YouVersion Logo
Search Icon

1 MAKKABIN 5

5
Kapitlu 5
Ġuda fl-Idumija u t-Trasġordanja
1Ġara li meta l-Ġentili ta’ madwarhom semgħu li nbena l-artal u t-tempju kien ikkonsagrat kif kien qabel, inkurlaw sewwa,#1 Mak 13,6. 2u qatgħuha li jeqirdu n-nisel ta’ Ġakobb, li kienu joqogħdu f’nofshom, u bdew joqtlu u jeqirdu wħud mill-poplu.
3U Ġuda ħareġ jagħmel gwerra kontra wlied Għesaw fl-Idumija, fl-Akrabatteni#5,3: Akrabatteni: distrett fuq il-Lbiċ tal-Baħar il-Mejjet., għax kienu qegħdin jagħfsu fuq Iżrael, u tahom xebgħa kbira u rażżanhom, u ħa l-priża mingħandhom.#Num 34,4; Ġoż 15,3; 2 Mak 10,15-23. 4Ftakar ukoll fil-ħażen ta’ wlied Bajan#5,4: Ulied Bajan: l-Idumin li kienu jgħammru fin-Nofsinhar tal-Palestina; ara 2 Mak 10,15-23., li kienu nasba u tfixkil għall-poplu, billi kienu jissajjawlhom fit-toroq. 5Għalaqhom fit-torrijiet tagħhom, u waqqaf il-kamp madwarhom, u qatagħhielhom għall-mewt, u ħarqilhom it-torrijiet b’kulma kien fihom.#Ġoż 6,17. 6Għadda mbagħad għal ulied Għammon, u hemm sab eżerċtu qawwi u poplu kotran taħt il-kmand ta’ Timotju#5,6: Timotju: il-gvernatur tat-Trasġordanja, illum is-saltna tal-Ġordan..#Dt 2,5. 7U tqabad ħafna battalji kontrihom, kissirhom u għamel straġi minnhom. 8Ħa f’idejh lil Ġagħżer#5,8: Ġagħżer: fit-Trasġordanja fuq it-triq bejn il-Ġordan u Amman. u l-irħula ta’ madwarha, u raġa’ lura lejn il-Lhudija.
9Imbagħad inġemgħu l-Ġentili li kienu f’Gilgħad kontra Iżrael, li kienu jgħammru f’artijiethom, biex jeqirduhom. Imma dawn ħarbu fil-fortizza ta’ Datema, 10u bagħtu ittra lil Ġuda u lil ħutu u qalulhom: “Inġemgħu l-Ġentili ta’ madwarna kontrina biex jeqirduna. 11U qegħdin ilestu biex jiġu u jaqbdu l-fortizza fejn stkennejna. Timotju hu l-kmandant tal-eżerċtu tagħhom. 12Issa, mela, ejja u eħlisna minn taħt idejhom, għax ħafna minna ġa spiċċaw. 13Ħutna lkoll li kienu fl-art ta’ Tubi sfaw maqtula, u n-nisa tagħhom b’uliedhom magħhom maqbuda lsiera, u ġidhom misruq; qatlu hemm madwar elf raġel.”#2 Mak 12,17.
14Kif kienu għadhom jaqraw din l-ittra waslu messaġġiera oħra mill-Galilija, bi ħwejjiġhom imċarrta, u tawhom aħbarijiet oħra bħal dawn. 15Qalulhom kif inġemgħu nies minn Ptolemajs#5,15: Ptolemajs: belt fuq ix-xtajta fuq it-Tramuntana ta’ Ħajfa, illum Akri. u Tir u Sidon u mill-Galilija kollha tal-ġnus, biex jeqirduhom.#Is 8,23.
16Meta Ġuda u l-poplu semgħu dan il-kliem, laqqgħu ġemgħa kbira ħalli jiddeċiedu x’se jagħmlu biex jgħinu lil ħuthom li kienu fl-għawġ u mħabbtin mill-għedewwa tagħhom. 17Imbagħad Ġuda qal lil Xmun, ħuh: “Agħżel irġiel għal miegħek, u mur u eħles lil ħutek li hemm fil-Galilija, jiena u Ġonatan ħija mmorru f’Gilgħad.” 18U ħalla lil Ġużeppi bin Żakkarija, u lil Għażarija, kap tal-poplu, bil-bqija tal-eżerċtu biex iħares il-Lhudija; 19u tahom din l-ordni u qalilhom: “Ħudu ħsieb dan il-poplu, u tagħmlux gwerra kontra l-Ġentili qabel ma nerġgħu lura aħna.” 20U l-irġiel tqassmu hekk: tlitt elef lil Xmun għall-Galilija u tmint elef lil Ġuda għal Gilgħad.
21Xmun mar il-Galilija u tqabad ħafna battalji kontra l-Ġentili, u l-Ġentili tfarrku quddiemu, 22u baqa’ jiġri warajhom sal-bieb ta’ Ptolemajs; mill-Ġentili mietu madwar tlitt elef raġel, u Xmun ħa l-priża tagħhom. 23Ġabar il-Lhud li kienu mill-Galilija u Arbatta bin-nisa u t-tfal tagħhom u b’kulma kellhom, u ħadhom b’ferħ kbir fil-Lhudija.
24U Ġuda l-Makkabi u ħuh Ġonatan qasmu l-Ġordan u mxew tlitt ijiem fid-deżert.#2 Mak 12,10-12. 25Imbagħad iltaqgħu man-Nabatin#5,25: Nabatin: nies ta’ nisel Għarbi li kienu jgħammru fit-Transġordanja u n-Nofsinhar tal-Palestina, bil-belt kapitali tagħhom Petra maqtugħa fil-muntanji. Minħabba l-karwani li kienu jgħaddu minn arthom saru sinjuri kbar u kienu jaħkmu fuq biċċa art sewwa sa Damasku fis-Sirja., li laqgħuhom bis-sliem, u qalulhom kulma ġralhom ħuthom f’Gilgħad; 26ħafna minnhom kienu magħluqin f’Bosra, Busor, Għalema, Kasfur, Maked, u Karnajn, kollha bliet kbar iffortifikati, 27u fl-ibliet l-oħra ta’ Gilgħad kien hemm oħrajn magħluqin. “U għal għada,” qalulhom, “iddeċidew li jaħbtu għall-fortizzi tagħhom, u jaqbduhom f’idejhom u jeqirdu f’jum wieħed lil dawk kollha li hemm fihom.”
28Ġuda mbagħad, mal-eżerċtu tiegħu, malajr malajr, raġa’ lura u qabad it-triq fid-deżert lejn Bosra, qabad il-belt u għadda l-irġiel kollha minn xifer ix-xabla, ħadilhom ġidhom kollu, u ta n-nar lill-belt; 29u mbagħad telaq minn hemm billejl u rħielha lejn il-fortizza. 30Mas-sebħ refgħu għajnejhom u raw kotra bla qjies ta’ nies, iġorru slielem u magni biex jaħtfu l-fortizza, u kienu qed jaħbtu għaliha. 31Ġuda malli ra li l-attakk kien ġa beda, u li l-għajjat tal-belt bit-trombi u t-twerżiq kien kbir li kien jilħaq is-sema, 32qal lin-nies tal-eżerċtu: “Tqabdu llum għal ħutna.”#Neħ 4,14. 33U marrilhom minn wara fi tliet taqsimiet, imbagħad daqqew it-trombi u bdew jgħajtu u jitolbu. 34Malli l-eżerċtu ta’ Timotju ntebaħ li kien Ġuda l-Makkabi, ħarbu minn quddiemu, u hu tahom xebgħa kbira, u minnhom baqgħu mejta dakinhar madwar tmint elef raġel. 35Imbagħad Ġuda lewa lejn Għalema u ħabat għaliha, qabadha u qatel l-irġiel li kien hemm fiha, u ħa l-ġid kollu tagħha, u taha n-nar. 36Telaq minn hemm u qabad lil Kasfu, Maked, u Busor, u l-ibliet l-oħra kollha ta’ Gilgħad.
37Wara dan kollu Timotju ġabar eżerċtu ieħor, u waqqaf il-kamp biswit Rafun lil hemm mill-wied.#2 Mak 12,20-26. 38Ġuda bagħat jitkixxef il-kamp, u ħabbrulu u qalulu: “Ingħaqdu miegħu l-Ġentili kollha ta’ madwarna, eżerċtu bla qjies. 39Qabbdu wkoll merċenarji Għarab biex jgħinuhom u waqqfu l-kamp in-naħa l-oħra tal-wied, lesti biex jiġu jaħbtu għalik.” U Ġuda ħareġ għalihom.
40U Timotju kellem lill-fizzjali tal-eżerċtu tiegħu waqt li kien riesaq Ġuda u l-eżerċtu tiegħu lejn il-wied: “Jekk jgħaddi għalina qabilna, ma nkunux nistgħu niqfulu, għax żgur li jegħlibna;#1 Sam 14,9-10. 41imma jekk jibża’ u jwaqqaf il-kamp ’l hemm mix-xmara, naqsmu aħna u negħlbuh.”
42Malli qorob lejn ix-xmara Ġuda waqqaf il-kittieba tat-truppi ħdejn ix-xmara u ordnalhom u qalilhom: “Tħallu lil ħadd iwaqqaf il-kamp, imma qisu li kulħadd jiġi għat-taqbida.” 43Imbagħad għadda hu l-ewwel u l-eżerċtu kollu warajh; u l-Ġentili tħarbtu quddiemu, irmew l-armi li kellhom, u ħarbu lejn it-tempju f’Karnajn. 44Imma Ġuda ħataf il-belt u ta n-nar lit-tempju b’kull min kien hemm fih. U hekk Karnajn kienet megħluba u ma felħitx tieqaf lil Ġuda.#2 Mak 12,21.
45Imbagħad Ġuda ġabar l-Iżraelin kollha li kienu jgħammru f’Gilgħad, mill-kbir saż-żgħir, bin-nisa u t-tfal tagħhom u b’ġidhom kollu, kotra kbira sewwa, biex imorru fl-art ta’ Ġuda. 46U waslu sa Efron#5,46: Efron: fit-Tramuntana tat-Transġordanja; kienet tikkontrolla l-widien ta’ madwarha., belt kbira u qawwija ħafna. Din kienet fuq it-triq hekk li ma kontx tista’ ddur magħha la min-naħa tal-lemin lanqas min-naħa tax-xellug, bilfors ikollok tgħaddi minn ġo nofsha.#2 Mak 12,27-31. 47Dawk li kienu fil-belt għalquhom barra u mbarraw il-bibien bil-ġebel.#Num 20,17-21; 21,21-25. 48U Ġuda bagħat ikellimhom bil-kwiet u jgħidilhom: “Ħa ngħaddu minn artkom biex immorru f’artna, u ħadd ma jagħmlilkom ħsara; ngħaddu biss bil-mixi.” Imma ma ridux jiftħulu.
49Imbagħad Ġuda ta ordni lil dawk li kienu fil-kamp biex kulħadd jibqa’ fejn kien. 50U l-irġiel tal-eżerċtu ħadu posthom, u Ġuda ħabat għall-belt il-ġurnata kollha u l-lejl kollu, u l-belt waqgħet f’idejh. 51U għadda lill-irġiel kollha minn xifer ix-xabla u qered il-belt minn għeruqha; ħa ġidha kollu u għadda minnha minn fuq l-iġsma tal-mejtin.#Ġoż 6,17.
52Imbagħad qasam il-Ġordan għall-wita l-kbira biswit Betsan. 53U Ġuda baqa’ jżomm flimkien lil dawk li baqgħu lura u jagħmel il-qalb lill-poplu t-triq kollha sakemm waslu fl-art ta’ Ġuda. 54U telgħu ferħana u hienja fuq l-għolja ta’ Sijon u offrew sagrifiċċji tal-ħruq, kuntenti li kienu reġgħu lura bis-sliem bla ma naqas ħadd minnhom.
It-telfa ta’ Għażarija u Ġużeppi
55F’dak iż-żmien li Ġonatan u Ġuda kienu fl-art ta’ Gilgħad, u Xmun, ħuh, fil-Galilija quddiem Ptolemajs, 56Ġużeppi bin Żakkarija, u Għażarija, il-kmandanti tal-eżerċtu, semgħu bl-għemejjel ta’ ħila u l-battalji li dawk daħlu għalihom 57u qalu: “Ħa nagħmlu isem għalina wkoll u noħorġu niġġieldu kontra l-Ġentili ta’ madwarna.” 58U taw l-ordni lin-nies tal-eżerċtu li kellhom magħhom u telqu lejn Ġamnija. 59U Gorġjas ħareġ mill-belt bin-nies tiegħu u baqa’ miexi għal fuqhom biex jiġġildilhom. 60Ġużeppi u Għażarija ħarbu, u l-Ġentili baqgħu jiġru warajhom sat-trufijiet ta’ Ġuda; u dakinhar mill-poplu ta’ Iżrael waqgħu mejta elfejn ruħ. 61U din il-ħerba kollha ġiet fuq il-poplu, għax ma semgħux minn Ġuda u minn ħutu, u ħasbu li kellhom il-ħila juru qlubithom. 62Imma huma ma kinux mir-razza ta’ dawn il-qalbiena, li bil-ħila tagħhom Iżrael kiseb il-ħelsien. 63Ġuda, il-qalbieni, u ħutu kisbu ġieħ kbir quddiem Iżrael kollu u quddiem il-Ġentili kollha li semgħu b’isimhom. 64U kulħadd kien ġej għandhom jifirħilhom.
65Imbagħad Ġuda u ħutu ħarġu u marru jitqabdu ma’ wlied Għesaw fl-art tan-naħa tan-Nofsinhar u ħatfu f’idejhom lil Ħebron u l-irħula li kienet tagħmel minnhom, ġarraf il-fortifikazzjonijiet tagħha u t-torrijiet tagħha dawramejt u tahom in-nar. 66U qabad u mar lejn art il-Filistin u għadda minn Marisa. 67Dakinhar waqgħu mejta waqt il-ġlied xi qassisin, li riedu juru l-ħila tagħhom u ħarġu jitqabdu bla ħsieb ta’ xejn. 68Ġuda rħielha lejn Ażotu tal-Filistin, qered l-artali tagħhom, ħaraq ix-xbihat tal-allat tagħhom, u ħa l-priża mill-ibliet u raġa’ lura lejn art Ġuda.

Currently Selected:

1 MAKKABIN 5: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in