1 MAKKABIN 2
2
Kapitlu 2
Ir-reżistenza tal-Makkabin
1F’dak iż-żmien kien hemm Mattatija bin Ġwanni, bin Xmun, qassis minn nisel Ġojarib. Dan telaq minn Ġerusalemm, u mar joqgħod f’Modin#2,1: Modin: raħal xi 40 km ’l bogħod fuq il-Majjistral ta’ Ġerusalemm..#1 Kron 9,10; 1 Kron 24,7. 2Kellu ħamest itfal: Ġwanni li kienu jgħidulu l-Gaddi, 3Xmun jgħidulu t-Tassi, 4Ġuda jgħidulu l-Makkabi, 5Elgħażar jgħidulu l-Awaran, Ġonatan jgħidulu l-Affu.
6Mattatija, meta ra l-profanazzjonijiet li kienu qegħdin isiru f’Ġuda u f’Ġerusalemm, 7qal: “Jaħasra għalija! Għalhekk twelidt, biex nara l-qerda tal-poplu u l-ħerba tal-belt imqaddsa? Se nibqa’ hekk ma nagħmel xejn, meta hi mitluqa f’idejn l-għedewwa, u t-tempju f’idejn il-barranin?
8Is-santwarju tagħha sar bħal bniedem bla ġieħ,
9it-tagħmir sabiħ tagħha, misruq u meħud ’il bogħod;#Lam 2,11-21.
it-trabi tagħha mbiċċra fil-pjazez tagħha;
iż-żgħażagħ tagħha minfuda mis-sejf tal-għadu.
10Liema ġens ma ħax saltnatha,
u ma ħatafx il-priża tagħha?
11Tiżjinha kollu serquhulha,
minn belt ħielsa saret ilsira.
12Ara, il-ħwejjeġ qaddisa tagħna,
ġmielna u sbuħitna u foħritna,
kollox sar ħerba,
il-ġnus niġġsuhom.
13Għalfejn, mela, ngħixu aktar?”
14U Mattatija u wliedu ċarrtu ħwejjiġhom u xiddew x-xkejjer, u bkew biki kbir.
15U waslu fil-belt ta’ Modin il-messaġġiera tas-sultan bl-inkarigu li jġiegħlu n-nies jitilqu r-reliġjon tagħhom u jordnawlhom li joffru s-sagrifiċċji. 16U ħafna mill-Iżraelin resqu lejhom; imma Mattatija u wliedu nġemgħu għalihom weħidhom.
17Imbagħad il-messaġġiera tas-sultan daru lejn Mattatija u qalulu: “Inti l-kap f’din il-belt, bniedem kbir u ta’ ġieħ, imdawwar b’uliedek u ħutek. 18Mela ibda int l-ewwel wieħed u agħmel dak li ordna s-sultan, bħalma għamlu l-ġnus kollha, l-irġiel ta’ Ġuda, u dawk li baqa’ Ġerusalemm. Hekk tkun int u wliedek fost Ħbieb is-Sultan#2,18: Ħbieb is-Sultan: titolu ta’ ġieħ, ngħidu aħna n-nobbli fil-palazz tas-sultan., onorati b’rigali tad-deheb u l-fidda, u doni oħra.”
19Imma Mattatija għolla leħnu u wieġeb: “Imqar jekk il-ġnus kollha, li qegħdin taħt il-ħakma tas-sultan, jisimgħu minnu u kull wieħed minnhom iħalli r-reliġjon ta’ missirijietu u joqogħdu għall-ordnijiet tiegħu, 20jiena, uliedi u ħuti, nibqgħu mexjin skont il-patt ta’ missirijietna. 21Ħażin għalina jekk nitilqu l-liġi u l-kmandamenti. 22Ma nisimgħu qatt minn kliem is-sultan u ma nitbegħdux mir-reliġjon tagħna lejn ix-xellug jew lejn il-lemin!”#Dt 5,32.
23Kif temm dan id-diskors wieħed Lhudi ħareġ quddiem kulħadd biex joffri s-sagrifiċċju fuq l-artal f’Modin skont id-digriet tas-sultan. 24Malli rah Mattatija xegħel bil-għadab, u tqanqlu ġewwenih, u far bil-qilla kif trid il-Liġi u b’ġirja waħda mar għal fuqu u qatlu fuq l-artal. 25Fl-istess ħin qatel il-messaġġier tas-sultan li kien qiegħed jisfurzahom biex jissagrifikaw, u ġarraf l-artal. 26U xegħel biż-żelu għal-Liġi, bħalma kien għamel Fineħas lil Żimri bin Salu.#Num 25,6-14; 1 Mak 2,54; S 106,30; Sir 45,23. 27U Mattatija mbagħad beda jgħajjat mal-belt u jgħid b’leħen għoli: “Kull min hu għajjur għal-Liġi u jrid jibqa’ jżomm il-Patt, joħroġ warajja.” 28U ħarab hu u wliedu lejn il-muntanji u ħallew warajhom kulma kellhom fil-belt.#2 Mak 5,27.
29Imbagħad ħafna, li kienu jħobbu s-sewwa u d-dritt, niżlu fid-deżert#2,29: Fid-deżert: l-inħawi muntanjuża bi ftit ħdura u bi ftit nies lejn Ġerusalemm u l-Baħar il-Mejjet. biex joqogħdu hemmhekk, 30huma u wliedhom u n-nisa tagħhom bl-imrieħel tagħhom, għax l-għawġ issokta dejjem jikber fuqhom.
L-ewwel battalja
31Il-ministri tas-sultan u l-gwarniġjun li kien hemm f’Ġerusalemm fil-Belt ta’ David, waslitilhom l-aħbar li xi nies kisru l-ordni tas-sultan u marru jinħbew fl-għerien fid-deżert. 32Ħafna marru jiġru warajhom u malli laħquhom waqqfu l-kamp biswithom, u tħejjew biex jaħbtu għalihom f’jum is-Sibt.#2 Mak 6,11. 33U mbagħad qalulhom: “Issa biżżejjed. Oħorġu u agħmlu skont l-ordni tas-sultan u tibqgħu ħajjin.” 34U huma wieġbu: “Ma aħniex se noħorġu u lanqas nagħmlu skont l-ordni tas-sultan u niksru jum is-Sibt.” 35Dawk ħabtu għalihom minnufih. 36Iżda huma ma weġbuhomx u la waddbu ġebla u lanqas ma mbarraw l-għerien, 37għax qalu: “Ħa mmutu lkoll bla ħtija. Jixhdulna s-sema u l-art li se teqirduna intortament.” 38U ħabtu għalihom f’jum is-Sibt, u mietu huma u n-nisa tagħhom u wliedhom bl-imrieħel, b’kollox elf ruħ.
39Malli sar jaf, Mattatija u sħabu bkewhom ħafna. 40U bdew jgħidu lil xulxin; “Jekk ilkoll nagħmlu bħalma għamlu ħutna u ma nitqabdux mal-Ġentili għal ħajjitna u għat-tradizzjonijiet tagħna, malajr jeqirduna lkoll minn fuq wiċċ l-art.” 41Għalhekk dakinhar stess iddeċidew u qalu: “Jiġi min jiġi jaħbat għalina f’jum is-Sibt, nitqabdu kontrih biex b’hekk ma mmutux ilkoll bħalma mietu ħutna fl-għerien.”
42Imbagħad ingħaqdu magħhom ġemgħa ta’ Ħasidin#2,42: Ġemgħa ta’ Ħasidin: Ħasidin, mill-kelma Lhudija ħesed, imħabba, tjieba; kienu dawk in-nies li kienu stretti fl-osservanza tal-Liġi. Minn dawn ħarġu l-Fariżej u l-Esseni. Għall-ewwel żammew mal-Makkabin, iżda mbagħad telquhom meta dawn ħadu l-poter f’idejhom u bdew jabbużaw minnu., nies ta’ ħila kbira fost Iżrael, kull wieħed lest biex jiddefendi l-Liġi. 43U dawk kollha li kienu ħarbu minħabba l-ħażen li kien hemm kienu jissieħbu magħhom, u hekk kienet tiżdidilhom il-qawwa. 44U rawmu eżerċtu u fis-saħna tagħhom bdew jaħbtu għall-midinbin u r-rinnegati fil-qilla tagħhom; il-bqija ħarbu u marru jistkennu fost il-Ġentili.#Is 63,3.
45Mattatija u sħabu marru jduru mal-pajjiż u jġarrfu l-artali, 46jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni bilfors lit-trabi li kienu sabu mingħajrha fl-art ta’ Iżrael, 47u għamlu għal wara l-kburin, u hekk ix-xogħol mexa tajjeb f’idejhom. 48Hekk ħelsu l-Liġi minn idejn il-ġnus u s-slaten, u lit-tradituri ħallewhom bla forza.
L-aħħar kelma u l-mewt ta’ Mattatija (166QK)
49Meta qorob iż-żmien li fih kellu jmut, Mattatija kellem lil uliedu u qalilhom: “Bħalissa jsaltnu s-suppervja u l-vjolenza, hu żmien it-taqlib u l-korla qalila.
50“Issa, uliedi, tħeġġu għal-Liġi u agħtu ħajjitkom għall-patt ta’ missirijietna. 51Ftakru fl-għemil ta’ missirijietna, li għamlu fi żmienhom, u tiksbu glorja kbira u isem li jkun għal dejjem. 52Abraham, mhux fil-prova kien misjub fidil, u dan ingħaddlu b’ġustizzja?#Ġen 15,6; 22,1-19; Għerf 10,5; Lhud 11,17. 53Ġużeppi fi żmien l-hemm tiegħu baqa’ jħares il-Liġi u sar sid l-Eġittu.#Ġen 39,7-10; 41,39-43. 54Fineħas, missierna, għall-ħeġġa kbira li kellu, kiseb il-wegħda tas-saċerdozju għal dejjem.#Num 25,10-13; Sir 45,23-24. 55Ġożwè, għaliex sama’ mill-kelma tal-Mulej, sar imħallef f’Iżrael.#Ġoż 1,2-5. 56Kaleb, għall-istqarrija fil-ġemgħa, kiseb sehem mill-wirt tal-art.#Num 13,30; 14,6-9; Ġoż 14,14. 57David, minħabba t-tjieba tiegħu, wiret it-tron ta’ saltna għal dejjem.#2 Sam 2,4; 7,16. 58Elija, minħabba l-ħeġġa tiegħu għal-Liġi, kien meħud fis-sema.#1 Slat 19,10-14; 2 Slat 2,11-12. 59Ħananija, Għażarija, Misael, għax emmnu, kienu meħlusa min-nar. 60Danjel, minħabba l-innoċenza tiegħu, kien meħlus minn ħalq l-iljuni.#Dan 6,23. 61Għalhekk jekk tqisu ġenerazzjoni wara oħra taraw li dawk li jittamaw fih ma jibqgħux minn taħt.#Sir 2,10.
62“Tibżgħux mit-theddid tal-bniedem midneb, għax il-glorja tiegħu ħmieġ u dud. 63Illum fuq tiegħu u għada ma ssibux, għax ikun waqa’ u sar trab u fehmietu jkunu ntemmu fix-xejn.
64“Uliedi, kunu rġiel u qalbiena fil-Liġi, għax hi għad tkun il-glorja tagħkom.#Dt 31,6. 65Hawn hu Xmun ħukom; naf li hu raġel għaqli, isimgħu minnu tul għomorkom kollu, ħa jkun missierkom. 66U Ġuda l-Makkabi sa minn żgħożitu kien dejjem ta’ ħila u qawwa; ħa jkun il-kmandant tal-eżerċtu u jmexxi l-gwerra kontra l-Ġentili. 67Iġbru madwarkom lil dawk kollha li jħarsu l-Liġi u tħallsu tal-inġustizzji kontra l-poplu tagħkom. 68Roddu lill-ġnus dak li ħaqqhom, u ħarsu l-preċetti tal-Liġi.”
69Imbagħad berikhom, u nġabar ma’ missirijietu. 70U miet fis-sena 146#2,70: Fis-sena 146: 166 QK., u difnuh fil-qabar ta’ missirijietu f’Modin. U Iżrael kollu bkieh biki kbir.
Currently Selected:
1 MAKKABIN 2: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.