13
Kapitlu 13
Il-mard tal-ġilda
1U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:#Dt 24,8-9; Num 12,10-15. 2“Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa#13,2: Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa: dawn huma s-sintomi ta’ lebbra u mard tal-ġilda ieħor, li kien u għadu komuni fil-Lvant. Dawn il-preskrizzjonijiet iebsa kienu bżonnjużi biex jikkontrollaw dan il-mard kiefer. Biż-żmien il-lebbra bdiet titqies bħala figura tad-dnub., jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin.#Dt 24,8. 3Il-qassis imbagħad jara l-ġerħa tal-ġilda tal-ġisem, u, jekk ix-xagħar ta’ ħdejn il-ġerħa jkun bjad u l-ġerħa tkun ’l isfel mill-ġilda, din tkun ġerħa tal-ġdiem, u l-qassis jarah sewwa, u jiddikjarah imniġġes. 4Imma jekk it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda, iżda mhux ’l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ma jkunx bjad, il-qassis jagħlaq il-miġruħ għal sebat ijiem. 5U jerġa’ l-qassis jarah fis-seba’ jum, u jekk isib li l-ġerħa baqgħet kif kienet, u ma nfexxetx fil-ġilda, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem oħra. 6Imbagħad jerġa’ jarah fis-seba’ jum, u jekk isib li l-ġerħa ntfiet u ma nfexxetx fil-ġilda, jiddikjarah nadif għax tkun bużżieqa. U jaħsel ħwejġu u jindaf. 7Imma jekk il-bużżieqa tinfexx fil-ġilda, wara li jkun rah il-qassis u għaddieh b’nadif, jerġa’ jidher quddiem il-qassis. 8Jarah il-qassis, u jekk jara li l-ġerħa nfexxet fil-ġilda, jiddikjarah b’imniġġes, għax ikun ġdiem.
9“Meta wieħed ikollu l-ġerħa tal-ġdiem, iġibuh quddiem il-qassis. 10Imbagħad jarah il-qassis, u jekk ikun hemm qoxra bajda fil-ġilda, u bix-xagħar ġo fiha abjad, u l-fdal ta’ laħam ħaj, 11dan ikun ġdiem li jkun ilu fil-ġilda ta’ ġismu, u l-qassis jiddikjarah b’imniġġes; imma ma jagħlqux, għax ikun imniġġes. 12Jekk imbagħad il-ġdiem jixtered mal-ġilda, u jiksi l-ġilda kollha tal-marid, minn rasu sa saqajh, kull fejn jista’ jara l-qassis, 13il-qassis jarah, u jekk il-ġdiem ikun jiksi l-ġilda kollha ta’ ġismu, jiddikjara l-marid nadif; għax ikun bjad għalkollox, u hu nadif. 14Imma jekk jitfaċċa l-laħam il-ħaj, ikun imniġġes. 15Malli l-qassis jara l-laħam il-ħaj, jiddikjarah imniġġes; għaliex il-laħam il-ħaj, sinjal tal-ġdiem, hu mniġġes. 16Jekk imma l-laħam il-ħaj jgħib, u l-marid jerġa’ jibjad, għandu jmur għand il-qassis; 17jekk il-qassis, meta jarah, isib li bjad, jiddikjarah nadif, u jkun imnaddaf.
18“Wieħed li jkollu fil-ġilda ta’ ġismu nuffata, u jfiq minnha, 19imma mbagħad flok in-nuffata titfaċċa qoxra bajda, jew tebgħa bajda tagħti fl-aħmar, għandu jidher quddiem il-qassis. 20U malli jarah il-qassis u jsib li tkun ’l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ikun bjad, jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem, li faqqset fin-nuffata. 21Imma jekk il-qassis jaraha, u ma jsibx xagħar abjad, u ma tkunx ’l isfel mill-ġilda, imma tkun bjadet, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem, 22u mbagħad, jekk it-tebgħa tinfirex mal-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 23Imma jekk it-tebgħa tibqa’ fejn kienet bla ma tinfirex, tkun l-għeluq tan-nuffata u għalhekk il-qassis jiddikjarah nadif.
24“Jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar fil-ġilda, u l-għeluq tal-ħarqa jsir tebgħa bajda tagħti fl-aħmar jew bajda, 25jaraha l-qassis, u jekk ix-xagħar fit-tebgħa jkun bjad u t-tebgħa tidher ’l isfel mill-ġilda, tkun ġdiem imfaqqas fil-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem.
26“Imma jekk jaraha l-qassis, u ma jkunx hemm fit-tebgħa xagħar abjad, u ma tkunx ’l isfel mill-ġilda, u lewnha jkun tefa, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem. 27Imbagħad il-qassis jarah fis-seba’ jum, u jekk tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 28Imma jekk it-tebgħa tibqa’ kif kienet u ma tkunx infirxet mal-ġilda, u tilfet lewnha, tkun il-fdal tal-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah nadif, għax tkun l-għeluq tal-ħarqa.
29“Jekk mara jew raġel ikollu f’rasu, jew fi lħitu, ġerħa, 30għandu jaraha l-qassis, u jekk jara li tkun ’l isfel mill-ġilda, u bix-xagħar safrani u skars, il-qassis jiddikjarah imniġġes; għax ikollu l-falza, il-ġdiem tar-ras jew tal-leħja. 31Imma jekk il-qassis jara l-ġerħa tal-falza, u ma tkunx tidher li tkun ’l isfel mill-ġilda, u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem. 32U mbagħad jara l-ġerħa fis-seba’ jum, u, jekk il-falza ma tkunx ġriet, u ma jkunx fiha xagħar iswed u ma tidhirx ’l isfel mill-ġilda, 33il-marid jitqarweż - imma mhux fejn tkun il-falza - u l-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem oħra. 34Imbagħad il-qassis jerġa’ jara l-falza fis-seba’ jum, u jekk il-falza ma tkunx ġriet mal-ġilda, u ma tidhirx ’l isfel mill-ġilda, il-qassis jiddikjarah nadif; u dak jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 35Imma jekk il-falza, wara li jkun iddikjaraha nadifa, tiġri mal-ġilda, 36jerġa’ jarah il-qassis, u jekk il-falza tkun ġriet mal-ġilda, ma għandux għalfejn il-qassis jara jekk ix-xagħar ikunx safrani; għax ikun imniġġes. 37Jekk imbagħad jara li l-falza waqfet u tela’ x-xagħar iswed, il-marid ikun imfejjaq u nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif.
38“Raġel jew mara li jkollhom il-ġilda ta’ ġisimhom bi tbajja’ bojod, 39jarahom il-qassis u jekk jarahom bojod u mitfija, ikun ħżież imfaqqas fil-ġilda; il-marid ikun nadif.
40“Min jitlef ix-xagħar ta’ rasu, ikun qargħi, imma jkun nadif. 41Jekk jaqagħlu minn fuq ġbinu, ikun fartas minn quddiem, imma nadif. 42Iżda jekk ikollu fil-qurriegħa bla xagħar jew ġbinu bla xagħar, ġerħa bajda tagħti fl-aħmar, dan ikun ġdiem imfaqqas fil-qurriegħa jew ġbinu. 43Għandu jarah il-qassis, u jekk jara li l-qoxra tal-ġerħa fil-qurriegħa jew fil-ġbin tkun bajda tagħti fl-aħmar, bħalma jidher fil-ġdiem tal-ġilda ta’ ġismu, 44dan ikun bniedem imġiddem għalkollox u mniġġes, u l-qassis għandu jiddikjarah imġiddem; għax il-ġerħa tkun fir-ras.
45“Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: ‘Imniġġes! Imniġġes!’ 46Kemm idum marid ikun miżmum b’imniġġes li hu, u jgħix waħdu f’postu barra mill-kamp.#Num 5,2; 12,14-15; 2 Slat 15,5; Lq 17,12.
It-tingis tal-ilbies
47“Meta biċċa lbies tibda tnawwar, sew jekk tkun tas-suf sew tal-għażel, 48fil-medd jew fit-togħma, jew biċċa ġild jew xi ħaġa oħra tal-ġild, 49jekk il-biċċa l-marida tkun ħadranija jew ħamranija, sew ilbies sew ġild, fil-medd jew fit-togħma, jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tebgħa tat-tinwir u għandu jaraha l-qassis. 50Meta jkun raha l-qassis, dan għandu jagħlaq il-biċċa mċappsa għal sebat ijiem; 51imbagħad jerġa’ jaraha fis-seba’ jum, u jekk jara li t-tebgħa fl-ilbies xterdet, sew fil-medd sew fit-togħma, sew fil-ġild jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tinwir li jġib il-ħsara; din hi mniġġsa. 52U jaħraq il-biċċa mniġġsa, sew fil-medd sew fit-togħma, kemm tas-suf kemm tal-għażel, u kull ħaġa oħra tal-ġild li tkun imċappsa; għax dan ikun tinwir li jġib il-ħsara u għalhekk għandha tinqered bin-nar. 53Imma jekk il-qassis jaraha u jsib li t-tinwir ma xteridx fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, 54jordna li jaħslu l-biċċa mċappsa, u jagħlaqha għal sebat ijiem oħra. 55Imbagħad il-qassis jerġa’ jara t-tinwir wara li jkunu ħasluha, u jekk jara li fl-għajn it-tinwir ma tbiddilx, għalkemm ma jkunx xtered, tkun imniġġsa, u għandek taħraqha fin-nar, sew jekk tkun imnawra mis-sewwa sew mill-maqlub. 56Jekk il-qassis jaraha u jsib li l-lewn tat-tinwir ikun tefa wara li jkunu ħasluha, jaqta’ t-tebgħa mill-ilbies jew mill-ġild, mill-medd jew mit-togħma, u minn kull ħaġa oħra tal-ġild. 57Imma jekk jerġa’ jidher it-tinwir fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, u f’kull ħaġa oħra tal-ġild, ikun faqqas mill-ġdid, u għandek taħraq bin-nar it-tinwir kollu li jkun fiha. 58Imma jekk l-ilbies, jew medd jew togħma, jew kull ħaġa oħra tal-ġild, taħsilhom u t-tinwir imur, erġa’ aħsilhom għat-tieni darba u jkunu ndaf.”
59Din hi l-liġi għat-tinwir tal-ilbies tas-suf jew tal-għażel, tal-medd jew tat-togħma u ta’ kull ħaġa oħra tal-ġild, biex ikunu ddikjarati ndaf jew imniġġsa.#Lev 14,54-57.