YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 25

25
Kapitlu 25
Il-parabbola tal-għaxar xebbiet
1“Imbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.#Lq 12,35-36. 2Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, 3għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, 4waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. 5L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu. 6Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ 7Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. 8Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ 9Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ 10Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. 11Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’#Lq 13,25-27. 12Iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’#Mt 7,23. 13Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.#Mt 24,42; Mk 13,35; Lq 12,40.
Il-parabbola tat-talenti
(Lq 19,12-27)
14“Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom.#Mk 13,34; Lq 19,12-13. 15Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer. 16Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. 17Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. 18Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. 19Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. 20Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ 21Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’#Mt 24,47; 25,23; Lq 16,10. 22Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ 23Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’#Mt 24,47; 25,21; Lq 16,10. 24Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. 25Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ 26Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. 27Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. 28Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. 29Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.#Mt 13,12; Mk 4,25; Lq 8,18. 30U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.#Mt 8,12; 13,43-50; 22,13; 24,51; Lq 13,28.
Il-ħaqq mill-popli
31“Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.#Mt 16,27; 19,28; Ġuda 14. 32U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż:#Eżek 34,17. 33in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.#Lq 12,32. 34Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.#Lq 22,30. 35Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni,#Is 58,7. 36kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ 37Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? 38Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? 39Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ 40U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’#Prov 19,17; Mt 10,42; 18,5; Mk 9,41.
41Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu.#Mt 7,23. 42Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, 43kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! 44Imbagħad huma wkoll iweġbuh, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?’ 45Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’ 46U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.#Dan 12,2; Ġw 5,29.

Currently Selected:

MATTEW 25: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy