YouVersion Logo
Search Icon

1 TIMOTJU 6

6
Kapitlu 6
L-Ilsiera
1Dawk li huma lsiera taħt il-madmad iqisu lis-sidien tagħhom bħala nies li jistħoqqilhom kull ġieħ, biex ma jkunux imkasbra l-isem ta’ Alla u t-tagħlim.#Ef 6,5; Tit 2,9-10. 2Dawk imbagħad li s-sidien tagħhom jemmnu ma għandhomx b’daqshekk jonqsuhom għax huma aħwa; anzi għandhom jaqduhom aħjar, għall-ħsieb li dawk li għalihom qegħdin jaħdmu huma nies li jemmnu u għeżież.#Film 16.
It-tagħlim falz u l-ġid veru
Dan għallem u wissi. 3Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem li jwettaq ta’ Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skont it-tjieba,#Gal 1,6-9; 2 Tim 1,13. 4dan ikun supperv u ma jkun jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; 5u tilwim bejn nies ta’ moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tjieba qiegħda għal qligħ il-flus.#2 Tim 3,8; 4,4; Tit 1,14. 6It-tjieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b’dak li għandu;#Fil 4,11-12; 1 Tim 4,8; Lhud 13,5. 7għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna;#Ġob 1,21; Koħ 5,15. 8sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.#Prov 30,8. 9Imma dawk li jridu jistagħnew jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u ta’ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.#Prov 23,4; 28,22. 10Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.
Twissijiet lil Timotju
11Imma int, bniedem ta’ Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.#2 Tim 2,22. 12Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.#1 Kor 9,25-26; 2 Tim 4,7. 13Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu.#Ġw 18,36-37; 19,11. 14Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, 15li għad juriha f’waqtha.
Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani,
is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,#Dt 10,17; 2 Mak 13,4; Apk 17,14.
16li hu biss ma jmut qatt
u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh,
hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah.
Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.#Eż 33,20; S 104,2.
L-għonja nsara
17Lil dawk li huma għonja bil-ġid ta’ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xaba’ biex ingawdu bih;#S 62,10; Lq 12,20. 18għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnew b’opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu mal-oħrajn. 19Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.#Mt 6,20.
L-aħħar kelma
20Timotju, ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet tal-għerf falz,#1 Tim 4,7; 2 Tim 1,14. 21li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-fidi.#1 Tim 1,6; 2 Tim 2,18.
Il-grazzja magħkom.

Currently Selected:

1 TIMOTJU 6: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in