YouVersion Logo
Search Icon

2 MAKKABIN 1

1
Kapitlu 1
Żewġ ittri lil-Lhud tal-Eġittu:
L-ewwel waħda (125-124 QK)
1Lill-aħwa, il-Lhud tal-Eġittu, saħħa. L-aħwa, il-Lhud ta’ Ġerusalemm u dawk tal-Lhudija, ir-risq it-tajjeb. 2Ħa jagħmlilkom il-ġid Alla u jiftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb, il-qaddejja fidili tiegħu.#Lev 26,42. 3U jagħtikom ilkoll qalb biex tadurawh u tagħmlu r-rieda tiegħu b’qalb kbira u fehma sħiħa.#1 Kron 28,9. 4Ħa jiftħilkom qalbkom għal-liġi u l-preċetti tiegħu, u jagħtikom is-sliem. 5Ħa jisma’ talbkom, jitħabbeb magħkom, u ma jitlaqkomx fi żmien l-hemm. 6U issa aħna hawn nitolbu għalikom.
7Meta kien isaltan Demetriju#1,7: Demetriju: Demetriju II Nikator, sultan tas-Sirja (145-139; 129-125 QK). Is-sena 169 hi s-sena 143 QK. fis-sena 169 aħna l-Lhud konna ktibnielkom: ‘Fl-eqqel tal-hemm li kien waqa’ fuqna f’dawk is-snin minn mindu Ġason u sħabu qamu kontra l-art imqaddsa u s-saltna,#1 Mak 10,67; 2 Mak 4,7-20. 8u taw in-nar lill-bibien u xerrdu d-demm ta’ nies bla ħtija, aħna tlabna lill-Mulej u semagħna#1,8: U semagħna: billi ta r-rebħa lill-Makkabin.. Għalhekk stajna noffru s-sagrifiċċju u nagħmlu l-offerta tas-smid, nixegħlu d-dawl u nippreżentaw il-ħobż.#1 Mak 4,38. 9U issa qegħdin niktbulkom biex tiċċelebraw il-festa tal-Għerejjex fix-xahar ta’ Kislew#1,9: Il-festa tal-Għerejjex fix-xahar ta’ Kislew: il-festa tal-konsagrazzjoni tat-tempju, 10,1-8, iċċelebrata fil-25 ta’ Kislew (Novembru-Diċembru), b’riti li jixbhu lil dawk tal-festa tal-Għerejjex. Is-sena 188: 124 QK.. Is-sena 188.”
It-tieni ittra (124 QK)
10“Il-Lhud ta’ Ġerusalemm u l-Lhudija, il-Kunsill tal-anzjani u Ġuda lil Aristobolu, is-surmast tas-sultan, min-nisel tal-qassisin ikkonsagrati, u lil-Lhud li hemm fl-Eġittu, sliem u saħħa!
11Meħlusin bl-għajnuna ta’ Alla minn ħafna tiġrib, aħna raddejnielu ħajr mill-aħjar li stajna, għax hu kien li tqabad għalina meta konna lesti neħduha kontra s-sultan#1,11: Is-sultan: Antijoku IV Epifani, sultan tas-Sirja, persekutur qalil tal-Lhud. Miet fil-Persja fis-sena 164 QK.. 12Hu kien li ħareġ ’il barra lil dawk li kienu lesti għall-ġlied fil-belt imqaddsa.#1 Mak 6,1-13; 2 Mak 9,1-29. 13Għax meta l-ġeneral u l-eżerċtu tiegħu li kienu jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd kienu fil-Persja, qarrqu bihom il-qassisin tat-tempju ta’ Nanija#1,13: Nanija: alla-mara tal-Orjentali. u qattgħuhom bċejjeċ. 14Antijoku#1,14: Antijoku: insibu żewġ deskrizzjonijiet differenti tal-mewt ta’ Antijoku IV Epifani: 9,1-29 u 1 Mak 6,1-16. L-awtur ta’ din l-ittra qiegħed jorbot fuq xnigħat popolari. flimkien ma’ ħbiebu marru fil-post taparsi biex jiżżewweġ lil din alla-mara bil-ħsieb li jieħu ġidha bħala dota. 15Il-qassisin ta’ Nanija wrewh dan il-ġid; imma malli Antijoku, bi ftit nies miegħu, daħal fil-post qaddis għalqu t-tempju. 16Imbagħad fetħu bieb moħbi fis-saqaf, bdew iwaddbu l-ġebel u qatlu l-ġeneral u ’l sħabu qattgħuhom bċejjeċ, qatgħulhom rashom u waddbuhom lil dawk li kienu barra. 17Ikun imbierek Alla għal dan kollu, hu li telaq il-ħżiena għall-mewt.
18Billi aħna fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar ta’ Kislew se niċċelebraw it-tindif tat-tempju, ħassejnieh dmir tagħna li ngħarrfukom, biex intom ukoll tagħmlu l-festa tal-Għerejjex u tan-nar li kien deher meta Neħemija kien bena t-tempju u l-artal#1,18: U tan-nar li kien deher meta Neħemija bena t-tempju u l-artal: dan ir-rakkont tan-nar ma nsibuh imkien fil-Kotba Mqaddsa; ikollna ngħidu li mhijiex ħlief leġġenda fit-tradizzjoni popolari. Neħemija bena l-ħitan ta’ Ġerusalemm u t-tempju bnieh Żerubbabel, xi mitt sena qabel Neħemija; ara Esd 3,1-8; Neħ 2,17-18., u kien qiegħed joffri s-sagrifiċċji.#Lev 23,39-43. 19Meta missirijietna ħaduhom il-Persja#1,19: Meta missirijietna ħaduhom il-Persja: il-Lhud kienu eżiljati fil-Babilonja. Fi żmien l-awtur tal-ittra, il-Persja kienet tħaddan ukoll il-Babilonja., xi qassisin twajba ħadu min-nar tal-artal u ħbewh f’ħofra ta’ bir bla ilma, u ħbewh hekk tajjeb li l-post baqa’ ma ntebaħ bih ħadd. 20Meta kienu għaddew ħafna snin u għoġob lil Alla, Neħemija, mibgħut mis-sultan tal-Persja, bagħat lil xi wħud minn nisel il-qassisin, li kienu ħbewh, biex iġibu n-nar. Meta għarrfuna li n-nar ma sabuhx, imma ilma mdardar, ordnalhom jimlew u jġibu minnu. 21Meta kien kollox lest għas-sagrifiċċju, Neħemija ordna lill-qassisin biex ibixxu b’dan l-ilma l-ħatab u kulma kien hemm fuqu. 22Malli sar dan u għadda ftit tal-ħin, ix-xemx, li qabel kienet mgħottija bis-sħab, ħarġet tiddi u qabbdet ħuġġieġa, b’għaġeb ta’ kulħadd. 23Waqt li s-sagrifiċċju kien jaqbad, il-qassisin u l-oħrajn kollha, bdew jitolbu. Ġonatan kien jibda u l-oħrajn, b’Neħemija magħhom, ikomplu miegħu.
24It-talba kienet imfassla b’dan il-mod: Mulej, Mulej Alla, il-ħallieq ta’ kollox, int tal-biża’ u qawwi, ġust u ħanin, int waħdek sultan, int waħdek tajjeb, 25int waħdek tipprovdi, int waħdek ġust, int waħdek tista’ kollox u etern, int issalva lil Iżrael minn kull deni, int għażilt lil missirijietna u qaddisthom. 26Ilqa’ dan is-sagrifiċċju għall-poplu kollu tiegħek ta’ Iżrael, u ħares u qaddes lil wirtek.#Dt 32,9. 27Iġma’ lil dawk minna mxerrdin, eħles lill-imjassrin fost il-Ġentili, ħares lil dawk li huma mistmerra u mżebilħa, ħa jkunu jafu l-ġnus li int Alla tagħna.#Dt 30,3-5. 28Rażżan lil dawk li jgħakksuna u jaħqruna bis-suppervja tagħhom. 29Xettel lill-poplu tiegħek fl-art imqaddsa tiegħek, bħalma wegħedna Mosè.#2 Mak 2,18.
30Il-qassisin imbagħad bdew ikantaw l-innijiet. 31Malli ntemm is-sagrifiċċju Neħemija ordna li jsawbu l-ilma li kien baqa’ fuq ġebel kbir. 32Malli sar dan, qabżet fjamma li nbelgħet mid-dawl li kien hemm fuq l-artal. 33Malli l-aħbar ta’ din il-ġrajja xterdet, għarrfu lis-sultan tal-Persja li fil-post fejn kienu ħbew in-nar il-qassisin li kienu tturufnati, deher l-ilma li bih Neħemija u ta’ madwaru kienu naddfu t-tagħmir għas-sagrifiċċju. 34Is-sultan, malli kien żgur minn dan, għalaq dak il-post u ddikjarah post qaddis. 35Minn dan il-post is-sultan kien idaħħal ħafna, u l-ħafna offerti li kien idaħħal is-sultan kien iqassamhom lil min kien jogħġbu. 36In-nies ta’ madwar Neħemija bdew isejħu l-post ‘Neftar’, li tfisser purifikazzjoni; imma l-kotra bdiet issejjaħlu ‘Neftaj#1,36: Neftaj: il-kelma Griega nafta dawruha f’naftaj.’.

Currently Selected:

2 MAKKABIN 1: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in