YouVersion Logo
Search Icon

2 MAKKABIN 2

2
Kapitlu 2
Ġeremija jaħbi l-arka u t-tagħmir sagru
1“Hemm miktub fl-arkivji li Ġeremija#2,1: Hemm miktub fl-arkivji li Ġeremija: dawn l-arkivji ma nafux x’kienu. Din hi leġġenda oħra popolari bħal dik ta’ qabilha: ara 1,18-36., il-profeta, kien ordna lill-itturufnati li jieħdu magħhom in-nar imqaddes kif ingħad hawn fuq. 2U wissa wkoll lill-itturufnati, hu u jagħtihom il-Liġi, biex ma jinsewx il-kmandamenti tal-Mulej, u biex ma jitħawdux f’moħħhom meta jaraw l-idoli tad-deheb u l-fidda biż-żina tagħhom.#Bar 6,3-72. 3U bi kliem ieħor bħal dan ħeġġiġhom biex ma jwarrbux il-Liġi minn ġo qalbhom.
4“Barra dan, kien hemm miktub f’dan id-dokument li l-profeta, imqanqal minn rivelazzjoni, ordna li t-tinda u l-arka jmorru warajh, u li hu ħareġ għal fuq l-għolja#2,4: L-għolja: il-muntanja ta’ Nebu; ara Dt 34,1., fejn kien tela’ Mosè biex jara l-wirt ta’ Alla.#Dt 32,49; 34,1; Apk 11,19. 5Malli wasal hemm fuq, Ġeremija sab dar għamla ta’ għar, u fiha ħeba t-tinda, l-arka u l-artal tal-inċens u għalaq id-daħla. 6Xi wħud minn dawk li kienu miegħu ppruvaw jimmarkaw it-triq iżda ma setgħux isibuha. 7Malli sar jaf, Ġeremija ċanfarhom u qalilhom: ‘Il-post ma jkun jaf bih ħadd sa ma Alla jiġbor il-poplu u jħenn għalih. 8Imbagħad il-Mulej jerġa’ juri dawn il-ħwejjeġ, tidher il-glorja tal-Mulej u s-sħaba, kif kienet tidher fi żmien Mosè u bħal meta Salamun kien talab biex il-post#2,8: Il-post: it-tempju. ikun ikkonsagrat bis-solennità kollha.’#Eż 24,16; 40,34; 1 Slat 8,1-11. 9Jirrakkuntaw ukoll kif hu, li kien mimli bl-għerf, offra s-sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni u tat-tmiem tat-tempju. 10Kif Mosè talab lill-Mulej u niżel nar mis-sema u kkonsma s-sagrifiċċju, hekk ukoll Salamun talab u niżel in-nar mis-sema u kkonsma l-vittmi.#Lev 9,23-24; 2 Kron 7,1. 11U Mosè qal#2,11: Mosè qal: ara Lev 10,16-20.: ‘Billi s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni ma ttikilx, dan ġie kkunsmat bin-nar.’#Lev 10,16-20. 12Hekk ukoll Salamun iċċelebra t-tmint ijiem tal-festa.#1 Slat 8,65-66.
13Dawn l-istess ħwejjeġ jinqraw ukoll fil-kitba u t-tifkiriet ta’ Neħemija u wkoll kif dan waqqaf bibljoteka#2,13: Waqqaf bibljoteka: tagħrif importanti dwar il-ġabra tal-Kotba Mqaddsa u dokumenti oħra uffiċjali bħalma kienu l-ittri tas-slaten Persjani u Griegi favur it-tempju u l-privileġġi favur il-Lhud. Dawn il-memorji ta’ Neħemija ma jeżistux aktar; ara 3,2-3; 1 Mak 10,26-45; 11,30-36. u ġabar fiha l-kotba tal-Ġrajja tas-Slaten, il-Kotba tal-Profeti, il-Kotba ta’ David, u l-ittri tas-slaten dwar l-offerti għat-tempju. 14Hekk ukoll Ġuda ġabar il-kotba kollha li kienu ntilfu minħabba l-gwerra li kellna; u għadhom għandna.#1 Mak 1,55-57. 15Jekk intom għandkom bżonnhom, ibagħtu lil min iġibhomlkom.
16Qegħdin niktbulkom għax sejrin nagħmlu l-festa tal-purifikazzjoni. Tagħmlu tajjeb jekk tiċċelebraw dawn il-jiem intom ukoll.#1 Mak 4,59. 17Alla kien li salva l-poplu kollu tiegħu, u ta lura l-wirt lil kulħadd u s-saltna u s-saċerdozju u l-konsagrazzjoni, 18bħalma wiegħed fil-Liġi. Aħna nittamaw f’Alla li mill-aktar fis għad iħenn għalina u jiġborna minn kull pajjiż taħt is-sema fil-post qaddis, għax hu ħelisna minn ħsarat kbar u naddaf it-tempju.”#Dt 30,3-5; Eżek 39,27-28.
Dħul il-ktieb
19Il-ġrajja ta’ Ġuda l-Makkabi u ħutu, il-purifikazzjoni tat-tempju u l-konsagrazzjoni tal-artal, 20il-gwerer kontra Antijoku Epifani u ibnu Ewpator#2,20: Il-gwerer kontra Antijoku Epifani u ibnu Ewpator: Antijoku IV (175-163 QK) u Antijoku V Ewpator (163-162 QK), slaten tas-Sirja; ara 4,7-10,9 u 10,10-13,26., 21u d-dehriet mis-sema li kellhom dawk li tqabdu b’ħeġġa u b’ħila ta’ rġiel għall-Ġudaiżmu biex reġgħu rebħu l-art kollha, għalkemm kienu ftit, u għamlu għal wara l-kotra tal-barbari, 22u kif reġgħu ħadu f’idejhom it-tempju msemmi mad-dinja kollha, u ħelsu l-belt u daħħlu l-liġijiet li kienu se jitneħħew, għax il-Mulej bit-tjubija tiegħu kollha ħenn għalihom. 23Dan kollu kien miġbur f’ħames kotba minn Ġason iċ-Ċirinew u aħna issa fittixna li niġbruh fil-qosor fi ktieb wieħed.
24Meta rajna l-kotra ta’ numri u t-tfixkil għal dawk li jridu jduru dawra mar-rakkonti tal-istorja minħabba l-ħafna materjal li hemm, 25ħsibna u rajna li nagħmlu xogħol li jogħġob lil min irid jaqra, ħafif għal min jixtieq iżomm f’moħħu l-ġrajja, u ta’ ġid għall-qarrejja huma min huma.
26Għalina li ndħalna għal dan ix-xogħol iebes ta’ taqsir, ma kinitx ħaġa ħafifa; kien xogħol li swielna għaraq u sahra, 27xogħol ta’ taħbit bħal ta’ min jiġi biex iħejji mejda u jfittex li jogħġob lill-oħrajn. B’danakollu aħna minn qalbna tgħabbejna b’dan ix-xogħol biex nisfaw ta’ ġid għal ħafna.#Sir 1—2. 28Minn għalina, inħallu għall-awtur oriġinali r-reqqa ta’ kull ħaġa partikulari. U aħna nfittxu li nimxu mar-regoli tal-kitba fil-qosor.
29Bħalma l-arkitett ta’ dar ġdida għandu jaħseb fil-bini kollu, waqt li min imidd idejh biex ipitter bl-inkawst#2,29: Ipitter bl-inkawst: ipitter bil-proċess li fih jintuża n-nar. jaħseb biss għad-dekorazzjoni, hekk għandu wieħed iqis lilna. 30Tistħarreġ il-ġrajja u ddur magħhom minn kull naħa, tgħarbel l-irqaqat kollha, dan kollu jmiss lill-awtur tal-istorja. 31Imma min jagħmel kompendju, ifittex il-qosor tar-rakkont mingħajr ma jfittex li jagħti tagħrif sħiħ dwar il-ġrajja.
32Nibdew mela r-rakkont, issa li għedna dan kollu minn qabel. Għaliex tkun bluha li tiġbed fit-tul fil-bidu, biex imbagħad tqassar l-istorja.

Currently Selected:

2 MAKKABIN 2: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in