YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 2

2
Kapitlu 2
1U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom.#Eż 20,11. #Ġw 1,3. 2U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.#Eż 20,8-11; 31,12-13; Lhud 4,4. 3U bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien.#Dt 5,14; Neħ 9,14.
4Dan hu nisel is-sema u l-art fil-ħolqien tagħhom.
Il-bniedem fl-Għeden
Meta Alla ħalaq l-art u s-sema;#Ġer 10,11-12. #Ġen 1,1—2,4. 5meta kien għad ma hemm ebda xitla tar-raba’ fuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba’ ma kien għadu nibet - għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art, 6minkejja l-ilma tiela’ mill-art li sata’ jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art - 7il-Mulej Alla sawwar il-bniedem#2,7: Il-bniedem: Bil-Lhudi ha-adam. Adama, adama, ħamrija. Ha-Adam, bil-Lhudi, bniedem, tista’ tkun ukoll nom proprju, Adam. F’dawn iż-żewġ kapitli tintuża fiż-żewġ tifsiriet. Ittraduċejna bil-kelma bniedem fejn tinsab weħidha, u Adam fejn hemm distinzjoni bejn ir-raġel u l-mara Eva. mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.#Ġen 3,19; Ġob 34,15; S 103,14; 104,29; Koħ 3,20-21; 12,7; Għerf 7,1; 15,8; Sir 33,10; 1 Kor 15,45.
8U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden#2,8: Għeden: Bil-Lhudi tfisser: hena, pjaċir, mela ġnien il-hena. Bis-Sumeru: pjanura, wita ta’ art għammiela., in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar.#Eżek 31,9. 9U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.#Ġen 3,22.
10U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden u ssaqqi l-ġnien; u minn hemm kienet tinqasam f’erbat irjus. 11L-ewwel waħda kien jisimha Pison, hi li ddur mal-art kollha ta’ Ħawila, fejn hemm id-deheb - 12u d-deheb ta’ din l-art hu sabiħ, u hemm ukoll gomma tfuħ u ħaġar tal-oniċi. 13U t-tieni kien jisimha Giħon, li ddur mal-art kollha ta’ Kus. 14U t-tielet kien jisimha Tigri, li kienet tgħaddi n-naħa tal-Lvant tal-Assirja; u r-raba’ xmara kienet l-Ewfrat.
15U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu.#Sir 7,15. 16U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol,#S 104,14. 17imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.”#Ġen 3,2-3; Rum 6,23.
18U l-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.#Tob 8,6; Sir 36,24; 1 Kor 11,9. 19U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. 20U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. 21U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam.#1 Kor 11,8-9; 1 Tim 2,13. 22U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.
23Imbagħad il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi
għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi,
għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet hi#2,23: Għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi: Hawn għandna speċi ta’ logħob tal-kliem; il-mara, bil-Lhudi ixxa, ġejja mir-raġel ix. Ħaġa li ma tistax iġġibha fi traduzzjoni..”
24Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed.#Mt 19,5; Mk 10,7-8; 1 Kor 6,16; 7,10-11; Ef 5,31. 25U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.

Currently Selected:

ĠENESI 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy