2 MAKKABIN 15
15
Kapitlu 15
It-tmiem ta’ Nikanor
1Meta Nikanor sar jaf li Ġuda u n-nies ta’ madwaru kienu fl-inħawi tas-Samarija, qatagħha li jaqbeż fuqhom b’moħħu kwiet f’jum is-Sibt. 2Il-Lhud li kienu mġagħlin imorru warajh qalulu: “Iġġibx din il-qerda b’mod hekk selvaġġ u barbru. Agħti ġieħ lill-jum li Dak li jara kollox sebbaħ u qaddes.”#Sir 15,18. 3Imma dak, midgħi fuq li midgħi, staqsa jekk hemmx fis-sema xi setgħan li kkmanda li jkun iċċelebrat jum is-Sibt.#1 Mak 7,34. 4U huma weġbuh: “Hemm il-Mulej ħaj, setgħan fis-sema, li ordna li jitħares is-seba’ jum.” 5U dak wieġeb: “U jien is-setgħan fuq l-art, li qiegħed nordna li taqbdu l-armi u tħarsu l-interessi tas-sultan.” Imma ma rnexxilux itemm il-ħsieb kiefer li kellu.#Eżek 28,2-9.
6Nikanor laħaq il-quċċata tas-suppervja tiegħu u ddeċieda li jibni monument pubbliku tar-rebħa fuq in-nies ta’ Ġuda. 7Imma l-Makkabi, min-naħa tiegħu, baqa’ dejjem sħiħ fil-fehma tiegħu u kellu tama qawwija li għad jaqla’ l-għajnuna mingħand il-Mulej. 8Għalhekk beda jħeġġeġ lin-nies tiegħu biex ma jibżgħux mill-ħbit tal-Ġentili u jiftakru fl-għajnuna li ġiethom mis-sema fl-imgħoddi, anzi għandhom jistennew issa wkoll li r-rebħa tkun tagħhom bis-saħħa ta’ Dak li jista’ kollox. 9U ssokta jħeġġiġhom bil-Liġi u bil-profeti#15,9: Bil-Liġi u bil-Profeti: il-ħames kotba tal-Pentatewku (ta’ Mosè) u l-Kotba tal-profeti; ara 1 Mak 12,9., fakkarhom ukoll fil-battalji li kienu diġà rebħu u hekk għamlilhom aktar il-qalb.#Mt 5,17. 10Wara li qanqalhom mill-qiegħ ta’ ruħhom tahom l-ordnijiet u kixfilhom il-qerq tal-Ġentili u l-ksur tal-ġuramenti tagħhom. 11Lil kull wieħed minnhom armah, mhux bil-qawwa tat-tarki u l-lanez, daqs kemm bit-tħeġġiġ ta’ kliem magħżul; imbagħad fl-aħħar irrakkuntalhom ħolma ta’ min jemminha, dehra li mliethom ilkoll bil-ferħ.
12Il-viżjoni kienet din: “Onija#15,12: Onija: Onija III (198-174 QK), il-qassis il-kbir., li darba kien il-qassis il-kbir, raġel sabiħ u twajjeb, irżin fil-bixra u dħuli fl-imġiba, imżejjen bil-kelma f’postha, imrawwem sa minn ċkunitu f’kull virtù, deher b’idejh miftuħa jitlob għall-poplu Lhudi kollu.#2 Mak 3,1-3. 13Imbagħad deher raġel ieħor, b’xagħru abjad u mżejjen b’dinjità, imdawwar b’għaġeb ta’ maestà mill-aqwa. 14U Onija beda jitkellem u jgħid: ‘Dan hu l-ħabib ta’ ħutu, il-bniedem li jitlob dejjem għall-poplu u l-belt qaddisa, Ġeremija, il-profeta ta’ Alla#15,14: Ġeremija, il-profeta ta’ Alla: il-Lhud ta’ wara l-eżilju kellhom stima kbira għall-profeta Ġeremija; ara 2,1; Mt 16,14.’
15“Imbagħad Ġeremija ħareġ idu l-leminija u newwel xabla tad-deheb lil Ġuda, u hu u jagħtihielu qallu: 16‘Ħu din ix-xabla qaddisa, rigal ta’ Alla. Biha għad tagħmel bċejjeċ l-għedewwa tiegħek.’ ”
17Wara li Ġuda ħeġġiġhom bi kliem sabiħ u rnexxielu jqanqlilhom qlubithom u jagħmel irġiel minn dawn iż-żgħażagħ, qatgħuha li ma jibqgħux fil-kamp, imma li jinxteħtu b’ħilithom kollha għall-ġlied u hekk jeħilsuha darba għal dejjem, għax il-belt, il-ħwejjeġ sagri u t-tempju kienu fil-periklu. 18L-inqas li kienu jaħsbu kien fin-nisa, it-tfal, ħuthom u qrabathom, għax l-ikbar u l-ewwel biża’ tagħhom kien għat-tempju kkonsagrat.#1 Mak 4,36. 19U dawk ukoll li baqgħu fil-belt kienu qalbhom ittaqtaq minħabba l-battalja li kienet se ssir fil-kampanja.
20Waqt li lkoll kienu qegħdin jistennew kif se tintemm il-biċċa, l-għedewwa kienu diġà nġemgħu, l-eżerċtu tqassam, l-iljunfanti sabu posthom u l-kavallerija mqassma fil-ġnub. 21Malli l-Makkabi ra dik il-kotra ta’ armi u l-qilla tal-bhejjem, għolla idejh lejn is-sema u talab lill-Mulej jagħmel l-għeġubijiet, għax kien jaf li r-rebħa ma tinkisibx bl-armi, imma jagħtiha Hu lil min jistħoqqlu.#S 72,18; 136,4; Dan 4,3.
22U beda jitlob u jgħid: “Int, o Sidi, bgħatt l-anġlu tiegħek fi żmien Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda, u qered mill-kamp ta’ Sanħerib mija u ħamsa u tmenin elf ruħ.#2 Slat 19,35; 1 Mak 7,40-41; 2 Mak 8,19; Is 37,36. 23Issa mela, o Sid tas-smewwiet, ibgħat quddiemna l-anġlu tajjeb tiegħek biex ibeżżagħhom u jregħedhom. 24Ħa jitkissru bil-qawwa ta’ driegħek dawk li ġew jidgħu għal fuq il-poplu qaddis tiegħek.” U hekk temm kliemu.
25Malli dan, in-nies ta’ Nikanor bdew resqin bid-daqq tat-trombi u bl-għajjat tal-gwerra.#1 Mak 7,43-50. 26U n-nies ta’ Ġuda ħabtu għall-għedewwa jsejħu ’l Alla u jitolbuh. 27Kienu jitqabdu bl-idejn, u jitolbu lil Alla f’qalbhom; u meddew mal-art mhux anqas minn ħamsa u tletin elf ruħ, u ferħu għall-aħħar bid-dehra ta’ Alla.#S 149,6.
28Meta spiċċaw mill-ġlied u kienu rieġgħa lura ferħana, intebħu li Nikanor ukoll baqa’ mejjet fl-art bl-armatura b’kollox. 29Bdew jgħajtu fost għagħa kbira u bdew ifaħħru lill-Mulej b’ilsien missirijiethom. 30Imbagħad dak li dejjem kien minn ta’ quddiem b’ruħu u b’ġismu biex jiġġieled għal nies pajjiżu, u għomru kollu żamm il-ħeġġa taż-żgħożija għan-nies ta’ ġensu, ordnalhom li jaqtgħu ras Nikanor u idu flimkien ma’ driegħu u jeħduhom Ġerusalemm.
31Kif wasal hemm sejjaħ in-nies ta’ ġensu u qiegħed il-qassisin quddiem l-artal u bagħat għal dawk li kienu fl-Akra#15,31: Bagħat għal dawk li kienu fl-Akra: fl-Akra, il-fortizza biswit it-tempju, kien għad hemm is-suldati Sirjani; magħhom kien hemm ukoll xi rinnegati Lhud.. 32Imbagħad uriehom ir-ras ta’ dak il-vili ta’ Nikanor u d-driegħ ta’ dak il-midgħi supperv, li medd idu kontra t-tempju ta’ Dak li jista’ kollox. 33Qata’ lsien Nikanor il-midgħi u ordnalhom jitfgħuh biċċa biċċa lill-għasafar; u jdendlu quddiem it-tempju l-ħlas tal-ġenn tiegħu.#1 Sam 17,44-46. 34Ilkoll, imbagħad, għollew it-tifħir tagħhom lejn is-sema f’ġieħ il-Mulej li wera l-qawwa tiegħu u qalu: “Imbierek Dak li żamm l-għamara tiegħu ’l bogħod mit-tinġis.”
35Ġuda mbagħad dendel ir-ras ta’ Nikanor mal-Akra, bħala sinjal ċar tal-għajnuna tal-Mulej, biex jaraha kulħadd.#1 Sam 31,9-10. 36U lkoll b’fehma waħda ddeċidew li ma jħallux jgħaddi dak il-jum bla ma jagħmlu festa, imma li jiċċelebraw it-tlittax tat-tnax-il xahar, bis-Sirjak jgħidulu Adar, jum wieħed qabel jum Mordekaj#15,36: Jum wieħed qabel jum Mordekaj: lejlet il-festa tal-Purim, jiġifieri it-tlittax tax-xahar ta’ Adar, Frar/Marzu, b’tifkira tar-rebħa tal-Lhud fuq il-Persjani bis-saħħa ta’ Ester u Mordekaj. Din il-festa ta’ Nikanor wara ftit taż-żmien ma ssemmietx aktar..#1 Mak 7,49.
Għeluq: Dan li stajt nagħmel!
37Dawn kienu l-ġrajja li għaddew minn għala Nikanor; minn dakinhar il-belt baqgħet f’idejn l-Għebrej; u hawn jien ukoll nieqaf bl-istorja tiegħi.#Ġdt 10,12. 38Jekk inhi miktuba tajjeb u mqassma bis-sengħa, dan li kont nixtieq; jekk ħarġet kajmana u nofs kedda, dan li stajt nagħmel. 39Għaliex bħalma mhux tajjeb tixrob inbid waħdu jew ilma waħdu, tajjeb li tħallat l-inbid bl-ilma biex ipaxxik, hekk is-sengħa li tinseġ sewwa l-ġrajja tpaxxi l-widnejn ta’ min se jaqra l-istorja. Hawn hu t-tmiem.
Currently Selected:
2 MAKKABIN 15: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.

: