YouVersion Logo
Search Icon

1 TIMOTJU 5

5
Kapitlu 5
Dmirijiet tal-insara lejn xulxin
1Lil min hu mdaħħal fiż-żmien tiħdux bl-aħrax, imma wissih qisu missierek. Iż-żgħażagħ imxi magħhom bħal aħwa;#Lev 19,32. 2imxi man-nisa mdaħħlin fiż-żmien bħallikieku ommijiet, u man-nisa żgħażagħ bħallikieku ħutek, bis-safa kollu.
3Weġġaħ lir-romol li huma romol tassew#5,3: Romol tassew: jiġifieri li ma għandhom lil ħadd jiġi minnhom li jista’ jgħinhom.. 4Jekk mara armla għandha l-ulied jew ulied uliedha, dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla. 5Dik imbagħad li hi tassew armla u ma għandha ’l ħadd, tqiegħed it-tama f’Alla u tgħaddi jiemha fit-talb u fl-orazzjoni lejl u nhar;#Ġer 49,11; Lq 2,37; 18,7. 6imma dik li ħsiebha fix-xalar, għalkemm hi ħajja, hija mejta. 7Dan kollu għidhulhom, biex ikunu nies li ħadd ma jsib xejn xi jgħid fihom. 8Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.
9Biex armla tkun magħduda fl-ordni tan-nisa romol ma jridx ikollha inqas minn sittin sena; trid tkun mara ta’ raġel wieħed 10u tkun tat xhieda tal-imġiba tajba tagħha: li tkun rabbiet sewwa ’l uliedha, laqgħet il-barranin, ħaslet riġlejn l-aħwa qaddisin, għenet ’il dawk li huma mħabbta, u tkun tat ruħha għal kull għemil tajjeb.#Ġw 13,14; Lhud 13,2. 11Imma nisa romol żgħażagħ warrabhom, għax meta jixegħlu b’xewqat li jaqtgħuhom minn Kristu, huma jagħtihom li jiżżewġu, 12u hekk jaqgħu fil-kundanna, għax ikunu kisru l-ewwel wegħda. 13Barra minn dan, jidraw fl-għażż u joqogħdu jiġġerrew minn dar għal oħra; u jsiru mhux biss għażżiena, imma wkoll paċpaċa u fiergħa, u jħollu lsienhom fuq dak li ma għandhomx jgħidu.#2 Tess 3,11. 14Għalhekk in-nisa li jormlu żgħażagħ irridhom jerġgħu jiżżewġu, inisslu l-ulied u jkollhom dar x’imexxu; u li lill-għadu ma jagħtuh ebda okkażjoni ta’ tmaqdir.#1 Kor 7,9. 15Għax hemm xi wħud minnhom li ġa ħarġu barra mit-triq għal wara x-Xitan. 16Jekk mara li temmen għandha magħha xi nisa romol, tgħinhom hi, u mhux titgħabba bihom il-knisja, biex il-knisja tgħin lil dawk li huma romol tassew.
Il-presbiteri
17Il-presbiteri, li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn#5,17: Ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn: jew ikun jistħoqqilhom ħlas għal darbtejn., l-aktar dawk li jagħmlu x-xogħol tax-xandir tal-kelma u tat-tagħlim.#1 Kor 16,18; Fil 2,29. 18Għax l-Iskrittura tgħid: “La tqigħedx sarima ma’ ħalq il-gendus li jidres”, u wkoll: “Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu”.#Dt 25,4; Mt 10,10; Lq 10,7; 1 Kor 9,9. 19Qatt tilqa’ akkuża kontra presbiteru jekk mhux fuq ix-xhieda ta’ tnejn jew tlieta min-nies.#Dt 17,6; 19,15; Mt 18,16; 2 Kor 13,1. 20Lil dawk li jiżbaljaw wissihom quddiem kulħadd, biex l-oħrajn jibżgħu.#Gal 2,14; Ef 5,11. 21Inwissik bil-qawwa kollha quddiem Alla u Kristu Ġesù, u quddiem l-anġli magħżula#5,21: L-anġli magħżula: kontra l-anġli mitlufa; ara 2 Pt 2,4; Ġuda 6., biex iżżomm tajjeb dawn il-ħwejjeġ kollha bla ma tħares lejn wiċċ ħadd u bla ma tixxaqleb lejn ħadd. 22Tkunx ħafif biex tqiegħed idejk fuq dak li jkun; tisseħibx fid-dnubiet ta’ ħaddieħor; żomm ruħek safi!#1 Tim 4,14.
23Tixrobx ilma biss, imma ħu ftit inbid, għax jagħmillek tajjeb għall-istonku u l-mard tiegħek ta’ spiss.
24Hemm xi wħud li dnubiethom huma magħrufa sa minn qabel ma jsir ħaqq minnhom; oħrajn, iżda, dnubiethom jingħarfu wara. 25Hekk ukoll jintgħarfu l-għemejjel it-tajba; u saħansitra dawk li m’humiex magħrufa, ma jistgħux jibqgħu moħbija.

Currently Selected:

1 TIMOTJU 5: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in