EŻODU 15
15
Kapitlu 15
L-għanja ta’ Mosè
1U mbagħad Mosè, flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej#15,1: Din l-għanja lill-Mulej: din l-għanja hi biċċa poeżija mill-eqdem u mill-isbaħ li għandna fil-Bibbja. Fiha l-poeta jfaħħar u jrodd ħajr lil Alla talli salva l-poplu tiegħu., u qalu:#Eż 15,21.
“Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
2Qawwieti u għanjieti l-Mulej:#S 118,14; Is 12,2.
għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli!
3Il-Mulej gwerrier, Jaħweh ismu!#Eż 3,14.
4L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom fil-baħar;
l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu f’Baħar il-Qasab għarraqhom!
5Belagħhom l-irdum, bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.#Neħ 9,11; Apk 18,21.
6Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu.
7Bil-kobor ta’ sebħek ixxejjen ’il min iqum għalik.#Is 5,24; Għabd 18; Naħ 1,10.
L-għadab tiegħek terħih jiblagħhom bħat-tiben.
8Man-nifs ta’ għadbek inġemgħu l-ilmijiet;
bħal gzuz twaqqfu l-gliegel;
għaqdu fil-qalba tal-baħar l-imwieġ.
9U l-għadu qal: ‘Niġri għal warajhom u nilħaqhom;
naħtaf il-priża u xewqti naqta’;
nislet is-sejf u idi teqridhom.’ 10Infaħt b’nifsek, u l-baħar għattiehom.
U għerqu bħaċ-ċomb fil-qawwa tal-baħar.
11Min hu bħalek, Mulej, fost l-allat?#Lev 19,1-2; Dt 3,24; S 86,8.
Min hu bħalek? Int kbir fil-qdusija,
tal-biża’ fit-tifħir, int li tagħmel l-għeġubijiet.
12Meddejt lemintek, u belgħethom l-art.
13Bi tjubitek mexxejt dan il-poplu li int fdejt;
b’ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.
14Semgħu l-ġnus u triegħdu:
uġigħ qabadhom il-Filistin, 15tħawdu l-kbarat ta’ Edom,#Num 20,21; 21,4-13; Dt 2,1—9,18.
qabdithom rogħda l-qawwijin ta’ Mowab,
dabu bil-biża’ n-nies kollha ta’ Kangħan.
16Ħa jaqgħu fuqhom biża’ u tregħid;#1 Slat 8,13; S 74,2; 78,53-55; Is 11,11; Ef 1,14.
għall-kobor ta’ driegħek
jitbikkmu bħal ġebla;
sa ma jgħaddi l-poplu tiegħek, Mulej;
sa ma jgħaddi dan il-poplu li int ksibt għalik.
17Twassalhom u tħawwilhom
fuq il-muntanja, il-wirt tiegħek;
l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;
il-maqdes, Sidi, li ħejjew idejk. 18Il-Mulej isaltan għal dejjem ta’ dejjem.”
L-għanja ta’ Mirjam
19Malli ż-żwiemel tal-Fargħun bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu niżlu fl-ilma, il-Mulej reġġa’ lura għal fuqhom l-ilma tal-baħar, u wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar.#Eż 14,21-29. 20U Mirjam, il-profetessa, oħt Mosè u Aron, qabdet it-tanbur f’idejha u ħarġu n-nisa warajha bit-tnabar u ż-żfin.#Num 26,59; Mħ 11,34; 1 Sam 18,6-7. 21U Mirjam kienet tweġibhom#15,21: U Mirjam kienet tweġibhom: aktarx ritornell wara kull vers jew strofa.:
“Għannu lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ. Żwiemel u rikkieb fil-baħar waddabhom.”
Fid-deżert ta’ Sur
22Imbagħad Mosè mexxa lil Iżrael minn Baħar il-Qasab, u ħarġu lejn id-deżert ta’ Sur; u damu miexja fid-deżert tlitt ijiem u ma sabux ilma.#1 Kor 10,3-5. #Ġen 16,7; Num 33,8. 23Waslu f’Mara#15,23: Mara: tfisser morra. u ma setgħux jixorbu l-ilma minn Mara għax kien morr. Għalhekk semmewha ‘Mara’. 24U l-poplu beda jgemgem għal Mosè u jgħid: “X’se nixorbu?”#Eż 14,11. 25U Mosè sejjaħ lill-Mulej; u l-Mulej urieh biċċa għuda u xeħitha fl-ilma, u l-ilma sar ħelu. Hemm tahom liġi u ordni, u hemm ġarrabhom.#Ġoż 24,25; 2 Slat 2,21; Sir 38,5; Eżek 47,8. 26U qalilhom: “Jekk tisma’ sewwa l-leħen tal-Mulej Alla tiegħek, u tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh, u tagħti widen għat-twissijiet tiegħu u tħares kull liġi tiegħu, l-ebda marda milli biha lqatt lill-Eġizzjani ma nġib fuqek, għax jien il-Mulej li nfejqek.”#Dt 7,15; S 103,3.
27U waslu f’Elim fejn kien hemm tnax-il għajn tal-ilma u sebgħin siġra tat-tamar, u waqqfu hemm it-tined ħdejn l-ilma.#Num 33,9.
Kasalukuyang Napili:
EŻODU 15: MB20
Haylayt
Kopyahin
Paghambingin
Ibahagi
Gusto mo bang ma-save ang iyong mga hinaylayt sa lahat ng iyong device? Mag-sign up o mag-sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.