YouVersion Logo
Search Icon

1 MAKKABIN 6

6
Kapitlu 6
Il-mewt ta’ Antijoku IV Epifani (163 QK)
1Is-sultan Antijoku kien għaddej mill-provinċja tan-naħa ta’ fuq, meta sama’ li Elimajs#6,1: Elimajs: il-muntanji ta’ Għelam, fix-Xlokk tal-Iran ta’ llum., belt fil-Persja, kienet magħrufa għall-għana, għall-fided u d-dehbijiet li kellha. 2It-tempju li kien hemm fiha kien fih bosta ġid: kellu tarki tad-deheb, kurazzi u armi mħollijin hemm minn Alessandru bin Filippu, li kien l-ewwel wieħed minn fost is-slaten tal-Maċedonja, li saltan fuq il-Griegi.#1 Mak 1,11-17; 2 Mak 9.
3Mar, għalhekk, biex jara jiħux il-belt u jisraq kulma jsib fiha, iżda ma seħħlux, għaliex in-nies tal-belt saru jafu x’kellu f’moħħu; 4u ġġildulu u waqfulu. Kellu, mela, jaħrab u jitlaq minn hemm, qalbu sewda, lura lejn il-Babilonja.
5Fil-Persja mbagħad wasal xi ħadd għandu u qallu li l-eżerċti li kienu daħlu f’art Ġuda sfaw mirbuħa. 6Qallu wkoll li Lisja kien minn tal-ewwel li mar bil-qawwa kollha, iżda malajr raġa’ lura u ħarab meta sab ruħu wiċċ imb wiċċ mal-Lhud. U żied jgħidlu li l-Lhud ħadu saħħithom minħabba l-għodod u l-armi u l-priżi kbar li seħħilhom jaħtfu minn taħt idejn is-suldati li huma qerdu. 7Barra minn dan, semmielu li l-idolu, li hu kien tella’ fuq l-artal f’Ġerusalemm, il-Lhud ġarrfuh, u s-santwarju dawruh b’ħitan għolja bħal qabel, u għamlu l-istess lill-belt tiegħu ta’ Betsur.#1 Mak 1,54; 4,41-43.
8Is-sultan, meta ħa dawn l-aħbarijiet, inħasad u beda jirtogħod bil-biża’. Mar fis-sodda, u xejn ma ħassu f’sikktu bis-swied ta’ qalb li qabdu, għax ma kienx seħħlu t-tir ta’ moħħu. 9Baqa’ ġranet sħaħ fis-sodda, għaliex niket kbir kien jaħkmu mill-ġdid kull darba, u ħaseb li kien wasal biex imut.
10Sejjaħ, għalhekk, lil ħbiebu kollha u qalilhom: “In-ngħas ħarab minn xfar għajnejja, għax qalbi sewda għall-aħħar bid-dwejjaq li għandi fuqi. 11Għedt bejni u bejn ruħi: Ara, x’diqa ġejt fiha, u x’baħar issa sibt ruħi fih! Jiena, fis-setgħa tiegħi, kont dejjem ferħan u kont maħbub. 12Iżda issa m’iniex ħlief niftakar fid-deni li għamilt f’Ġerusalemm: ġarrejt il-ħwejjeġ kollha li kellha, sew tal-fidda u sew tad-deheb, u għal xejn b’xejn bgħatt noqtol lil kull min joqgħod f’art Ġuda. 13Qed nara li minħabba f’hekk ġiet fuqi dil-ħsara kollha, u ara, qed immut mifni bis-swied ta’ qalb f’art barranija.”
14Imbagħad sejjaħ lil Filippu, wieħed minn ħbiebu, u qiegħdu kap fuq is-saltna tiegħu kollha. 15Tah il-kuruna u l-mant tiegħu, u ċ-ċurkett u inkarigah li jrabbi lil ibnu Antijoku, u jħarrġu biex ikun sultan.
16U Antijoku, is-sultan, miet fis-sena 149#6,16: Antijoku, is-sultan, miet fis-sena 149: Antijoku IV Epifani miet bejn it-22 ta’ Settembru, 164 u d-9 ta’ Diċembru 163 QK..
17Malli sama’ Lisja li miet is-sultan Antijoku, għamel sultan lil ibnu Antijoku#6,17: Lil ibnu Antijoku: Antijoku V imsejjaħ Ewpator, li tfisser missier twajjeb, kien għad kellu 9 snin. Lisja, il-protettur tiegħu, baqa’ jmexxi f’isem it-tifel. Qatilhom it-tnejn Demetriju sentejn wara; ara 7,1-4., li kien rabbieh minn ċkunitu u semmieh Ewpator.#2 Mak 10,10-11.
Spedizzjoni ta’ Antijoku V Ewpator (163QK)
18Dawk li kienu fl-Akra għalqu l-Iżraelin madwar it-tempju u kienu jfittxu li jagħmlulhom il-ħsara u jgħinu lill-Ġentili.#1 Mak 1,33-35. 19Ġuda, għalhekk, qatagħha li jqaċċathom min-nofs u ġabar il-poplu kollu biex jassedjahom; 20inġabru u bdew l-assedju fis-sena 150#6,20: Is-sena 150: Ottubru 163 sa Settembru 162 QK.. Bnew torrijiet u magni oħra. 21Imma xi wħud mill-assedjati rnexxielhom joħorġu, u ngħaqdu magħhom xi midgħajja minn Iżrael 22u marru jgħidu lis-sultan: “Kemm se ddum ma tivvendika ruħek u tagħmel ħaqq lil ħutna? 23Minn rajna aħna konna aċċettajna li nservu lil missierek u li nimxu skont ma jgħidilna u noqogħdu għall-ordnijiet tiegħu. 24U minħabba f’hekk ulied il-poplu tagħna dawru l-Akra u nqatgħu minnha. Mhux biss, imma qegħdin joqtlu lil kull min isibu minna u jisirqulna ġidna. 25U meddew idejhom mhux fuqna biss, imma fuq il-ġirien tagħhom kollha. 26U, ara, illum waqqfu l-kamp madwar l-Akra f’Ġerusalemm biex jaħtfuha, u ffortifikaw it-tempju u ’l Betsur. 27Jekk int ma tfittixx tilħaq qabilhom mill-aktar fis, jagħmlu agħar minn hekk, u ma tkunx tista’ trażżanhom.”
28Is-sultan, malli sama’ b’dan, inkorla u ġabar il-ħbieb tiegħu kollha, kapijiet tal-eżerċtu tiegħu u l-uffiċjali tal-kavallerija tiegħu.#2 Mak 13,1-23. 29U waslu għandu wkoll truppi merċenarji minn saltniet oħra, u mill-gżejjer tal-baħar. 30U l-għadd tat-truppi tiegħu kien ilaħħaq mitt elf fanterija, għoxrin elf kavallerija u tnejn u tletin iljunfant imħarrġa għall-gwerra.
31Qasmu l-Idumija u waqqfu l-kamp kontra Betsur; ħejjew għodod tal-gwerra u damu jaħbtu għaliha għal żmien twil, iżda l-assedjati ħarġu u ħarqulhom kollox u tqabdu b’ħila kbira. 32Ġuda mbagħad telaq minn ħdejn l-Akra u waqqaf il-kamp ħdejn Bet-żakkarija biswit il-kamp tas-sultan.
33Is-sultan bakkar filgħodu kmieni u mar jiġri bl-eżerċtu tiegħu lejn Bet-żakkarija; u l-forzi tqassmu għall-battalja u daqqew it-trombi 34u lill-iljunfanti wrewhom l-għasir tal-għeneb u t-tut biex isaħħnuhom għall-battalja. 35Qassmu l-bhejjem bejn il-qtajja’, u ma’ kull iljunfant qiegħdu elf raġel lebsin kurazza minsuġa f’malji u bl-elmi tal-bronż fuq rashom. Barra dawn kien hemm ħames mitt kavallier magħżul, imqassma ma’ kull bhima. 36Dawn kienu ħadu posthom minn qabel kull fejn kienet il-bhima, u kull fejn kienet tmur kienu jmorru magħha u ma jitbegħdux minnha. 37Fuq kull bhima kien hemm torrijiet qawwijin tal-injam mgħottijin u marbutin magħhom b’xedd apposta, u f’kull torri kien hemm erbgħa min-nies għall-ġlied u l-Indjan li jsuqu. 38Is-sultan qassam il-bqija tal-kavallerija ’l hemm u ’l hawn fuq iż-żewġt iġnub tal-eżerċtu biex ibeżżgħu l-għadu u jħarsu l-battaljuni tagħhom. 39Malli x-xemx bdiet tiddi fuq it-tarki miksija bid-deheb u l-bronż, l-għoljiet xegħlu bihom u bdew jilmaw qishom ħġejjeġ tan-nar. 40Biċċa mill-eżerċtu tas-sultan tqassmet fuq l-għoljiet u l-oħra fil-wita. Hekk avanzaw bl-ordni, żguri minnhom infushom. 41U kull min kien jisma’ l-ħoss tal-kotra tagħhom, il-mixi ta’ dawn in-nies kollha, u l-armi jħabbtu ma’ xulxin kien jitkexkex, għax l-eżerċtu kien kbir u qawwi.
42Ġuda avanza bl-eżerċtu tiegħu u ħabat għalihom; u mill-eżerċtu tas-sultan waqgħu mejta fl-art sitt mitt raġel. 43Elgħażar, imlaqqam l-Awwaran, ra waħda mill-bhejjem miksija b’armatura ta’ sultan u ogħla mill-bhejjem l-oħra; ħaseb li fuqha kien hemm is-sultan, 44u ta ħajtu biex jeħles il-poplu tiegħu u jikseb għalih innifsu isem għal dejjem. 45B’kuraġġ kbir telaq bil-ġirja lejha minn ġo nofs il-battaljuni, joqtol max-xellug u mal-lemin, u bdew iwarrbulu minn naħa u minn oħra. 46Imbagħad daħal taħt l-iljunfant, nifdu u qatlu. Imma l-bhima waqgħet fuqu u hu baqa’ mejjet taħtha. 47Il-Lhud, malli raw il-forzi tas-sultan u l-qawwa tal-eżerċtu, tbiegħdu minnhom.
48Imbagħad it-truppi tal-eżerċtu tas-sultan telgħu għalihom f’Ġerusalemm, u s-sultan waqqaf il-kamp kontra l-Lhudija u l-għolja ta’ Sijon.
49Għamel il-paċi man-nies ta’ Betsur, li ħarġu mill-belt, għax ma kienx fadlilhom ikel biżżejjed biex iżommu sħiħ f’assedju, billi dik is-sena ħabtet sena ta’ mistrieħ għar-raba’#6,49: Sena ta’ mistrieħ għar-raba’: din kienet is-sena tal-ġublew li fiha ma setax isir xogħol tar-raba’; ara Eż 23,10; Lev 25,2-7. Għalhekk is-sena ta’ wara (164-163 QK) kienu nieqsa mill-ikel..#Lev 25,2. 50Hekk is-sultan ħa f’idejh Betsur u ħalla fiha gwarniġjun biex iħarisha.
51Imbagħad dawwar il-kamp għal fuq it-tempju għal żmien twil, u waqqaf batteriji u magni, għodod għat-tfigħ tan-nar u l-ġebel, inġenji għat-twaddib tal-vleġeġ u żbandoli. 52Il-Lhud ukoll, min-naħa tagħhom, għamlu magni kontra l-magni tagħhom u damu jitqabdu żmien twil. 53Imma ikel fl-imħażen ma kienx hemm, għax ħabtet is-seba’ sena u r-rifuġjati li kienu ħarbu lejn il-Lhudija minn fost il-Ġentili kielu kulma kien daħal fl-imħażen. 54Għalhekk il-Lhud ħallew ftit nies fit-tempju, u xterdu ’l hemm u ’l hawn, kulħadd lejn pajjiżu, għax il-ġuħ kien għafashom.
55Sadattant Lisja sama’ li Filippu, li s-sultan Antijoku, meta kien għadu ħaj, kien fdalu f’idejh lil ibnu Antijoku biex iħejjih ħalli jsaltan floku,#2 Mak 13,23-26. 56kien raġa’ lura mill-Persja u l-Medja bl-eżerċtu tas-sultan li kien mar miegħu; u li kien qiegħed ifittex jieħu l-amministrazzjoni f’idejh. 57U malajr malajr għamel il-ħsieb li jitlaq u qal lis-sultan, lill-kapijiet tal-eżerċtu u lit-truppi: “Qegħdin nonqsu kull jum; ikel ftit fadlilna, u l-post li qegħdin nassedjaw hu qawwi, u rridu naħsbu wkoll fl-imperu.#2 Mak 11,13-33. 58Mela issa ejjew noffru l-leminija lil dawn in-nies, nagħmlu paċi magħhom u mal-ġens tagħhom kollu, 59u nħalluhom jimxu skont id-drawwiet tagħhom bħal qabel. Għaliex minħabba d-drawwiet tagħhom, li aħna neħħejnielhom, huma inkurlaw għalina u għamlu dan kollu.” 60Dan il-kliem għoġob lis-sultan u lill-kapijiet, u bagħat jittratta l-paċi magħhom u ftiehmu. 61Is-sultan flimkien mal-kapijiet ħalfulhom, u mbagħad l-assedjati ħarġu mill-Akra. 62U s-sultan mar fuq l-għolja ta’ Sijon, u malli ra kemm kien iffortifikat sewwa, kiser il-ħalfa li kien ħalef, u ordna li jħottu l-ħitan dawramejt. 63Imbagħad telaq mgħaġġel, u raġa’ lura lejn Antjokja, u sab lil Filippu jaħkem il-belt; attakkah u ħadlu l-belt bil-forza.

Currently Selected:

1 MAKKABIN 6: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in