YouVersion Logo
Search Icon

DEWTERONOMJU 9

9
Kapitlu 9
Ħarsa lejn l-imgħoddi
1“Isma’, o Iżrael, illum int se taqsam il-Ġordan biex tirbaħ ġnus ikbar u aqwa minnek, bliet kbar bi swar m’ogħla s-smewwiet;#Dt 1,28; 4,38. 2ġnus kbar u nies twal; ulied Għanak; int taf x’inhuma u int smajt min jgħid minnhom: ‘Min jista’ jiqfilhom ’l ulied Għanak?’#Num 13,33; Dt 1,28.
3“Kun af illum, mela, li l-Mulej, Alla tiegħek, hu li se jgħaddi quddiemek bħal nar li jibla’; hu li se jeqridhom; hu li se jrażżanhom quddiemek, u int taqlagħhom ’il barra u teqridhom minnufih, bħalma qallek il-Mulej.#Eż 23,27; Dt 7,22; 31,3; Ġoż 3,3-4. 4Meta jaqlagħhom ’il barra minn quddiemek il-Mulej, Alla tiegħek, tgħidx f’qalbek: ‘Għax kien jistħoqqli ġiebni l-Mulej biex nieħu f’idejja din l-art,’ għax hu minħabba ħżunithom li l-Mulej ħarbat dawn il-ġnus quddiemek.#Dt 8,17; 18,12; 29,4; Mħ 7,2; Neħ 9,21. 5Mhux għax jistħoqqlok, jew għas-sewwa ta’ qalbek, se tidħol int biex tieħu f’idejk l-art tagħhom, għax minħabba l-ħażen ta’ dawn il-ġnus il-Mulej, Alla tiegħek, se jħarbathom quddiemek, u jtemm il-wegħda li ħalef il-Mulej lil missirijietek: lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.
L-infedeltà ta’ Iżrael fl-imgħoddi
6“Kun af li mhux għax jistħoqqlok li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik din l-art tajba biex teħodha f’idejk, għax int poplu ta’ ras iebsa.#Dt 8,17; Ef 2,7-9; Tit 3,5. 7Ftakar u tinsiex kemm inkurlajt lill-Mulej, Alla tiegħek, fid-deżert; minn dakinhar li ħriġt mill-art tal-Eġittu sakemm wasaltu hawn, dejjem ħadtuha kontra l-Mulej.#Eż 32. #Eż 14,11; Num 14,11; Dt 31,27. 8F’Ħoreb inkurlajtu lill-Mulej, u l-Mulej għadab għalikom li kien se jeqridkom.#S 106,19. 9Meta jien tlajt fuq il-muntanja biex nieħu t-twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt, li l-Mulej għamel magħkom, bqajt fuq il-muntanja erbgħin jum u erbgħin lejl, bla ma niekol ħobż u bla ma nixrob ilma;#Eż 24,12-18; 34,28. 10u l-Mulej tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, miktuba b’saba’ Alla; fuqhom kien hemm il-kliem kollu li l-Mulej qalilkom minn fuq il-muntanja minn ġon-nar f’jum il-ġemgħa.#Eż 31,18; Dt 5,2-22.
11“U ġara li fi tmiem l-erbgħin jum u l-erbgħin lejl, il-Mulej tani ż-żewġ twavel tal-ġebel, it-twavel tal-patt. 12U l-Mulej qalli: ‘Qum u fittex inżel minn hawn fuq, għax il-poplu tiegħek, li int ħriġtu mill-Eġittu, tħassar; diġà tbiegħdu mit-triq li jien ordnajtilhom; għamlu xbieha tal-metall imdewweb.’
13“U l-Mulej kellimni u qalli: ‘Jien ħarist lejn dan il-poplu u rajt li hu poplu rasu iebsa. 14Ħallini ħa neqirdu u nħassar ismu minn taħt is-smewwiet u nagħmel minnek poplu b’saħħtu u akbar minnhom.’#Dt 9,6; 31,27; 2 Slat 17,14; Ġer 7,26; 17,23; 19,15; Bar 2,30.
15“Imbagħad jien dort u nżilt minn fuq il-muntanja, hi u tħeġġeġ bin-nar, u t-twavel tal-patt f’idejja t-tnejn. 16Jien ħarist, u hemm intom, dnibtu kontra Alla tagħkom; għamiltu għoġol tal-metall imdewweb, u malajr tbegħedtu mit-triq li ordnalkom il-Mulej. 17Imbagħad qbadt iż-żewġ twavel, u waddabthom minn idejja t-tnejn, u kissirthom quddiem għajnejkom. 18U nxtħett fl-art quddiem il-Mulej, bħall-ewwel darba, għal erbgħin jum u erbgħin lejl, bla ma niekol ħobż u bla ma nixrob ilma, minħabba d-dnubiet kollha li dnibtu meta għamiltu l-ħażen f’għajnejn il-Mulej, biex tinkurlawh.#Eż 34,28. 19Għax jien twerwirt kif rajt il-korla u l-qilla li bihom xegħel il-Mulej kontrikom, li ried jeqridkom. Din id-darba wkoll semagħni l-Mulej.#Dt 10,10; Lhud 12,21. 20Inkorla ħafna wkoll kontra Aron il-Mulej, li ried jeqirdu; imma jien tlabt għal Aron ukoll dakinhar. 21U d-dnub li għamiltu, l-għoġol, qbadtu u ħraqtu fin-nar, u sħaqtu tajjeb, u għamiltu tħin sakemm sar trab irqiq, u t-trab tiegħu rmejtu fil-wied nieżel mill-muntanja.
22“F’Tabgħera u f’Massa u f’Kibrot-ħattawa wkoll inkurlajtu ’l-Mulej.#Eż 17,1-7; Num 11,1-34; 20,1-13; Dt 1,25-40. 23U meta l-Mulej riedkom titilqu minn Kades-barnigħa u qalilkom: ‘Qumu u itilgħu, ħudu f’idejkom l-art li jien tajtkom,’ intom merejtu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom, u ma fdajtuhx, u ma smajtux minn kliemu.#Num 14,1-4; S 106,24-25. 24Kontu dejjem stinati mal-Mulej, sa minn mindu għaraftkom.
25“U nxtħett fl-art quddiem il-Mulej; għal erbgħin jum u erbgħin lejl domt mitfugħ fl-art, għax il-Mulej kien qal li kien ser jeqridkom.#Eż 32,11-14. 26U tlabt lill-Mulej, u għedtlu: “Sidi, Mulej, teqridx il-poplu tiegħek u l-wirt tiegħek, li int fdejtu bil-kobor tiegħek; li int ħriġt mill-Eġittu bil-qawwa ta’ driegħek. 27Ftakar fil-qaddejja tiegħek, f’Abraham, f’Iżakk u f’Ġakobb; tħarisx lejn ir-ras iebsa ta’ dan il-poplu, lejn ħżunitu u lejn ħtijietu; 28biex ma jgħidux fl-art li ħriġtna minnha: ‘Għax ma setax il-Mulej idaħħalhom fl-art li qalilhom, u għax jobgħodhom ħariġhom biex joqtolhom fid-deżert.’#Num 14,14-16. 29Imma huma għadhom il-poplu tiegħek, il-wirt tiegħek, li int ħriġtu bil-kobor tal-qawwa tiegħek, u bi driegħek merfugħ.#Eż 6,6-7; Dt 4,20.

Currently Selected:

DEWTERONOMJU 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy