ŻAKKARIJA 14
14
Kapitlu 14
It-taqbida tal-aħħar: sbuħija ta’ Ġerusalemm
1Ara, għad jiġi Jum għall-Mulej#14,1: Għad jiġi Jum għall-Mulej: dehra tal-aħħar tad-dinja meta Alla għad jidher rebbieħ biex jagħmel ħaqq minn kulħadd. Ġerusalemm, simbolu, tal-poplu ta’ Alla, tkun meħlusa mit-tbatijiet tagħha u timtela bil-barka ta’ Alla., meta jeħdulek ġidek priża u jaqsmuh bejniethom f’nofsok. 2U jien niġbor il-ġnus kollha kontra Ġerusalemm għat-taqbida, u l-belt taqa’ f’idejhom, id-djar jisirquhom, in-nisa jwaqqgħuhom fl-għajb; nofs il-belt tkun itturufnata, imma l-bqija tal-poplu ma jinqatax mill-belt.#Ġoel 4,2-12. 3U joħroġ il-Mulej jitqabad ma’ dawk il-ġnus bħal fi żmien il-gwerra f’ġurnata ta’ taqtigħa.#Is 31,4. 4U jieqfu riġlejh dakinhar fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, li hi biswit Ġerusalemm, in-naħa tal-Lvant; u l-Muntanja taż-Żebbuġ tinqasam minn nofsha b’wied wiesa’ ħafna min-naħa tal-Lvant għan-naħa tal-Punent, nofs wieħed tal-muntanja jersaq lejn it-Tramuntana, u n-nofs l-ieħor lejn in-Nofsinhar. 5U l-wied tal-muntanji tiegħu jingħalaq minn Ġowaħ sa Ġasal, u jingħalaq bħalma ngħalaq minħabba fit-terremot fi żmien Għużżija, is-sultan ta’ Ġuda. Imbagħad il-Mulej, Alla tiegħi, jiġi flimkien mal-qaddisin kollha tiegħu.#Dt 33,2-5; Għam 1,1; Mt 16,27.
6U jiġri dakinhar li ma jkunx hemm dawl, imma sirda u ksieħ. 7U jkun jum waħdieni, magħruf mill-Mulej; ma jkun hemm la binhar u lanqas billejl, għax filgħaxija jkun hemm id-dawl.#Apk 21,23. 8Dakinhar minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, nofsu lejn il-baħar tal-Lvant u n-nofs l-ieħor lejn il-baħar tal-Punent, u jibqa’ jiġri sajf u xitwa.#Eżek 47,1-8; Ġoel 4,18; Żak 13,1. 9Il-Mulej ikun imbagħad sultan fuq l-art kollha; dakinhar il-Mulej ikun wieħed u ismu wieħed.#Dt 6,4; 33,26; Ef 4,5-6; Apk 11,15. 10U l-art kollha tinbidel f’wita minn Geba sa Rimmon fin-naħa tan-Nofsinhar. Iżda Ġerusalemm titgħolla fil-post fejn tinsab. Mill-Bieb ta’ Benjamin sal-misraħ tal-Bieb ta’ qabel, jiġifieri sal-Bieb tal-Kantuniera, u mit-Torri ta’ Ħananel sa fejn jagħsru l-inbid tas-sultan,#Neħ 3,6; 12,38; Żak 12,6. 11in-nies jgħammru fiha. U ħadd iżjed ma jkun merħi għall-qerda. Iva, in-nies jgħammru f’Ġerusalemm b’rashom mistrieħa.#Dt 33,28; Ġer 31,40; Apk 22,3.
12U din tkun id-daqqa li biha l-Mulej isawwat il-popli kollha li għamlu gwerra lil Ġerusalemm: laħamhom jitħassrilhom waqt li jkunu għadhom fuq riġlejhom, għajnejhom jinfaqgħulhom f’ħofrithom, u lsienhom idubilhom f’ħalqhom.#Is 66,24.
13U tiġi fuqhom dakinhar taħwida tal-għaġeb min-naħa tal-Mulej, kull wieħed jaqbad id l-ieħor u jerfgħu jdejhom għal xulxin.#Eżek 38,21. 14U Ġuda wkoll jissara f’Ġerusalemm. U b’kotra kbira jinġabar il-ġid kollu tal-ġnus ta’ mad-dwar, deheb u fidda u lbies.#Lev 23,34-43; Neħ 8,14; Is 60,6-9. 15U kastig bħal dan ikun il-kastig li jaqa’ fuq iż-żwiemel, fuq il-bgħula, fuq l-iġmla, fuq il-ħmir, u fuq il-bhejjem kollha li jkunu jinsabu f’dik l-armata.
16Jiġri mbagħad li dawk kollha li jibqgħu mill-ġnus kollha li jkunu ġew għal Ġerusalemm jitilgħu minn sena għal oħra biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti, u biex jagħmlu l-festa tal-Għerejjex. 17U dawk, li fost il-familji tal-art, ma jitilgħux Ġerusalemm biex jinxteħtu quddiem is-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti, jiġrilhom li ma jkunx hemm xita għalihom.#Eż 23,14. 18U jekk il-familja tal-Eġittu ma titlax u ma tiġix, għaliha wkoll ikun hemm il-kastig li bih il-Mulej jikkastiga l-ġnus li ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa tal-Għerejjex.#Is 19; Ġer 46; Eżek 29—32. 19Dan ikun il-ħlas tal-Eġittu u l-ħlas tal-ġnus kollha talli ma jitilgħux biex jagħmlu l-festa tal-Għerejjex.
20Dakinhar fuq iċ-ċnieċel taż-żwiemel ikun hemm miktub: “Imqaddsa lill-Mulej”; u l-borom fit-tempju tal-Mulej ikunu bħall-vaski ta’ quddiem l-artal. 21U l-borom kollha f’Ġerusalemm u f’Ġuda jkunu mqaddsa lill-Mulej tal-eżerċti, u dawk kollha li joffru sagrifiċċju jiġu u jieħdu minnhom u jgħallu fihom; u ma jkunx hemm aktar neguzjanti dakinhar fit-tempju tal-Mulej tal-eżerċti.#Mt 21,12; Ġw 2,13-16.
Currently Selected:
ŻAKKARIJA 14: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.