YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 14

14
Kapitlu 14
1Imbagħad il-Mulej kellem lil Mosè: 2“Għid lil ulied Iżrael jerġgħu lura u jieqfu quddiem Piħaħirot, bejn Migdol u bejn il-baħar, quddiem Bagħal-sefon; twaqqfu l-kamp biswitu sewwa, ħdejn il-baħar.#Num 33,7-8. 3Il-Fargħun jgħid għal ulied Iżrael: ‘Intilfu fl-art u għalaqhom minn kull naħa fid-deżert.’ 4U jien inwebbes qalb il-Fargħun, u jiġi għal warajkom, u jien nuri l-glorja tiegħi fuq il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu, u jkunu jafu l-Eġizzjani li jien il-Mulej.” U hekk għamlu.
5Meta lis-sultan tal-Eġittu qalulu li kienu ħarbu, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu biddlu fehemthom dwar il-poplu u qalu: “X’morna għamilna u bgħatna lil Iżrael biex issa ma jaħdmilniex iżjed.”#1 Mak 4,9; Għerf 19,3; Atti 13,17. 6U ħejja l-karru tiegħu, u ħa l-poplu tiegħu miegħu. 7U ħa sitt mitt karru magħżula u l-karrijiet kollha tal-Eġizzjani b’fizzjali fuqhom ilkoll. 8U l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, sultan tal-Eġittu, u dan għamel għal wara wlied Iżrael huma u sejrin b’rashom merfugħa. 9U ħarġu għalihom l-Eġizzjani bil-kavallerija tal-Fargħun - żwiemel, karrijiet u rikkieba bl-eżerċtu kollu - u laħquhom ħdejn il-baħar fejn kienu waqqfu l-kamp, ħdejn Piħaħirot, biswit Bagħal-sefon. 10Meta l-Fargħun kien qorob lejhom, ulied Iżrael refgħu għajnejhom u raw l-Eġizzjani resqin lejhom. Ulied Iżrael qabadhom biża’ kbir u sejħu lill-Mulej. 11U mbagħad qalu lil Mosè: “Jaqaw ma kienx hemm oqbra fl-Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-deżert? X’għamiltilna, biex ħriġtna mill-Eġittu?#Eż 5,21; 6,9; 16,2-3; 17,3; Num 11,1; 14,2; 20,2; 21,4-5. 12Ma għednilekx aħna fl-Eġittu: ‘Ħallik minna, ħallina naħdmu għall-Eġizzjani?’ Aħjar naħdmu fl-Eġittu milli mmutu fid-deżert!”#Eż 16,3; 17,3. 13Mosè wieġeb lill-poplu: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej. L-Eġizzjani, li qegħdin taraw illum, ma tarawhom qatt aktar. 14Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom.” 15Il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu.#S 78; 105; 106; 114; Għerf 10,18-19; 1 Kor 10,1-2. 16U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs il-baħar. 17U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. 18U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.” 19U mbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta’ Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani u t-tined ta’ Iżrael. 20Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor. 21Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.#Eż 15,19; S 66,6; 78,13; 136,13-14; Għerf 10,18; 19,7-8; Is 63,12-13; Lhud 11,29.
Jaqsmu l-baħar
22U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. 23L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. 24Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom.#S 77,17-19. 25U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”
26Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.” 27U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbieħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma.#Dt 11,4; S 106,11. 28L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa’ minnhom. 29U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
30Dak in-nhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. 31Ra Iżrael kulma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta’ driegħu. U beża’ l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.#Eż 4,31; S 106,12; Għerf 10,20.

Currently Selected:

EŻODU 14: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in