YouVersion Logo
Search Icon

1 MAKKABIN 15

15
Kapitlu 15
Xmun u Antijoku VII Sideti (138-129 QK)
1Antijoku bin Demetriju#15,1: Antijoku bin Demetriju: Antijoku VII Siditi, sultan tas-Sirja (138-129 QK), bin Demetriju I Soter, u ħu Demetriju II Nikator, li kien priġunier tal-Parti. Antijoku telaq minn Rodi għas-Sirja biex isalva t-tron ta’ missieru, u fittex li jitħabbeb ma’ Xmum qabel ma jibda l-kampanja kontra Trifon., is-sultan, bagħat ittra mill-gżejjer tal-baħar lil Xmun, il-qassis il-kbir u etnarka tal-Lhud, u lill-poplu kollu, 2li kien fiha dan: “Is-sultan Antijoku lil Xmun, il-qassis il-kbir u etnarka, u lill-poplu Lhudi, sliem! 3Billi xi nies tradituri ħatfu s-saltna ta’ missirijietna, irrid nerġa’ nieħu lura din is-saltna f’idejja u nġibha għal li kienet qabel. Għalhekk jien ġbart kotra kbira ta’ nies armati u ħejjejt ġfien tal-gwerra. 4Għandi l-ħsieb li ninżel l-art ħalli nitħallas minn dawk li ħarbtu artna u li għamlu ħerba mill-ħafna bliet fis-saltna tiegħi.
5“Issa jien inwettaq l-eżenzjonijiet kollha mit-tribut li kienu ħafrulek is-slaten ta’ qabli, u neħilsek mill-ħlasijiet kollha li minnhom kienu ħelsuk, 6u nagħtik il-permess li tistampa l-flus, li jkunu jiswew f’artek. 7Ġerusalemm u t-tempju jkunu ħielsa. U l-armi kollha, li int ħejjejt, il-fortizzi li inti bnejt u li għandek f’idejk jibqgħu għandek. 8Id-djun kollha li għandek mas-sultan u li jista’ jkollok tagħtih ’il quddiem, ikunu maħfura issa u għal dejjem.
9“Meta mbagħad inkunu rġajna ħadna s-saltna f’idejna, nimlew b’unuri kbar lilek u lil ġensek u lit-tempju, biex ġieħkom ikun magħruf mad-dinja kollha.”
10Fis-sena 174#15,10: Fis-sena 174: 138 QK. Antijoku rħielha lejn art missirijietu, u ngħaqdu miegħu t-truppi kollha; u ma’ Trifon baqgħu l-ftit. 11Antijoku mbagħad għamel għal warajh, waqt li dan ħarab u wasal ħdejn Dor f’xatt il-baħar#15,11: Dor f’xatt il-baħar: ix-xatt tal-Palestina xi 24 km fuq in-Nofsinhar tal-Karmelu.. 12Hu kien jaf biżżejjed bil-ħsara li kienet qiegħda tinġema’ għal fuqu, ladarba kienu telquh it-truppi. 13Antijoku waqqaf il-kamp madwar Dor; kellu miegħu mija u għoxrin elf gwerrier u tmint elef kavallerija. 14U dawwar il-belt, waqt li l-iġfna resqu min-naħa tal-baħar, u hekk għalaq il-belt mill-art u mill-baħar, u ma ħalla lil ħadd jidħol jew joħroġ minnha.
L-alleanza bejn ir-Rumani u Xmun
15Imbagħad Numenju u sħabu waslu lura minn Ruma b’ittri lis-slaten u lill-artijiet, li kien fihom miktub dan:#1 Mak 8,17; 12,16; 14,22-24.
16“Luċju, konslu tar-Rumani#15,16: Luċju, konslu tar-Rumani: Lucius Caecilius Metellus, konslu għas-sena 143-142 QK jew Lucius Calpurnitus Piso konslu għas-sena 140-139 QK., lis-sultan Ptolomew, sliem! 17L-ambaxxaturi tal-Lhud ġew għandna bħala ħbieb u alleati tagħna, biex iġeddu l-ħbiberija u l-alleanza ta’ qabel. Bagħtuhom Xmun, il-qassis il-kbir, u l-poplu tal-Lhud. 18Ġiebu magħhom tarka ta’ elf mina deheb.#1 Mak 14,24.
19“Għalhekk dehrilna xieraq li niktbu lis-slaten u lill-artijiet li ma għandhom jagħmlulhom ebda ħsara, li ma jaħbtux la għalihom, la għal bliethom u lanqas għal arthom. Lanqas ma jkunu alleati ma’ dawk li jaħbtu għalihom.
20“Aħna dehrilna sewwa li nilqgħu t-tarka mingħandhom. 21Jekk xi nies ħżiena minnhom jaħarbu f’pajjiżkom, agħtuhom f’idejn Xmun, il-qassis il-kbir, biex jikkastigahom skont il-liġi tagħhom.”
22Hekk ukoll kiteb lis-sultan Demetriju, lil Attalu#15,22: Attalu: Attalu II, sultan ta’ Pergamu, 159-138 QK. Arjarati: Arjarati V, sultan tal-Kappadoċja, 162-130 QK. Arsaki: ara 1 Mak 14,2., lil Arjarati, u lil Arsaki, 23u lill-artijiet kollha, lil Sampsamu, lill-Ispartani, lil Delu, lil Mindu, lil Sikjon, lil Karja, lil Samos, lill-Pamfilja, lil Liċja, lil Ħalikarnassu, lil Rodi, lil Faseli, lil Kos, lil Sidi, lil Aradu, lil Gortina, lil Knidu, lil Ċipru u lil Ċireni#15,23: Il-postijiet li jissemmew f’dan il-vers x’aktarx huma postijiet fejn kien hemm xi komunità Lhudija.. 24U għamlu kopja ta’ dawn lil Xmun, il-qassis il-kbir.
Xmun jiksirha ma’ Antijoku VII Sideti (138 QK)
25Is-sultan Antijoku waqqaf il-kamp fis-subborg ta’ Dor; u baqa’ jross bla heda għal fuqha bit-truppi; għamel magni, u għalaq fiha lil Trifon, li la seta’ joħroġ u lanqas jidħol. 26U Xmun bagħat lil Antijoku elfejn raġel magħżul biex jgħinuh, u fidda u deheb, u ħafna tagħmir. 27Imma hu ma aċċettahomx, anzi ħassar kulma kien ftiehem miegħu qabel, u kisirha miegħu.
28Is-sultan bagħatlu lil Antenobju, wieħed mill-Ħbieb tiegħu, biex jiftiehem miegħu u jgħidlu: “Intom għandkom f’idejkom Ġaffa, Geżer u l-Akra f’Ġerusalemm, kollha bliet tas-saltna tiegħi.#1 Mak 2,18. 29Għamiltu ħerba minn arthom u għamiltu ħsara kbira f’pajjiżi, ħtaftu f’idejkom ħafna nħawi fis-saltna tiegħi. 30Issa mela roddu lura l-ibliet li ħtaftu, u t-tribut tal-artijiet li ħadtu ’l barra mill-fruntieri tal-Lhudija: 31inkella agħtu flokhom ħames mitt talent tal-fidda. U biex tpattu għall-ħsara li għamiltu, ħames mitt talent ieħor għat-tribut tal-ibliet; jekk le niġu u naħbtu għalikom.”
32U Atenobju, il-Ħabib tas-sultan, mar Ġerusalemm u ra l-kobor ta’ Xmun, u t-tagħmir tal-mejda tad-deheb u l-fidda, u l-għamara ta’ madwaru u baqa’ mistagħġeb u ħabbarlu kliem is-sultan. 33U Xmun wieġbu: “Aħna ma ħadna ebda art ta’ ħadd u lanqas għandna f’idejna ħwejjeġ ħaddieħor, imma wirt missirijietna li għal xi żmien kien f’idejn l-għedewwa tagħna bla ma kellhom dritt għalih. 34Minn għalina, xħin kien il-waqt fdejna wirt missirijietna. 35Għal li għedt dwar Ġaffa u Geżer, li int qiegħed titlobni, ngħidlek li kienu huma li għamlu ħsara kbira lill-poplu u l-art tagħna. Madankollu tagħhom nagħtu mitt talent.”
36Atenobju ma wieġbu xejn, imma raġa’ lura mmasħan għand is-sultan u ħabbarlu dan il-kliem kollu, il-kobor ta’ Xmun u kulma kien ra; u s-sultan għadab bis-sħiħ.
37Trifon, imbagħad, imbarka fuq ġifen u ħarab lejn Ortosija#15,37: Ortosija: post bejn Tripli u x-xmara Elewteru fix-xatt tal-Libanu.. 38Is-sultan min-naħa tiegħu għamel lil Kendebew kmandant tax-xtajta, u tah eżerċtu ta’ fanterija u l-kavallerija. 39U ordnalu li jwaqqfu l-kamp biswit il-Lhudija, u ordnalu wkoll jiffortifika l-Kedron#15,39: Kedron: ftit ’il bogħod minn Ġamnija biswit il-fortizza ta’ Gażara li kienet f’idejn Ġwanni Irkanu., isaħħaħ il-bwieb, u jaħbat għall-poplu. Is-sultan għamel għal wara Trifon. 40Kendebew wasal Ġamnija, beda jissikka lill-poplu, u jidħol fil-Lhudija, jaqbad nies ilsiera u joqtol mill-poplu. 41Iffortifika ’l Kedron u qiegħed fiha kavallerija u fanterija biex joħorġu jduru mat-toroq tal-Lhudija, skont ma ordnalu s-sultan.

Currently Selected:

1 MAKKABIN 15: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in