YouVersion Logo
Search Icon

1 TIMOTJU 3

3
Kapitlu 3
L-għażla tal-isqof
1Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: min jixtieq ix-xogħol ta’ isqof#3,1: Ix-xogħol ta’ isqof: ara Atti 20,17. 18; Titu 1,5-7. jixtieq xogħol sabiħ. 2Jeħtieġ, imma, li l-isqof ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun raġel ta’ mara waħda; li jkun meqjus, prudenti, serju; li jilqa’ l-barranin, jaf jgħallem;#Tit 1,6-9. 3li ma jkunx mogħti għax-xorb; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed; li ma jkunx ġellied, anqas rgħib għall-flus; 4li jkun raġel jaf imexxi tajjeb id-dar tiegħu; u li jżomm lil uliedu fl-ubbidjenza bir-rispett kollu. 5Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jista’ jieħu ħsieb il-Knisja ta’ Alla? 6Ma għandux ikun wieħed li għadu kif tgħammed, li ma jmurx jimtela bih innifsu u hekk jaqa’ fil-kundanna tax-xitan. 7Għandu jkollu wkoll isem tajjeb mal-barranin, li ma jaqax fl-għajb u jaqa’ fix-xibka tax-Xitan.#2 Kor 8,21.
L-għażla tad-djakni
8Hekk ukoll id-djakni#3,8: Djakni: dawn kienu n-nies inkarigati bl-opri ta’ karità mal-fqar u l-morda; ara Atti 6,1-6.: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija żżejjed għall-inbid, anqas għall-qligħ baxx tal-flus; 9għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b’kuxjenza safja. 10Dawn ukoll għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova; imbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn xi jgħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni.
11Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta’ min jafdahom f’kollox.#Tit 2,3.
12Id-djakni jkunu rġiel li ma jkunux miżżewġin ma’ aktar minn mara waħda, u li jkunu jafu jmexxu ’l uliedhom u ’l djarhom sewwa. 13Għax dawk li jaqdu dmirhom sewwa bħala djakni jiksbu ġieħ għoli għalihom infushom u fiduċja kbira fil-fidi li hi fi Kristu Ġesù.
Il-misteru tar-reliġjon tagħna
14Qiegħed niktiblek dan, għalkemm għandi tama qawwija li ma ndumx ma niġi għandek. 15Imma biex, jekk indum ma niġi, tkun taf kif wieħed għandu jġib ruħu fid-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja ta’ Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità.#Ef 2,19-22. 16Bla ebda dubju, kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna:
Hu deher fil-ġisem,
kien iġġustifikat bl-Ispirtu,
deher lill-anġli,
ixxandar fost il-pagani,
emmnuh fid-dinja,
ittieħed fil-glorja.#Mk 16,19; Ġw 1,14; Atti 1,9.

Currently Selected:

1 TIMOTJU 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in