YouVersion Logo
Search Icon

1 TIMOTJU 4

4
Kapitlu 4
L-għalliema foloz
1L-Ispirtu jgħidha ċar li fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten.#2 Tim 3,1; 2 Pt 3,3; 1 Ġw 2,18; Ġuda 18. 2Dawn jisfaw mqarrqa minn nies giddieba, li għandhom il-marka tal-ħażen fuq il-kuxjenza tagħhom#4,2: Li għandhom il-marka tal-ħażen fuq il-kuxjenza tagħhom: letteralment: immarkati bil-ħadida ħamra, jiġifieri bis-sinjal tan-nies kriminali jew ilsiera maħruba.; 3bħal dawk li jikkundannaw iż-żwieġ u ma jridux li jittiekel ikel li Alla ħalqu biex jittieħed b’radd il-ħajr minn dawk li ħaddnu l-fidi u li waslu għat-tagħrif sħiħ tal-verità.#Ġen 9,3; Rum 14,6; 1 Kor 10,30-31. 4Kulma ħalaq Alla hu tajjeb. Xejn ma għandu jitwarrab minn dak li jista’ jittieħed b’radd ta’ ħajr,#Ġen 1,31; Atti 10,15. 5ladarba tqaddes bil-kelma ta’ Alla u bit-talb.
Il-ministru tajjeb ta’ Kristu Ġesù
6Meta inti tagħti tagħlim bħal dan lill-aħwa, tkun qaddej tajjeb ta’ Kristu Ġesù, imrawwem fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb li miegħu mxejt. 7Tagħtix kas ta’ dawk il-ħwejjeġ fiergħa li jgħoddu biss għan-nisa xjuħ. Tħarreġ fit-tjieba.#1 Tim 1,4; 6,20; 2 Tim 2,16; Tit 1,14. 8It-taħriġ tal-ġisem ftit jiswa, waqt li t-tjieba tiswa għal kollox billi fiha għandha l-wegħda tal-ħajja ta’ issa u ta’ dik li għad trid tiġi.#1 Tim 6,6. 9Din hi kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox;#1 Tim 1,15. 10hu għal dan l-għan li aħna nitħabtu u nitqabdu, għax it-tama tagħna hi f’Alla l-ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, l-aktar ta’ dawk li jemmnu.#1 Tim 2,3-4.
11Dan ordna u dan għallem. 12Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.#Tit 2,15. 13Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa#4,13: Ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa: il-qari li kien isir fil-laqgħat tal-insara, bħalma kien isir fis-sinagogi tal-Lhud; ara Lq 4,16-21; Atti 13,14-16., it-twissijiet u t-tagħlim. 14Tinsiex il-grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-saħħa tal-kliem tal-profezija u bit-tqegħid tal-idejn tal-presbiteri fuqek.#Atti 6,6; 8,17; 1 Tim 5,22; 2 Tim 1,6. 15Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem. 16Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

Currently Selected:

1 TIMOTJU 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in