YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 18

18
Kapitlu 18
Il-laqgħa ma’ Ġetru
1Ġetru, il-qassis ta’ Midjan, ħaten Mosè, sama’ b’kulma għamel Alla ma’ Mosè u Iżrael, il-poplu tiegħu: kif ħareġ lil Iżrael mill-Eġittu.#Eż 2,18. 2Ġetru, ħaten Mosè, kien ħa lura lil Siffora, li Mosè kien bagħatha lura 3flimkien maż-żewġ uliedha li kien jisimhom, wieħed Gersum, (għax qal: “kont barrani f’art barranija”)#Eż 2,22. #Atti 7,29. 4u l-ieħor Eligħeżer (għax qal: “Alla ta’ missieri l-għajnuna tiegħi, għax ħelisni mis-sejf tal-Fargħun”). 5U Ġetru, ħaten Mosè, ġie flimkien ma’ mart Mosè u wliedu għand ħatnu, fid-deżert ħdejn il-muntanja ta’ Alla fejn kien waqqaf it-tined.#Eż 19,1. 6Xi ħadd qal lil Mosè: “Hawn Ġetru, ħatnek, ġie ħdejk, u martek u ż-żewġ uliedha magħha.” 7U Mosè ħareġ jiltaqa’ ma’ ħatnu u martu; sellimlu u biesu, u bdew jistaqsu wieħed lill-ieħor hux tajjeb, u daħlu fit-tinda. 8U Mosè qal lil ħatnu kulma kien għamel il-Mulej lill-Fargħun u lill-Eġizzjani minħabba Iżrael, u t-taħbit kollu li għadda minnu Iżrael fit-triq, u kif ħelishom il-Mulej. 9U Ġetru feraħ għall-ġid kollu li għamel il-Mulej lil Iżrael: li ħelsu minn id l-Eġizzjani. 10U Ġetru qal: “Imbierek il-Mulej li ħeliskom minn id l-Eġizzjani u minn id il-Fargħun. 11Issa naf li l-Mulej hu akbar mill-allat kollha, għaliex meta tkabbru magħkom, għelibhom.” 12U Ġetru, ħaten Mosè, offra offerti u vittmi lil Alla; u Aron u x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew biex jieklu l-ħobż ma’ ħaten Mosè quddiem Alla.
Il-parir ta’ Ġetru
13L-għada Mosè qagħad jagħmel il-ħaqq lill-poplu u l-poplu qagħad quddiem Mosè minn filgħodu sa filgħaxija.#Dt 1,9-18. 14U Ġetru ra kulma kien qiegħed jagħmel Mosè lill-poplu, u qallu: “X’inhu dan li qiegħed tagħmel lill-poplu? Għaliex qiegħed bilqiegħda waħdek u l-poplu wieqaf quddiemek minn filgħodu sa filgħaxija?” 15U Mosè qal lil ħatnu: “Għaliex il-poplu jiġi għandi jaraw xi jgħid Alla.#Eż 33,7. 16U meta jkollhom xi ħaġa jiġu għandi biex nagħmel ħaqq bejn bniedem u ieħor. U ngħallimhom id-deċiżjonijiet u t-twissijiet ta’ Alla.” 17U Ġetru, ħaten Mosè, wieġbu: “Mhux sewwa kif qiegħed tagħmel. 18Tinkedd int u jinkedd il-poplu li hawn miegħek. Għax dan ix-xogħol hu wisq għalik, u int ma tistax tagħmlu waħdek.#Num 11,14. 19Issa isma’ milli se ngħidlek. Nagħtik parir, u Alla jkun miegħek! Int tidher għall-poplu quddiem Alla, u tressaq quddiemu kulma jinqala’. 20Għallimhom id-deċiżjonijiet u t-twissijiet, u għarrafhom it-triq li minnha għandhom jgħaddu, u x’għandhom jagħmlu. 21U int tagħżel nies ta’ ħila mill-poplu, nies li jibżgħu minn Alla, nies ta’ fiduċja u jobogħdu r-regħba; u qegħedhom kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet tal-għaxriet.#Num 11,16-17; Dt 1,15; 16,18. 22Dawn jagħmlu l-ħaqq lill-poplu f’kull żmien; u meta jkun hemm xi ħaġa kbira jġibuha quddiemek; u kull ħaġa żgħira jiġġudikawha huma. Hekk jeħfieflek ix-xogħol, u huma jerfgħu l-piż miegħek. 23Jekk tagħmel dan - u Alla hekk jikkmandak - iżżomm sħiħ int, u dan il-poplu jasal bis-sliem f’postu.”
24Mosè sama’ minn kliem ħatnu u għamel kulma qallu: 25għażel nies ta’ ħila mill-poplu ta’ Iżrael kollu, u qegħedhom kapijiet fuq il-poplu, kapijiet tal-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet u kapijiet tal-għaxriet. 26U dawn kienu jagħmlu l-ħaqq lill-poplu ż-żmien kollu. Il-kwistjonijiet iebsa kienu jġibuhom quddiem Mosè, u kull ħaġa żgħira kienu jiġġudikawha huma.
27Mosè mbagħad ħalla lil ħatnu jitlaq, u dan mar lejn pajjiżu.#Num 10,30.

Currently Selected:

EŻODU 18: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in