YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 27

27
Kapitlu 27
Ġesù quddiem Pilatu
(Mk 15,1; Lq 23,1-2; Ġw 18,28-32)
1L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt.#Mt 12,14; Mk 3,6; Lq 22,66. 2Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu#27,2: Pilatu: il-Prokuratur, jew Gvernatur, tal-Palestina, 26-36 WK., il-gvernatur.
Il-mewt ta’ Ġuda
(Atti 1,18-20)
3Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura;#Mt 26,14-15. 4u qalilhom: “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija#27,4: Demm bla ħtija: bniedem innoċenti.!” Iżda huma qalulu: ‘Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!”#Mt 27,24. 5Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.#Atti 1,18-19. 6Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu: “Dawn ma nistgħux inqegħduhom mal-offerti, għax huma prezz tad-demm#27,6: Prezz tad-demm: prezz ta’ ħajja ta’ bniedem..” 7Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw l-Għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar, biex fiha jidfnu l-barranin. 8Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet l-Għalqa tad-Demm, u hekk għadha magħrufa sal-lum. 9Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: ‘U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael,#Ġer 32,6-9; Żak 11,12-13. 10u tawhom għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej.’
Pilatu jistaqsi lil Ġesù
(Mk 15,2-15; Lq 23,1-5; Ġw 18,28—19,4-16)
11Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh: “Int is-sultan tal-Lhud?” U Ġesù wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu.”#Mt 2,2; 27,29-37; Mk 15,15-26; Lq 23,37-38; Ġw 18,39; 19,21. 12Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn.#Is 53,7; Mt 26,63; 27,14; Lq 23,9; Ġw 19,9. 13Għalhekk Pilatu qallu: “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek!” 14Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.#Is 53,7; Mt 26,63; 27,12; Lq 23,9; Ġw 19,9.
Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mk 15,6-15; Lq 23,13-25; Ġw 18,39—19,6)
15Nhar ta’ festa l-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. 16Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba#27,16: Barabba: priġunier politiku, xewwiex kontra Ruma. F’xi manuskritti ismu jitniżżel bħala Ġesù Barabba.. 17Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom: “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija?” 18Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f’idejh. 19Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu: “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.” 20Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu ’l Ġesù. 21Il-gvernatur, mela, raġa’ staqsiehom: “Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?” “Lil Barabba.”#Atti 3,14. 22Qalilhom Pilatu: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?” Weġbuh ilkoll: “Sallbu!’#Atti 3,13; 13,28. 23Hu staqsiehom: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!” 24Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm#27,24: M’iniex ħati ta’ dan id-demm: m’iniex ħati tal-mewt ta’ dan il-bniedem.: dan arawh intom!”#Dt 21,6-9. 25U l-poplu kollu qabeż u qal: “Demmu fuqna u fuq uliedna#27,25: Fuqna u fuq uliedna: ta’ mewtu nidħlu responsabbli aħna, u lesti biex insofru l-konsegwenzi; ara 2 Sam 1,16; 3,29.!”#Eżek 33,5; Atti 5,28. 26Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat#27,26: Tah is-swat: ir-Rumani kienu jagħtu s-swat lill-ikkundannat għas-salib, qabel ma jsallbuh., tahulhom biex isallbuh.
Is-suldati jżebilħu lil Ġesù
(Mk 15,16-20; Ġw 19,1-3)
27Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. 28Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur#27,28: Mantar aħmar skur: ara nota Mk 15,17.;#Lq 23,11. 29qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, inxteħtu għarkupptejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”#Mk 15,18; Lq 23,37.38; Ġw 18,39; 19,3-21. 30Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu.#Is 50,6. 31Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.
Ġesù msallab
(Mk 15,21-32; Lq 23,26-43; Ġw 19,17-24)
U ħaduh magħhom biex isallbuh. 32Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni#27,32: Raġel minn Ċireni: Ċireni kienet belt Griega fl-Afrika ta’ fuq, mnejn l-isem Ċirenajka, il-provinċja tal-Lvant tal-Libja tal-lum. Fiha kienu jgħammru ħafna Lhud; dawn kellhom sinagoga għalihom f’Ġerusalemm. Ħafna minnhom saru nsara; ara Atti 2,10; 11,20; 13,1., jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib#27,32: Jerfagħlu s-salib: l-ikkundannat kien iġorr it-traversa l-mimduda tas-salib.. 33Meta waslu f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa#27,33: Qorriegħa: kienet tissejjaħ hekk aktarx minħabba l-għamla tal-art., 34tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu.#S 69,21. 35Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti,#S 22,18. 36u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu. 37U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, ‘Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.’#Mt 2,2; 27,29; Mk 15,9-18; Ġw 19,3. 38Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.#Is 53,12. 39Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh iċaqilqu rashom#S 109,25. 40u jgħidu: “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”#Mt 26,61; Mk 14,58; Lq 4,3-9; Ġw 2,19-20. 41Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu: 42“Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’ Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih!#Mt 1,21; Ġw 12,13. 43Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal, ‘Jiena Bin Alla.’ ”#S 22,8; Għerf 2,18-20; Ġw 5,18; 10,36; 19,7. 44U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.
Il-mewt ta’ Ġesù
(Mk 15,33-41; Lq 23,44-49; Ġw 19,28-30)
45Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa.#Għam 8,9. 46U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal: “Eli, Eli, lema sabaqtani?” Jiġifieri, ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’#S 22,1. 47Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!” 48U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob,#S 69,21. 49waqt li l-oħrajn qalu: “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!” 50Imma Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.
51U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżżet, il-blat inqasam,#Eż 26,31-35; Lhud 10,20. 52u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu,#Eżek 37,12. 53li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa#27,53: Il-Belt imqaddsa: Ġerusalemm. u dehru lil bosta nies.#Mt 4,5; Apk 11,2; 21,2-10; 22,19. 54Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu: “Dan kien tassew Bin Alla!” 55Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija#27,55: Sa minn meta kien għadu fil-Galilija: sa mill-bidu tal-ministeru tiegħu.:#Lq 8,2-3. 56fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.#Mt 20,20.
Id-difna ta’ Ġesù
(Mk 15,42-47; Lq 23,50-56; Ġw 19,38-42)
57Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija#27,57: Arimatija: belt daqs 35 km fit-Tramuntana ta’ Ġerusalemm., jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù;#Dt 21,22-23. 58mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. 59Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, 60qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq.#Mt 28,2; Mk 16,3-4; Lq 24,2; Ġw 20,1. 61Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.#Mk 15,47; 16,1; Lq 24,10; Ġw 19,25.
L-għassa mal-qabar
62L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija#27,62: Jum it-Tħejjija: il-vġili tal-Għid., il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu 63u qalulu: “Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal, ‘Wara tlitt ijiem inqum.’#Mt 12,40; 16,21; 17,23; 20,19; Mk 8,31; 9,31; 10,34; Lq 9,22; 18,33; 24,7. 64Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu, ‘Qam mill-imwiet,’ u hekk il-qerq tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel.”#Mt 12,45; Lq 11,26; 2 Pt 2,20. 65Qalilhom Pilatu: “Għandkom l-għassa; morru ħarsuh tajjeb kif tafu.” 66U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.

Currently Selected:

MATTEW 27: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy