YouVersion Logo
Search Icon

1 MAKKABIN 11

11
Kapitlu 11
Alessandru Bala
1Is-sultan tal-Eġittu ġabar eżerċtu kotran daqs ir-ramel f’xatt il-baħar u bosta iġfna bil-ħsieb li jinganna lil Alessandru u jaħtaflu s-saltna tiegħu u jżidha ma’ tiegħu. 2Hu mar is-Sirja bi kliem is-sliem u n-nies tal-ibliet fetħulu l-bibien u laqgħuh, għax l-ordni ta’ Alessandru kien li jilqgħuh billi kien ħatnu. 3Imma kull meta kien jidħol fl-ibliet, Ptolomew kien iħalli xi truppi għassa f’kull belt. 4Meta wasal f’Ażotu, urewh it-tempju ta’ Dagon maħruq, Ażotu u l-inħawi tagħha ħerba, u l-katavri mitfugħin ’l hemm u ’l hawn u l-iġsma maħruqin, li kienu ħarquhom fil-gwerra; dawn kollha ċ-ċittadini għamluhom gzuz mat-triq tas-sultan.#1 Mak 10,84. 5U s-sultan qalulu kulma kien għamel Ġonatan biex iċekknuh; imma s-sultan baqa’ sieket.
6Ġonatan mar jilqa’ s-sultan f’Ġaffa bis-solennità kollha, sellmu lil xulxin, u għaddew il-lejl hemmhekk. 7Imbagħad Ġonatan wassal lis-sultan sax-xmara jgħidulha Elewteru#11,7: Elewteru: illum ix-xmara Nahr el-Kebir, il-fruntiera tat-Tramuntana tal-Libanu tal-lum. Fi żmien is-Selewċidi kienet il-fruntiera tat-Tramuntana taċ-Ċelesirja., u raġa’ lura lejn Ġerusalemm.
8Is-sultan Ptolomew ħa f’idejh l-ibliet tax-xatt sa Selewċja li hemm ħdejn il-baħar#11,8: Selewċja li hemm ħdejn il-baħar: dan kien il-port ta’ Antjokja fuq ix-xmara Orontes. u beda jfassal proġetti ta’ ħsara kontra Alessandru. 9U bagħat messaġġiera għand Demetriju s-sultan biex jgħidulu: “Ejja ħa nagħmlu alleanza bejnietna, u nagħtik lil binti li għandu Alessandru, u int issaltan fuq is-saltna ta’ missirijietek. 10Għelejt li tajtu ’l binti, biex issa qiegħed ifittex li joqtolni.” 11U b’hekk ċekknu bi kliemu għax kien jixtieq jeħodlu s-saltna. 12Ħadlu lil bintu u taha lil Demetriju, kisirha ma’ Alessandru, u hekk il-ġlieda bejniethom ħarġet fil-beraħ.
13Imbagħad Ptolomew daħal f’Antjokja u xedd il-kuruna tal-Asja, u hekk kellu żewġ kuruni: il-kuruna tal-Asja u dik tal-Eġittu. 14Dak iż-żmien Alessandru kien iċ-Ċiliċja, għaliex in-nies ta’ dan il-pajjiż kienu rvillaw. 15Alessandru, malli sama’, ħareġ għalih għall-ġlied; Ptolomew min-naħa tiegħu ħareġ għalih b’qawwa kbira, ħabat għalih u ħarbtu. 16Alessandru ħarab lejn l-Għarabja biex jistkenn hemm; u s-sultan Ptolomew kien minn fuq. 17U Żabdijel l-Għarbi, qata’ ras Alessandru u bagħatha lil Ptolomew. 18Iżda s-sultan Ptolomew miet tlitt ijiem wara, u dawk li kienu fil-fortizzi qatluhom in-nies tal-post.
19Hekk fis-sena 167#11,19: Is-sena 167: 146/145 QK. Alessandru u Ptolomew mietu fis-sajf tas-sena 145 QK. beda jsaltan Demetriju.
Ġonatan u Demetriju II Nikator (145-138QK)
20Dak iż-żmien Ġonatan ġabar in-nies tal-Lhudija biex jaħbat għall-Arka f’Ġerusalemm, u tellgħu ħafna magni għal fuqha. 21U xi nies rinnegati, li kienu jobogħdu lil ġenshom, marru għand is-sultan jgħarrfuh li Ġonatan kien assedja l-fortizza.
22Malli sama’ dan, is-sultan saħan bl-għadab. Tkixxef sewwa u rafa’ l-kamp u mar Ptolemajs; u kiteb lil Ġonatan biex ma jkomplix l-assedju u jmur mill-aktar fis jiltaqa’ miegħu Ptolemajs biex jitħaddtu. 23Kif sama’ dan Ġonatan ordna li jibqa’ sejjer l-assedju; imbagħad għażel xi wħud mill-anzjani ta’ Iżrael u mill-qassisin, u ntelaq għall-periklu. 24Ħa fided u deheb u lbies prezzjuż u ħafna rigali oħra, u telaq għal għand is-sultan Ptolemajs, fejn sab laqgħa sabiħa ħafna.
25Għalkemm xi nies rinnegati mill-poplu tiegħu bdew jixluh, 26is-sultan ġieb ruħu miegħu bħalma kienu ġiebu ruħhom dawk ta’ qablu, u tah l-unuri kollha quddiem ħbiebu kollha. 27Wettqu bħala l-qassis il-kbir u ħallielu l-privileġġi kollha li kellu qabel, u tah post fost l-aqwa ħbieb tiegħu. 28Ġonatan imbagħad talab lis-sultan li jeħles mit-tribut lil-Lhudija, u t-tliet distretti tas-Samarija, u min-naħa tiegħu wiegħdu tliet mitt talent.#1 Mak 2,18; 10,30; 11,34. 29Is-sultan għoġbitu l-proposta u kiteb ittra lil Ġonatan dwar dan kollu, li kien fiha dan il-kliem:
30“Is-Sultan Demetriju lil Ġonatan, ħuh#11,30: Lil Ġonatan, ħuh: ħu s-sultan, titolu ta’ ġieħ., u lill-ġens Lhudi, sliem!#1 Mak 10,26-45.
31“Qegħdin niktbu lilkom ukoll kopja tal-ittra li ktibna dwarkom lil Lasteni, qarib tagħna, sabiex tkunu tafu biha.
32“Is-sultan Demetriju lil Lasteni, missieru#11,32: Lasteni, missieru: titolu ieħor ta’ ġieħ. Lasteni kien il-kmandant tat-truppi merċenarji. Kien responsabbli għaż-żarmar tal-eżerċtu regolari bil-konsegwenzi li ġew wara; ara v. 38., sliem! 33Qtajnieha li nagħmlu l-ġid lill-ġens Lhudi, ħbieb tagħna, li baqgħu leali għall-obligazzjonijiet li għandhom lejna minħabba s-sentimenti tajba tagħhom għalina. 34Iddeċidejna li nagħtuhom l-art tal-Lhudija u t-tliet distretti ta’ Aferima#11,34: Aferima: Għofra, ara Ġoż 18,23; 1 Sam 26,6; 1 Kron 13,19 u Efrajm, ara Ġw 11,54, illum Et-Tajibi, 8 km fuq it-Tramuntana ta’ Betel fil-Palestina ċentrali., Lidda#11,34: Lidda: Lod, Eżek 2,33; Neħ 11,35; 16-il km fuq in-Nofsinhar ta’ Ġaffa. u Ramatajm#11,34: Ramatajm: illum Rentis, Ramatajm-sofin, ara 1 Sam 1,1; Arimatija, ara Mt 27,57; 15-il km fuq il-Majjistral ta’ Lidda., li kienu mgħoddija mis-Samarija għal-Lhudija, u l-artijiet li jagħmlu minnhom. Lil dawk kollha li joffru s-sagrifiċċju f’Ġerusalemm naħfrulhom id-drittijiet tas-sultan, li qabel kien jieħu mingħandhom ta’ kull sena mill-uċuħ tar-raba’ u tal-frott. 35Minn issa ’l quddiem naħfrulhom ukoll kulma kien imissna mill-għexur u mit-tribut, mis-salini tal-melħ u l-kuruni. Kollox naħfrulhom. 36U minn dan kollu xejn ma jkun imneħħi, la issa u lanqas qatt. 37Issa mela ħudu ħsieb agħmlu kopja ta’ din l-ittra, u agħtuha lil Ġonatan biex iqegħduha fuq l-għolja mqaddsa fejn tidher.”
38Meta Demetriju ra li l-pajjiż kien ikkwieta taħt it-treġija tiegħu u xejn ma kien ifixklu, żarma l-eżerċtu tiegħu kollu u bagħat lil kulħadd lejn daru, minbarra t-truppi stranġieri li kien ġabar mill-gżejjer tal-Ġentili. Għalhekk it-truppi kollha ta’ missirijietu daru kontrih.
39Trifon, li darba kien iżomm ma’ Alessandru, meta ra li t-truppi kollha bdew igemgmu kontra Demetriju, mar għand Ġamliku l-Għarbi, li kien qiegħed irabbi lil Antijoku, it-tifel ta’ Alessandru.#1 Mak 12,39. 40U beda jsus fuqu biex jagħtihulu biex jibda jsaltan flok missieru. Għarrfu wkoll b’kulma kien qiegħed jagħmel Demetriju u bil-mibegħda li t-truppi kellhom għalih. U baqa’ hemmhekk għal ħafna żmien.
41Ġonatan bagħat jitlob lil Demetriju biex ineħħi lil dawk li kienu fl-Akra f’Ġerusalemm u lil dawk li kienu fil-fortizzi, għax kienu qegħdin jaħbtu għal Iżrael. 42Demetriju bagħat jgħid lil Ġonatan: “Mhux dan biss nagħmel lilek u lil ġensek, imma nżejjen b’kull ġieħ lilek u lil ġensek, f’waqtu u f’ħinu. 43Issa tagħmel tajjeb jekk tibgħatli xi rġiel biex jgħinuni fil-ġlied, għax telquni t-truppi li kelli.”
44U Ġonatan bagħtlu f’Antjokja tlitt elef raġel b’saħħithom u qalbiena; u waslu għand is-sultan u dan feraħ bil-miġja tagħhom. 45Issa dawk li kienu fil-belt, u kienu jlaħħqu madwar mija u għoxrin elf inġabru f’nofs il-belt, għax riedu joqtlu s-sultan. 46Is-sultan mar jistkenn fil-palazz, filwaqt li n-nies tal-belt qabdu t-toroq f’idejhom u bdew jitqabdu. 47Is-sultan sejjaħ lil-Lhud biex jgħinuh; dawn inġabru f’daqqa madwaru u xterdu mal-belt, u dakinhar qatlu madwar mitt elf ruħ. 48Il-belt tawha n-nar u ħadu priża kbira u salvaw is-sultan.
49Meta n-nies tal-belt raw li l-Lhud ħadu l-belt f’idejhom u bdew jagħmlu li jogħġobhom, qatgħu qalbhom u marru jitolbu s-sultan iħenn għalihom u jgħidulu: 50“Agħtina idek il-leminija u jieqfu l-Lhud mill-ġlied magħna u mal-belt.” 51U rmew l-armi u għamlu paċi. U l-Lhud kibru sewwa fil-ġieħ quddiem is-sultan u quddiem in-nies kollha tas-saltna tiegħu, u reġgħu lura lejn Ġerusalemm mgħobbija bi priża kbira.
52U s-sultan Demetriju qagħad fuq it-tron tas-saltna tiegħu, u l-pajjiż ikkwieta. 53Iżda ċaħad kulma kien wiegħed, kisirha ma’ Ġonatan, u ma ħallsux tal-ġid li għamel miegħu, u beda jħabbtu ħafna.
Ġonatan u Antijoku VI Djonisju (145-141QK)
54Wara dawn il-ġrajja Trifon raġa’ lura b’Antijoku, daqsxejn ta’ tifel, miegħu. Ipproklamawh sultan u xiddulu l-kuruna f’rasu.#1 Mak 11,39; 12,39. 55U mbagħad inġemgħu madwaru t-truppi kollha u ħabtu għal Demetriju, li kien tahom is-sensja; u dan tfarrak u ħarab. 56Trifon ħataf l-iljunfanti u qabad f’idejh lil Antjokja.
57Imbagħad iż-żagħżugħ Antijoku kiteb lil Ġonatan u qallu: “Jien inħallik u nwettqek fil-kariga tiegħek ta’ qassis il-kbir u nagħmlek kap fuq l-erba’ distretti; u int tkun wieħed mill-ħbieb tas-sultan.”
58U bagħatlu tagħmir tad-deheb għall-mejda u tah is-setgħa li jixrob minn kalċijiet tad-deheb, li jilbes il-porpra u li jġib fuqu l-bokkla tad-deheb.#1 Mak 2,18. 59U ’l Xmun ħuh għamlu ġeneral kmandant fuq l-art mit-Taraġ ta’ Tir#11,59: Taraġ ta’ Tir: Ras en-Naqurah, fuq il-fruntiera bejn il-Libanu u Iżrael fi żmien il-paċi. It-triq hi f’sensiela ta’ turġien, għax il-muntanji jaslu sa xatt il-baħar. sa truf l-Eġittu.
60Ġonatan ħareġ idur l-art in-naħa l-oħra tax-xmara u l-ibliet, u miegħu ngħaqad l-eżerċtu kollu tas-Sirja biex jgħinu. Wasal f’Askalon, u n-nies tal-belt laqgħuh b’ħafna unuri. 61Minn hemm baqa’ sejjer Gaża; hawn in-nies ta’ Gaża għalqulu l-bieb. Għalhekk assedjaha, ħaraq l-inħawi tagħha, u ħadilhom il-priża. 62Imbagħad in-nies ta’ Gaża għamlu talba lil Ġonatan għal ftehim u hu tahom idu; u wlied il-kbarat tagħhom ħadhom ostaġġi u bagħathom Ġerusalemm. U baqa’ jdur mal-pajjiż sa Damasku.
63Ġonatan sama’ li l-ġenerali ta’ Demetriju kienu qegħdin b’eżerċtu kbir ħdejn Kades fil-Galilija biex ireġġgħuh lura mill-impriża. 64Ġonatan ħareġ għalihom u ħalla lil ħuh Xmun fil-pajjiż. 65Xmun waqqaf il-kamp biswit Betsur u, wara li dam jaħbat għaliha għal ħafna żmien, għalaqha minn kullimkien. 66Imbagħad talbuh jagħtihom idu b’sinjal ta’ paċi, u hu tahielhom, imma qalagħhom ’il barra mill-belt, ħadha f’idejh, u poġġa l-għases fiha.
67Ġonatan u l-eżerċtu tiegħu waqqfu l-kamp ħdejn l-għadira ta’ Ġennesaret, u filgħodu kmieni, qabel is-sebħ, irħewlha lejn il-wita ta’ Ħasor#11,67: Il-wita ta’ Ħasor: il-belt qadima tal-Kangħanin, ara Ġoż 11,10, 16-il km fuq it-Tramuntana tal-għadira tal-Galilija.. 68U f’daqqa waħda l-eżerċtu tal-barranin ħareġ għalih fil-wita, filwaqt li kien hemm għases moħbija jissajjaw fl-għoljiet. L-eżerċtu mar għalih minn quddiem, 69u l-għases ħarġu mill-moħbiet tagħhom, u beda l-ġlied.
70In-nies ta’ Ġonatan ħarbu lkoll; ħadd minnhom ma baqa’ ħlief Mattatija bin Absalom u Ġuda bin Kalfi, it-tnejn kapijiet tal-eżerċtu. 71Ġonatan ċarrat ħwejġu, u xeħet it-trab fuq rasu, u beda jitlob. 72Imbagħad raġa’ dar għal fuqhom, ħabat għalihom, kissirhom, u ġagħalhom jaħarbu. 73Meta dawk li kienu telquh raw x’ġara reġgħu għal miegħu, u għamlu għal warajhom sa Kades, sal-kamp tagħhom, u waqfu hemm. 74Mill-barranin dakinhar baqgħu mejta madwar tlitt elef ruħ. U Ġonatan raġa’ lura lejn Ġerusalemm.

Currently Selected:

1 MAKKABIN 11: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in