YouVersion Logo
Search Icon

TITU 1

1
Kapitlu 1
Tislima
1Jiena Pawlu, qaddej ta’ Alla, u appostlu ta’ Ġesù Kristu biex immexxi l-maħturin ta’ Alla fil-fidi u nwassalhom għat-tagħrif tal-verità li twassal għat-tjieba, 2bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-żminijiet, 3u meta wasal il-waqt irrivelahielna bil-kelma tiegħu permezz tal-predikazzjoni li kienet fdata lili skont l-ordni ta’ Alla, is-Salvatur tagħna.#Ef 1,9-10; 1 Tim 1,1-11; Tit 2,10; 3,4. 4Qiegħed nikteb lil Titu, ibni veru fil-fidi tagħna lkoll: lilu grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna.#Gal 2,3; 1 Tim 1,2; 2 Tim 4,10.
Ix-xogħol ta’ Titu fi Kreta
5Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-ordni, u biex taħtar presbiteri f’kull belt, skont ma ordnajtlek. 6Kull min ikun maħtur ma għandu jkollu xejn x’wieħed jgħid fih; ikun raġel ta’ mara waħda, u jkollu wliedu jemmnu, bla ma ħadd jista’ jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan.#1 Tim 3,2-7; 2 Tim 2,24-26. 7L-isqof#1,7: Isqof: bil-Grieg: episkopos, il-bniedem magħżul biex jieħu ħsieb il-komunità nisranija lokali; kienu jsejħulu wkoll, presbuteros, anzjan. Mhux l-isqof kif nifhmuh aħna llum., bħala amministratur ta’ Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma jista’ jgħid xejn fih; ma għandux ikun mimli bih innifsu, ma jinkurlax malajr, ma jkunx mogħti għax-xorb, ma jkunx ġellied jew rgħib; 8imma jkun bniedem li jilqa’ ’l-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, irżin; 9bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha, biex ikun jista’ jqawwi qalb l-oħrajn bid-duttrina sħiħa u jwiddeb lil min imieri.#1 Tim 1,10; 2 Tim 4,3; Tit 2,1.
10Għax hemm ħafna minn dawk li ma jridux joqogħdu għal ħaddieħor, li jitkellmu fil-vojt u li jqarrqu bl-oħrajn; issibhom l-aktar fost dawk min-naħa tal-Lhud. 11Dawn jeħtiġilhom jitrażżnu, għax qegħdin jaqilbu ta’ taħt fuq familji sħaħ, billi għal qligħ baxx jgħallmu ħwejjeġ li ma jmisshomx jgħallmuhom.#Ġw 10,12; 2 Tim 3,6; 1 Pt 5,2. 12Wieħed minnhom#1,12: Wieħed minnhom: il-poeta minn Kreta jismu Epimenedi ta’ Knossos li għex għall-ħabta ta’ 500 QK., poeta tagħhom stess, qal: “In-nies ta’ Kreta dejjem giddibin, bhejjem qliel, żaqqiqin u għażżenin.” 13Din ix-xhieda hi minnha. Għalhekk għandek teħodhom bl-iebes, biex iżommu sħiħ fil-fidi#2 Tim 4,2. 14u ma jagħtux widen għall-ħrejjef tal-Lhud u għall-ordnijiet ta’ nies li warrbu l-verità minn quddiem għajnejhom.#1 Tim 1,4; 4,7. 15Kollox hu safi għal min hu safi; imma għal dawk li huma mħassrin u li ma jemmnux, xejn ma hu safi; sa moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mħassra.#Mt 15,11; Rum 14,20. 16Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh; huma nies ta’ min jistmerrhom, rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.#1 Ġw 1,6; 2,4.

Currently Selected:

TITU 1: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in