YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 38

38
Kapitlu 38
L-artal tas-sagrifiċċju
1U għamel l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq mill-injam tal-gażżi. Kien kwadru ħamest idriegħ tul u ħamsa wisa’, u tlitt idriegħ għoli.#Eż 27,1-19. #2 Kron 1,5. 2U għamillu qarn f’kull kantuniera biċċa waħda miegħu, u ksieh bil-bronż. 3U għamel it-tagħmir kollu tal-artal: il-ħwat għall-irmied, imqassijiet, u twaġen, kollox għamel tal-bronż. 4Għamillu wkoll gradilja maħduma bħal xibka tal-bronż, taħt il-ħanek tal-artal, ’l isfel sa nofs l-għoli. 5Imbagħad dewweb erba’ ħolqiet m’ogħla l-erbat itruf tal-gradilja, biex jidħlu fihom il-lasti, u ksiehom bil-bronż. 6U għamel il-lasti tal-injam tal-gażżi, u ksiehom bil-bronż. 7U daħħal il-lasti fil-ħoloq fil-ġenb tal-artal biex iġorruh bihom. Għamlu tat-twavel u vojt minn ġewwa.
Il-ħawt tal-bronż
8U għamel ukoll il-ħawt tal-bronż bil-maqgħad tal-bronż mill-mirja li offrew in-nisa#38,8: Mill-mirja li offrew in-nisa: dak iż-żmien il-mirja kienu pjanċa tal-bronż illustrat. Dwar dawn in-nisa, ara 1 Sam 2,22. li kienu jservu fid-dħul tat-tinda tal-laqgħa.#Eż 30,18-21; 1 Sam 2,22.
Il-bitħa
9Imbagħad għamel il-bitħa: fuq in-naħa ta’ Nofsinhar, ’l isfel, kellha purtiera ta’ għażel minsuġ fin, tul mitt driegħ; 10għoxrin pilastru bl-għoxrin maqgħad tagħhom tal-bronż; imma l-ganċijiet tal-pilastri bil-faxex tagħhom kienu tal-fidda. 11U n-naħa tat-Tramuntana mitt driegħ tul, b’għoxrin pilastru, għoxrin maqgħad tal-bronż, bil-ganċijiet u l-faxex tal-pilastri tal-fidda. 12U n-naħa tal-Punent kien hemm ħamsin driegħ ta’ purtieri; għaxar pilastri u għaxar imqagħad tagħhom, u għaxar ganċijiet għall-pilastri u l-faxex tagħhom tal-fidda. 13Fuq quddiem, in-naħa tal-Lvant, kien hemm ħamsin driegħ; 14ħmistax-il driegħ purtieri fuq ġenb bit-tliet pilastri u t-tliet imqagħad tagħhom. 15U fuq il-ġenb l-ieħor, minn naħa u minn oħra tal-bieb tal-bitħa, ħmistax-il driegħ bit-tliet pilastri u t-tliet imqagħad tagħhom. 16Il-purtieri kollha ta’ madwar il-bitħa kienu tal-għażel minsuġ fin; 17l-imqagħad tal-bronż, il-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex tagħhom tal-fidda; il-kisja ta’ rjushom kienet tal-fidda, u l-pilastri kollha miksija bil-fidda. 18Il-purtiera tal-bitħa kienet tad-drapp minsuġ fin u mżewwaq; vjola, porpra u skarlatt, u għażel mibrum fin; twila għoxrin driegħ u ħamsa għolja, daqs il-wisa’ tal-purtieri tal-bitħa, 19bl-erba’ kolonni u l-erba’ mqagħad tagħhom tal-bronż; bil-ganċijiet tal-fidda; u l-kisja ta’ rjushom u l-faxex tagħhom tal-fidda. 20L-imsiemer tat-tinda u tal-bitħa dawramejt kienu tal-fidda.
In-nefqa għat-tabernaklu
21Dan hu l-kont tat-tabernaklu, it-tinda tax-xhieda, kif kien magħmul bl-ordni ta’ Mosè, permezz tal-Leviti taħt Itamar bin Aron il-qassis. 22Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta’ Ġuda, għamel kulma kien ordna l-Mulej permezz ta’ Mosè,#Eż 31,2-6; 35,30; 36,1. 23flimkien ma’ Oħolijab bin Aħisamak, mit-tribù ta’ Dan, bniedem tas-sengħa, disinjatur u nissieġ fil-vjola, fil-porpra, fl-iskarlatt u fl-għażel.
24Id-deheb kollu biex saret din l-opra, ix-xogħol kollu tas-santwarju, kollu ġej mill-offerti tan-nies, laħaq disgħa u għoxrin talent u seba’ mija u tletin xekel, skont ix-xekel tas-santwarju. 25U l-fidda, miġbura mill-magħdudin tal-ġemgħa, laħqet mitt talent u elf u seba’ mija u ħamsa u sebgħin xekel skont ix-xekel tas-santwarju:#Eż 30,11-16; Num 1,45-46. 26beka kull ras, jiġifieri nofs xekel tas-santwarju, minn kull min kien magħdud minn għoxrin sena ’l fuq, għal sitt mija u tlitt elef u ħames mija u ħamsin raġel. 27Il-mitt talent tal-fidda servew għat-tidwib tal-imqagħad tat-tabernaklu, u tal-imqagħad tal-purtiera: mitt talent għal mitt maqgħad, talent għal kull maqgħad. 28Elf u seba’ mija u ħamsa u sebgħin xekel servewh biex jagħmel il-ganċijiet tal-pilastri u jiksi l-irjus tagħhom u jdawwarhom bil-faxex. 29Il-bronż li offrew laħaq sebgħin talent u elfejn u erba’ mitt xekel; 30bih għamel l-imqagħad tad-dħul tat-tabernaklu tal-laqgħa, l-artal tal-bronż bil-gradilja tal-bronż; u t-tagħmir tal-artal; 31l-imqagħad ta’ madwar il-bitħa u l-imqagħad tal-bieb tal-bitħa, u l-imsiemer tat-tabernaklu, u l-imsiemer ta’ madwar il-bitħa.

Currently Selected:

EŻODU 38: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in