-eżerċtu tiegħu, u qgħadna fuq it-tron tas-saltna tiegħu. 54U issa ħa nagħmlu ħbieb. Agħtini lil bintek b’marti, u jien inkun ħatnek, u nagħti lilek u lilha rigali li jixirqulek.”
55U Ptolomew, is-sultan, wieġbu u qallu: “Imbierka l-ġurnata li fiha rġajt dħalt f’art missirijietek, u qgħadt fuq it-tron tagħhom. 56Issa nagħmel miegħek dak li ktibtli, imma ħa niltaqgħu fi Ptolemajs biex naraw lil xulxin, u nsir ħatnek bħalma għedt int.”
57Ptolomew telaq mill-Eġittu, hu u Kleopatra#10,57: Ptolomew telaq mill-Eġittu, hu u Kleopatra: Kleopatra Tea, li kellha ħmistax-il sena. Aktar tard iżżewġet lil Demetriju II, u lil ħuh Antijoku VIII. Is-sena 162 QK kienet is-sena 150-151 QK. bintu, u mar Ptolemajs fis-sena 162. 58U mar jiltaqa’ miegħu Alessandru, is-sultan, u tah lil Kleopatra bintu, u għamlilha tieġ fi Ptolemajs b’lussu kbir kif jixraq lis-slaten.
Ġonatan u Alessandru (152 QK)
59Alessandru kiteb lil Ġonatan biex imur jiltaqa’ miegħu. 60U mar b’solennità kbira Ptolemajs u ltaqa’ maż-żewġ slaten. U tahom rigali tal-fidda u d-deheb, lilhom u lil ħbiebhom, u ħafna doni oħra, u sab laqgħa tajba minnhom.#1 Mak 2,18.
61U kien hemm xi rġiel rinnegati minn Iżrael, nies mill-agħar, li kkonfoffaw kontra tiegħu biex jixluh, imma s-sultan ma tahomx widen. 62U s-sultan ordna li jneżżgħuh minn ħwejġu u jlibbsuh il-porpra; u hekk għamlu. 63U s-sultan qiegħdu bilqiegħda ħdejh u qal lill-uffiċjali tiegħu: “Oħorġu miegħu f’nofs il-belt u xandru li ħadd ma għandu jixlih fuq xejn jew ifittxu fuq xi ħaġa.”#Ġen 41,43; Est 6,9. 64U ġara li kif dawk li xlewh raw li kien mogħti l-ġieħ kif kien imxandar, u li kienu xiddulu l-porpra, ħarbu lkoll.#1 Mak 2,18; 11,27. 65U s-sultan tah il-ġieħ u kitbu fost l-aqwa ħbieb tiegħu u għamlu ġeneral u gvernatur provinċjali. 66U Ġonatan raġa’ lura lejn Ġerusalemm kollu ferħ u sliem.
Ir-rebħa ta’ Ġonatan (147 QK)
67Fis-sena 165 Demetriju bin Demetriju#10,67: Fis-sena 165 Demetriju bin Demetriju: Demetriju II, bin Demetriju I, mar Kreta fis-sena 147 QK. mar minn Kreta lejn art missirijietu. 68Malli sama’ Alessandru għamel f’qalbu u raġa’ lura lejn Antjokja. 69Demetriju mbagħad għamel lil Apollonju gvernatur taċ-Ċelesirja, u dan ġabar eżerċtu kbir u waqqaf il-kamp ħdejn Ġamnija. Lil Ġonatan, il-qassis il-kbir, bagħat jgħidlu: 70“Inti waħdek qomt kontra tagħna; u jien, minħabba fik, iddieħku bija u waqqgħuni għaż-żufjett. Dan għala qiegħed tħossok qawwi kontrina fuq l-għoljiet? 71Jekk inti għandek fiduċja fil-forzi tiegħek, ejja għalina fil-wita, u nitqiesu ma’ xulxin, għax jien għandi miegħi l-forzi tal-ibliet. 72Staqsi u tkun taf min aħna, jien u l-oħrajn li qegħdin jgħinuna, u jgħidulek li intom ma tistgħux tiqfulna; għax darbtejn missirijietek tħarbtu f’arthom stess. 73Inti ma tistax tirreżisti l-kavallerija u dan l-eżerċtu f’din il-wita, fejn ma hawnx ġebel u lanqas blat u mkien ieħor fejn taħrab.”
74Malli sama’ dan il-kliem ta’ Apollonju, Ġonatan ħa għalih. Għażel għaxart elef raġel u ħareġ minn Ġerusalemm; u Xmun ħuh mar jiltaqa’ miegħu biex jgħinu. 75Waqqaf il-kamp ħdejn Ġaffa, imma n-nies tal-belt għalquh barra, għaliex kien hemm l-għases ta’ Apollonju f’Ġaffa; imma huma ħabtu għaliha. 76In-nies tal-belt beżgħu u fetħulhom; u hekk Ġonatan rebaħ Ġaffa#10,76: Ġonatan rebaħ Ġaffa: Ġaffa kienet post fuq ix-xatt tal-Mediterran xi 64 km fuq il-Majjistral ta’ Ġerusalemm..
77Kif sama’ Apollonju ħa tlitt elef kavallier u kotra kbira ta’ fanterija u telaq lejn Ażotu taparsi kien se jgħaddi minn hemm, imma fl-istess ħin avanza lejn il-wita, għax kellu kavallerija kbira u kellu fiduċja sħiħa fiha. 78Ġonatan mar għal warajh sa Ażotu, u ż-żewġ eżerċti ħabtu għal xulxin. 79Apollonju kien ħalla elf kavallier moħbijin warajhom. 80U Ġonatan sar jaf li kien hemm l-għassa moħbija warajh; imma dawn dawru l-eżerċtu tiegħu u damu jwaddbu l-vleġeġ fuq it-truppi tiegħu minn filgħodu sa filgħaxija. 81Iżda t-truppi żammew iebes, skont ma kien ordnalhom Ġonatan, sakemm għejew iż-żwiemel tagħhom.
82Imbagħad Xmun ħareġ bl-eżerċtu tiegħu u ħabat għall-fanterija, waqt li l-kavallerija kienet għajjiena, għelibhom u ħarbu. 83Il-kavallerija xterdet fil-wita u ħarbet lejn Ażotu, u daħlu fit-tempju ta’ Dagon, l-idolu tagħhom, biex isalvaw ħajjithom.#1 Sam 5,2-5; 1 Mak 11,4. 84Ġonatan, iżda, ta n-nar lil Ażotu u l-irħula ta’ madwarha, ħa l-priża, u ħaraq bin-nar it-tempju ta’ Dagon u n-nies li kienu stkennew fih. 85Bejn il-maqtulin bix-xabla u l-maħruqin kienu jlaħħqu mat-tmint elef ruħ.
86Minn hemm Ġonatan telaq u waqqaf il-kamp ħdejn Askalon; u n-nies ħarġu jilqgħuh mill-belt b’ġieħ kbir. 87Imbagħad Ġonatan raġa’ lura bin-nies tiegħu lejn Ġerusalemm bi priża kbira magħhom. 88U ġara li malli sama’ Alessandru b’dawn il-ġrajja, lil Ġonatan kompla jżidlu l-unuri. 89Bagħatlu bokkla tad-deheb, bħalma kienet id-drawwa li jagħtu lill-qraba tas-slaten#10,89: Qraba tas-slaten: titlu ta’ ġieħ ogħla minn dak ta’ “ħabib tas-sultan.”, u tah ukoll Għekron u l-inħawi tagħha bi proprjetà tiegħu.#1 Mak 11,58; 14,43-44.
Currently Selected:
1 MAKKABIN 10: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.