1 MAKKABIN 12
12
Kapitlu 12
Il-ħbiberija mar-Rumani u l-Ispartani
1Meta Ġonatan ra li ż-żmien kien favur tiegħu, għażel xi rġiel u bagħathom Ruma biex iwettqu u jġeddu l-ħbiberija magħhom.#1 Mak 8,17. 2Bagħat ukoll ittri lill-Ispartani u nħawi oħra bl-istess ħsieb. 3U marru Ruma u kif waslu daħlu fis-Senat u qalulhom: “Ġonatan, il-qassis il-kbir, u l-ġens Lhudi bagħtuna nġeddu l-ħbiberija magħkom, u l-alleanza bħal qabel.” 4U r-Rumani tawhom ittri għall-awtoritajiet ta’ kull pajjiż biex iwassluhom bis-sliema f’art Ġuda.
5Din hi l-kopja tal-ittra, li Ġonatan kiteb lill-Ispartani:
6“Ġonatan, il-qassis il-kbir, is-senat tal-poplu, il-qassisin u l-bqija tal-poplu Lhudi lil ħuthom l-Ispartani, sliem.
7“Sa minn żmien ilu Arju#12,7: Arju: Arju I, sultan ta’ Sparta, 309-265 QK. Din l-ittra kienet intbagħtet 150 sena qabel. Li l-Ispartani u l-Lhud kienu nisel Abraham it-tnejn kienet l-idea ta’ dak iż-żmien. L-awtur sagru qiegħed jirreferi x’kitbu l-Lhud dik il-ħabta, bla ma jagħti l-fehma tiegħu., sultan tagħkom, bagħat ittra lil Onija, il-qassis il-kbir#12,7: Onija, il-qassis il-kbir: Onija I, il-qassis il-kbir, 323-300 QK., fejn qallu li intom ħutna, kif jidher mill-kopja li hawn ma’ din l-ittra.#1 Mak 12,20-23; 2 Mak 5,9. 8Onija kien laqa’ l-messaġġier li kontu bgħattu bl-unuri kollha u aċċetta l-ittra, li kienet titkellem fuq alleanza u ħbiberija. 9Aħna għalhekk, għalkemm ma neħtiġux dan kollu, la darba għandna l-faraġ tal-Kotba Mqaddsa#12,9: Faraġ tal-Kotba Mqaddsa: jiġifieri “il-Liġi, il-Profeti u l-Kotba l-oħra,” skont il-Prologu ta’ bin Sirak v. 1 għall-ħabta tas-sena 132 QK. li għandna f’idejna,#Rum 15,4. 10madankollu ħabrikna li nibagħtulkom biex inġeddu l-patt ta’ aħwa u ħbiberija, u ma nsirux barranin għalikom, billi għadda żmien twil minn mindu ktibtulna l-aħħar.
11“Aħna niftakru dejjem fikom bla heda fil-festi u fiċ-ċelebrazzjonijiet l-oħra fl-offerta tas-sagrifiċċji u fit-talb, kif inhu sewwa u xieraq li niftakru fl-aħwa. 12Nifirħu bl-unur tagħkom.
13“Aħna laħaqna ħafna għawġ minn kull naħa u ħafna gwerer, għax ħabtu għalina s-slaten ta’ madwarna. 14F’dawn il-gwerer ma ridna nissikkaw lil ħadd, la lilkom u lanqas l-alleati l-oħra u l-ħbiebna. 15Kellna l-għajnuna tas-sema, konna meħlusa mill-għedewwa tagħna, u l-għedewwa ġew umiljati.
16“Issa għażilna lil Numenju bin Antijoku u lil Antipater bin Ġason, u bgħatniehom għand ir-Rumani jġeddu l-ħbiberija magħhom u l-alleanza bħal qabel.#1 Mak 14,22; 15,15. 17Ordnajnielhom ukoll li jgħaddu għandkom u jsellmulkom u jagħtukom l-ittra tagħna dwar it-tiġdid tal-ftehim ta’ aħwa bejnietna.
18“U issa tagħmlu sewwa jekk tweġbuna dwar dan.”
19U din hi l-kopja tal-ittra li bagħtu lil Onija:
20“Arju, sultan tal-Ispartani, lil Onija, il-qassis il-kbir, sliem.#1 Mak 12,6-7. 21Instab dokument li jgħid li l-Ispartani u l-Lhud huma aħwa, it-tnejn minn nisel Abraham. 22Issa la sirna nafu b’dan, tagħmlu sewwa jekk tiktbulna u tgħidulna kif intom sejrin. 23U aħna qegħdin niktbulkom: l-imrieħel tagħkom u kulma għandkom huma tagħna, u tagħna tagħkom. Dan nordnaw li jgħarrfukom il-messaġġiera tagħna.”
Ġonatan jeħodha kontra Demetriju II Nikator u l-Filistin
24U Ġonatan sama’ li l-ġenerali ta’ Demetriju reġgħu ġew b’eżerċtu akbar minn qabel biex jaħbtu għalih. 25U ħareġ minn Ġerusalemm u mar għalihom fl-art ta’ Ħamat#12,25: Fl-art ta’ Ħamat: l-art tas-Selewċidi fuq il-Grigal taċ-Ċelesirja, li kienet taħt il-kmand ta’ Ġonatan; ara 11,59., bla ma tahom żmien jidħlulu f’artu. 26Imbagħad bagħat l-ispiji fil-kamp tagħhom, u meta reġgħu lura għarrfuh li l-għedewwa kienu lesti jaħbtu għalihom billejl. 27Ma’ nżul ix-xemx Ġonatan ordna lin-nies tiegħu jishru u joqogħdu armati, lesti għall-ġlied il-lejl kollu; u qiegħed l-għases madwar il-kamp kollu.
28Malli l-għedewwa ntebħu li Ġonatan u n-nies tiegħu kienu lesti għat-taqbid, beżgħu u qatgħu qalbhom u qabbdu l-ħġejjeġ fil-kamp tagħhom u telqu. 29Ġonatan u n-nies tiegħu ma ntebħux qabel is-sebħ, għax kienu raw id-dawl tal-ħġejjeġ. 30Ġonatan għamel għal warajhom imma ma laħaqhomx, għax kienu diġà qasmu x-xmara Elewteru. 31Minn hemm Ġonatan erħielha kontra l-Għarab, jgħidulhom iż-Żabadin, għelibhom u ħadilhom il-priża. 32Imbagħad telaq minn hemm lejn Damasku, u qasam l-art kollha.
33Xmun ħareġ ukoll u wasal sa Askalon u l-fortizzi tal-qrib; minn hemm kiser lejn Ġaffa u ħatafha f’idejh, 34għax kien sama’ li riedu jerħu din il-fortizza f’idejn in-nies ta’ Demetriju. Fiha ħalla l-għases biex iħarsuha.
35Malli raġa’ lura, Ġonatan laqqa’ l-anzjani tal-poplu u ftiehem magħhom li jibnu fortizzi fil-Lhudija, 36jgħollu l-ħitan ta’ Ġerusalemm, itellgħu ħajt għoli sewwa bejn l-Akra u l-belt biex jifirduha minnha, u hekk tibqa’ maqtugħa għaliha, u n-nies fiha ma jkunux jistgħu u la jixtru u lanqas ibigħu. 37U nġemgħu biex jibnu l-belt. Billi kienet waqgħet biċċa mill-ħajt tal-Lvant in-naħa tal-wied, Ġonatan sewwieh billi tella’ l-ħajt li jgħidulu Kafenata. 38U Xmun bena ’l Adida fis-Sefela u saħħaħha bil-bibien u l-iżbarri.
Ġonatan priġunier (142 QK)
39Issa Trifon kien qiegħed jirsisti li jsir sultan tal-Asja, ixidd il-kuruna u jmidd idejh fuq is-sultan Antijoku.#1 Mak 11,39-40. 40Imma kien jibża’ li Ġonatan ma jħallihx u jaħbat għalih; għalhekk beda jfittex li jaqbdu f’idejh u joqtlu; u qabad u telaq lejn Betsan. 41Ġonatan ħareġ jilqgħu b’erbgħin elf raġel magħżul għall-ġlied, u ġibed lejn Betsan.
42Trifon, malli ra li kien ġie b’eżerċtu kbir beża’ jmidd idejh fuqu. 43Għalhekk laqgħu bl-unuri, faħħru quddiem ħbiebu kollha, tah ir-rigali, u ordna lil ħbiebu u lit-truppi tiegħu jobduh bħallikieku kien hu stess. 44Imbagħad qal lil Ġonatan: “Għalfejn qlajt dawn in-nies kollha, la darba m’aħniex fi gwerra bejnietna? 45Mela ibgħathom lejn djarhom, agħżel ftit nies għalik biex jibqgħu miegħek, u ejja miegħi fi Ptolemajs, u nagħtihielek bil-fortizzi l-oħra wkoll u t-truppi u l-uffiċjali l-oħra kollha; u mbagħad nerġa’ lura u nitlaq, għax għalhekk ġejt jien.”
46U Ġonatan emmnu u għamel kif qallu: bagħat it-truppi, u reġgħu lura lejn art Ġuda. 47Hu żamm miegħu tlitt elef ruħ, elfejn minnhom ħalliehom fil-Galilija, u elf oħra marru miegħu. 48Kif Ġonatan daħal Ptolemajs, in-nies ta’ Ptolemajs għalqu l-bibien u qabduh f’idejhom, u lil dawk li kienu daħlu miegħu qatluhom bix-xabla.
49Imbagħad Trifon bagħat truppi u kavallerija fil-Galilija u fil-wita kbira#12,49: Il-wita l-kbira: il-wita ta’ Esdralon jew Ġeżragħel mnejn kellhom jgħaddu t-truppi żarmati ta’ Ġonatan. biex jeqirdu n-nies kollha ta’ Ġonatan. 50Malli dawn saru jafu li Ġonatan kienu qabduh, u hu u n-nies li kellu miegħu kienu mitlufa, għamlu l-qalb lil xulxin u telqu bl-ordni lesti għall-ġlied. 51Malli dawk li għamlu għal warajhom raw li kienu lesti jiġġieldu għal ħajjithom, reġgħu lura. 52U huma waslu f’art Ġuda bis-sliem. U bkew lil Ġonatan u ’l sħabu u qabadhom biża’ kbir. U Iżrael kollu beka biki kbir.
53Il-ġnus kollha ta’ madwarhom bdew ifittxu li jeqirduhom u kienu jgħidu: “Ma għandhomx kap jew min jgħinhom! Ejjew nagħmlulhom gwerra u neqirdu t-tifkira tagħhom minn fost il-bnedmin.”#1 Mak 5,2; 13,6.
Currently Selected:
1 MAKKABIN 12: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.