YouVersion Logo
Search Icon

LEVITIKU 21

21
Kapitlu 21
Il-qdusija tal-qassisin
1Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lill-qassisin, ulied Aron, u għidilhom: Ħadd minn niesu ma għandu jitniġġes għall-mejjet,#Eżek 44,25. 2ħlief għal min jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh. 3Jista’ jitniġġes ukoll għal oħtu, qariba tiegħu, li tkun għadha xebba, u mhux miżżewwġa. 4Ir-raġel miżżewweġ ma għandux jitniġġes u jipprofana ruħu, minħabba nies il-mara. 5Ma għandhomx iqaxxru rashom dawra tond, u ma jaqtgħux truf leħithom, u ma jqattgħux ġisimhom.#Lev 19,27; Dt 14,1; Eżek 44,20. 6Għandhom ikunu qaddisin lil Alla tagħhom#21,6: Qaddisin lil Alla tagħhom: il-qassisin għandhom ikunu ddedikati kollha kemm huma għas-servizz ta’ Alla legalment u moralment; ma għandhomx jiċċappsu bi ħwejjeġ jew drawwiet profani; ara Lev 11,44-45; 19,2; 21,8., u ma jipprofanawx isem Alla tagħhom, għax huma joffru s-sagrifiċċji maħruqa, ikel lil Alla tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu qaddisin. 7Ma jeħdux b’marthom mara żienja, jew mara li tilfet xbubitha, jew inkella waħda mkeċċija minn żewġha, għaliex hu qaddis lil Alla tiegħu;#Eżek 44,22; Lev 8,7-12. 8u ta’ qaddis għandek iżżommu, għax hu joffri l-ikel ta’ Alla tiegħek. Qaddis ikun għalik, għax qaddis jien il-Mulej, li nqaddiskom. 9U bint qassis li titkasbar biż-żina u bil-prostituzzjoni, tkun qiegħda tipprofana lil missierha, u għandhom jaħarquha bin-nar.
10“Il-qassis il-kbir fost ħutu, dak li kien imsawwab iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq rasu, u mogħtija lilu s-setgħa li jilbes l-ilbies sagru, ma għandux iħabbel xagħar rasu#21,10: Ma għandux iħabbel xagħar rasu: ara nota 10,6., u anqas iċarrat ilbiesu.
11“Ma għandu jersaq lejn ebda mejjet, u ma għandux jitniġġes, lanqas għal missieru jew ommu. 12Ma għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas jipprofana s-santwarju ta’ Alla tiegħu, għaliex għandu fuqu ż-żejt tal-konsagrazzjoni ta’ Alla tiegħu: Jiena l-Mulej.#Lev 10,7. 13“Għandu jiżżewweġ xebba. 14Ma għandux jieħu armla, jew mara mkeċċija minn żewġha, jew waħda mkasbra biż-żina; imma għandu jieħu xebba minn niesu.#Eżek 44,22. 15U ma jipprofanax lil nislu fost niesu: Jiena l-Mulej li nqaddsu.”
Il-qassis għandu jkun bla tebgħa
16U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 17“Kellem lil Aron u għidlu: Ħadd minn nislek fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, li jkollu xi difett, ma għandu jersaq biex joffri l-ikel lil Alla. 18Ħadd li jkollu xi difett: agħma, zopp, wiċċu sfigurat, għaġeb, 19riġlu jew idu miksura, 20ħotbi, qerqni, bil-bjada f’għajnejh, b’mard tal-ġilda, bil-ħakk, b’testikoli mgħaffġa. 21Ħadd minn nisel Aron il-qassis, li jkollu xi difett bħal dan, ma għandu jersaq joffri s-sagrifiċċji maħruqa lill-Mulej. Min għandu xi difett ma għandux joffri l-ikel ta’ Alla tiegħu. 22Iżda jista’ jiekol l-ikel ta’ Alla tiegħu, ħwejjeġ qaddisa u mill-aktar imqaddsa. 23Imma ma jidħolx ’il ġewwa mill-velu, u lanqas ma għandu jersaq lejn l-artal, għax għandu difett u ma għandux jipprofana s-santwarju tiegħi. Jiena l-Mulej li nqaddishom.” 24Dan qal Mosè lil Aron u lil uliedu, u lil ulied Iżrael kollha.

Currently Selected:

LEVITIKU 21: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

Video for LEVITIKU 21