EŻODU 12
12
Kapitlu 12
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid
1Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: 2“Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena.#Lev 23,5-8; Num 9,2-5; 28,16-25; Dt 16,1-8; Eżek 45,21-24; Mt 26,17-18; Lq 22,15-16; 1 Kor 5,7. 3Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom: Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar#12,3: Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar: ix-xahar ta’ Abib, qamħ misjur, li jwieġeb għal Marzu/April tagħna: 13,4; 4,23; 34,18; Dt 16,1. Aktar tard bdew isejħulu bl-isem Babiloniż ta’ Nisan. Il-ħaruf jurina li din kienet festa tar-raħħala nomadi; l-element tal-ħobż ażżmu, bla ħmira, aktarx daħal tard meta l-Iżraelin bdew jgħammru f’Kangħan u saru bdiewa jaħdmu l-art.. 4Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf. 5Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż.#Lev 22,19-20; 1 Pt 1,19. 6Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. 7Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. 8F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. 9Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli fl-ilma, imma mixwi: rasu, riġlejh, u l-ġewwieni. 10U tħallu xejn għal filgħodu; kulma jibqa’ għal filgħodu aħarquh. 11U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f’idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej#12,11: Mogħdija tal-Mulej: bil-Lhudi pesaħ, mnejn ġejja l-kelma Taljana pasqua, mill-Grieg u l-Latin pascha.. 12Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob ’il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh.#Num 33,4.
13Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu.#Lev 1,5; Lhud 11,28. 14Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin. 15Għal sebat ijiem tieklu ħobż ażżmu. Fl-ewwel jiem twarrbu l-ħobż bil-ħmira minn djarkom. Għax kulmin jiekol ħobż bil-ħmira, mill-ewwel jum sas-seba’ jum, ikun maqtugħ minn Iżrael.#Eż 13,3-10; 23,15. #1 Kor 5,7. 16Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa, u laqgħa mqaddsa oħra fis-seba’ jum. F’dawk il-jumejn ma jsir ebda xogħol; tistgħu tlestu dak biss li wieħed irid biex jiekol. 17U tħarsu żmien l-ażżmi għax sewwasew dak in-nhar ħriġtu l-qtajja’ tagħkom mill-Eġittu. U intom tħarsu dan il-jum minn nisel għal nisel, u din hi liġi għal dejjem. 18Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar filgħaxija, tieklu ħobż bla ħmira, u hekk tibqgħu tieklu sal-wieħed u għoxrin tax-xahar filgħaxija. 19Għal sebat ijiem ma għandu jkun hemm ebda ħobż bil-ħmira fi djarkom. Għaliex kull min jiekol ħobż bil-ħmira, dan ikun maqtugħ mill-ġemgħa ta’ Iżrael, sewwa l-barrani, sewwa dak li jkun imwieled fl-art. 20Tieklu xejn bil-ħmira, kulu l-ażżmu fl-għamajjar kollha tagħkom.”
L-ikla tal-Għid
21U Mosè sejjaħ lix-xjuħ kollha ta’ Iżrael u qalilhom: “Aqbdu u ħudu ħaruf għal kull familja tagħkom, u oqtlu l-ħaruf tal-Għid. 22Ħudu qabda żuf u billuh fid-demm fil-bieqja u ċappsu l-blata u l-ġnub tal-bieb bid-demm ta’ ġol-bieqja. Ħadd minnkom ma joħroġ mill-bieb ta’ daru ’l barra qabel filgħodu. 23Għax il-Mulej se jgħaddi biex jidrob l-Eġizzjani; imma meta jara d-demm mal-blata u l-ġnub tal-bieb, il-Mulej jaqbeż lil bwiebkom u ma jħallix lill-qerried jidħol jidrobkom fi djarkom.#Eż 12,7; Eżek 9,4-7; Lhud 11,28. 24Intom iżżommu dan b’liġi għalikom u għal uliedkom għal dejjem. 25U meta tidħlu fl-art li l-Mulej għad jagħtikom, bħalma wiegħed, żommu din id-drawwa. 26Meta mbagħad uliedkom jistaqsukom: ‘X’inhi din id-drawwa?’#Eż 10,2; 13,14; Dt 6,20-25. 27intom tweġbuhom: ‘Dan hu s-sagrifiċċju tal-Għid tal-Mogħdija tal-Mulej, meta hu baqa’ għaddej minn nofs id-djar ta’ wlied Iżrael fl-Eġittu meta darab lill-Eġizzjani, iżda ħeles lil djarna.’ ” Miel il-poplu u ta qima b’wiċċu fl-art.
28U wlied Iżrael marru lejn darhom u hekk għamlu: għamlu bħalma Alla kkmanda lil Mosè u lil Aron.
Il-qerda tal-ulied il-kbar
29Ġara li f’nofs il-lejl il-Mulej darab ’l ulied il-kbar fl-art tal-Eġittu, mit-tifel il-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir tal-ilsir ġewwa l-ħabs, u kull ferħ tal-ewwel tal-bhejjem.#Eż 11,4-8; S 78,51; 105,36; 135,8; 136,10; Għerf 18,10-16. 30U l-Fargħun qam billejl, hu u l-qaddejja tiegħu, u l-Eġizzjani kollha, u telgħet twerżiqa waħda kbira mill-Eġittu, għax ma kienx hemm dar li ma kienx hemm xi mejjet fiha. 31Imbagħad sejjaħ lil Mosè u ’l Aron billejl u qalilhom: “Qumu u oħorġu ’l barra minn nofs il-poplu tiegħi, intom u wlied Iżrael; morru u aqdu lill-Mulej, kif għedtu. 32L-imrieħel u l-baqar tagħkom ħuduhom kif għedtu. Morru u bierku lili wkoll.” 33L-Eġizzjani bdew isusu fuq il-poplu, ħalli jfittxu jitilqu mill-pajjiż, għaliex qalu: “Se mmutu lkoll!” 34U l-poplu ħa l-għaġna bla ħmira, u l-lniebi misrura fl-imnatar fuq spallejhom. 35U wlied Iżrael għamlu kif qalilhom Mosè u talbu mingħand l-Eġizzjani ħwejjeġ tal-fidda u tad-deheb, u lbiesi.#Eż 3,21-22; 11,2-3; S 105,37-38. 36U l-Mulej għamel li l-poplu jsib l-appoġġ tal-Eġizzjani u tawhom kulma talbuhom, u hekk neżżgħu lill-Eġizzjani.
It-tluq mill-Eġittu
37U wlied Iżrael telqu minn Ragħmses għal Sukkot, madwar sitt mitt elf raġel bil-mixi barra t-tfal.#Eż 33,1-6; Num 1,46; 33,3-5. 38U telgħet magħhom kotra kbira ta’ nies, u nagħaġ, u baqar u mrieħel kbar ħafna.#Num 11,4. 39U sajru mill-għaġna li kienu ħarġu mill-Eġittu ftajjar ażżmi, għax ma kellhomx ħmira, billi keċċewhom mill-Eġittu u ma setgħux joqogħdu jitnikkru u anqas iġibu x’jieklu magħhom. 40Ulied Iżrael damu jgħammru fl-Eġittu għal erba’ mija u tletin sena.#Ġen 15,13; Atti 7,6. 41U wara dawn l-erba’ mija u tletin sena, dak in-nhar stess li għalqu, ħarġu l-qtajja’ kollha tal-Mulej mill-Eġittu. 42Kienet lejla ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu; għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta’ sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel.
Il-liġi tal-Għid
43U l-Mulej qal lil Mosè u ’l Aron: “Din hi l-liġi tal-Għid: l-ebda barrani ma jista’ jiekol mill-ħaruf tal-Għid: 44imma l-ilsir li int tixtri bil-flus jista’ jiekol minnu wara li tagħmillu ċ-ċirkonċiżjoni. 45Ebda frustier li jkun għandek jew qaddej mikri ma jista’ jiekol minnu. 46Għandu jittiekel f’dar waħda; la toħorġux laħam minnu ’l barra mid-dar, u la tkissrulu ebda għadma minnu.#Num 9,12; Ġw 19,36. 47Il-ġemgħa kollha ta’ Iżrael għandha żżomm din il-liġi.#Num 9,14. 48U meta xi ħadd barrani jkun għandkom u jrid jagħmel l-Għid magħkom, kull raġel li jkollu miegħu jieħu ċ-ċirkonċiżjoni, u mbagħad jersaq għall-Għid tal-Mulej, u hekk ikun bħal wieħed li twieled fil-pajjiż; ebda bniedem bla ċirkonċiżjoni ma jista’ jieħu sehem fih. 49Liġi waħda jkun hemm sew għal min jitwieled fil-pajjiż, sew għal min ikun jgħammar f’nofskom.”#Lev 24,22; Num 9,14; 15,15-16.
50U hekk għamel il-poplu kollu ta’ Iżrael; kif il-Mulej ordna lil Mosè u lil Aron. 51U ġara li dak in-nhar stess il-Mulej ħareġ lil ulied Iżrael mill-art tal-Eġittu bil-qtajja’ kollha tagħhom.
Currently Selected:
EŻODU 12: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.