DANJEL BIL-GRIEG 9
9
Kapitlu 9
Danjel jitlob għall-poplu
1Fl-ewwel sena ta’ Dariju bin Assweru#9,1: Dariju bin Assweru: jidher li l-awtur ma kellux tagħrif ċar dwar l-imperu tal-Babiloniżi u l-ewwel żminijiet tal-imperu Medjo-persjan. Dariju ma kienx bin Assweru (486-465 QK) imma suċċessur ta’ Arses (338-336 QK)., min-nisel tal-Medi, li kien is-sultan tas-saltna tal-Kaldin,#Neħ 1,5-11; 9; Bar 1,2; Dan 3,25-33. 2fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu, jien, Danjel, fittixt fl-Iskrittura biex inkun naf in-numru tas-snin li, skont ma qal il-Mulej lill-profeta Ġeremija, kellhom jgħaddu fuq il-ħerba ta’ Ġerusalemm, jiġifieri, sebgħin sena#9,2: Sebgħin sena: il-profeta Ġeremija kien ħabbar li l-eżilju kellu jdum 70 sena, jiġifieri sakemm il-ġenerazzjoni eżiljata tilħaq tmut. It-tmiem ġie fis-sena 538 QK bir-rebħa ta’ Ċiru fuq il-Babilonja. L-awtur ta’ żmien is-Selewċidi jqis żmienu bħallikieku l-eżilju kellu jintemm wara sebgħin ġimgħa ta’ snin (490 sena), meta r-rebħa kellha tkun għal dejjem; ara il-v. 24..#Ġer 25,11; 29,10. 3Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi biex infittxu bit-talb umli tiegħi u bis-sawm, tfajt fuqi libsa tax-xkejjer u xerridt l-irmied fuq rasi. 4Tlabt lill-Mulej Alla tiegħi, stqarrejt u għedtlu: “Nitolbok, Sidi, Alla l-kbir u tal-biża’, li jżomm il-patt ma’ dawk li jħobbuh u jħarsu il-kmandamenti tiegħu,#Eż 34,6; Dt 7,9-21; Neħ 1,5. 5aħna dnibna, ġibna ruħna ħażin, għamilna d-deni, qomna kontra tiegħek, tbegħedna mill-kmandamenti u l-ġudizzji tiegħek,#1 Slat 8,47; Bar 1,17. 6ma smajniex mill-qaddejja tiegħek il-profeti, li f’ismek kellmu lis-slaten u lill-kapijiet tagħna, lil missirijietna u lill-poplu tal-art.#Ġer 7,25-26. 7Il-ġustizzja, o Sid, hija min-naħa tiegħek; iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-mistħija ta’wiċċna, ta’ wiċċ kull bniedem ta’ Ġuda, ta’ wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ta’ wiċċ kulħadd f’Iżrael, sew dawk li huma hawn magħna u sew dawk li huma mbiegħda fl-artijiet li fihom inti tturufnajthom minħabba l-qerq tagħhom kontrik.#Dt 28,64; Bar 1,15-16; Neħ 9,17. 8Għajb għal wiċċna, Mulej, għal wiċċ is-slaten u l-kapijiet tagħna, għal wiċċ missirijietna, li dnibna kontrik. 9Mingħand Alla Sidna l-ħniena u l-maħfra, għax aħna qomna kontrih, 10u ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna meta sejħilna biex nimxu skont il-liġijiet li hu qegħdilna quddiemna permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti.#Dt 28,15; Ġer 26,4. 11L-Iżraelin kollha kisru l-liġi tiegħek, daru lura biex ma jisimgħux leħnek, u għalhekk niżlet fuqna s-saħta u l-ħalfa li Mosè, il-qaddej ta’ Alla, kiteb fil-Liġi, għax aħna dnibna kontra Alla.#Lev 26,14-39; Dt 28,15-68. 12U hu għamel li sseħħ il-kelma li qal kontra tagħna u kontra l-imħallfin mexxejja tagħna, meta qal li jġib fuqna għawġ hekk kbir li bħalu qatt ma sar mis-sema ’l isfel kif sar f’Ġerusalemm. 13Dan l-għawġ waqa’ fuqna kollu, kif inhu miktub fil-Liġi ta’ Mosè, u b’danakollu aħna ma taffejniex il-korla tal-Mulej Alla tagħna, għax la dorna lura minn dnubietna u lanqas ġibna ruħna tajjeb skont is-sewwa tiegħek. 14U l-Mulej qagħad jistenna sa ma ġieb fuqna l-għawġ, għax il-Mulej Alla tagħna huwa ġust f’kulma għamel, u konna aħna li ma smajniex minnu.#Ġw 8,32; 1 Ġw 3,19. 15U issa, Alla Sidna, int li b’id setgħana ħriġt lill-poplu tiegħek mill-art tal-Eġittu u għamilt isem li għad għandek sal-lum, aħna dnibna u għamilna l-ħażin.#Eż 14,22; Dt 6,21; Ġer 32,20-21. 16Nitolbok, Sidi, f’ġieħ il-ġustizzja kbira tiegħek, raġġa’ lura l-korla u l-għadab minn fuq Ġerusalemm, il-belt tiegħek, il-muntanja qaddisa tiegħek, għax minħabba dnubietna u l-ħażen ta’ missirijietna Ġerusalemm u l-poplu tiegħek waqgħu għaż-żufjett ta’ dawk kollha ta’ madwarna. 17Isma’ mela, Alla tagħna, it-talba tal-qaddej tiegħek u s-supplika tiegħu, u għall-ġieħ tiegħek stess, Sidi, ixħet id-dawl ta’ wiċċek fuq is-santwarju tiegħek li sar ħerba waħda.#S 4,7; 44,14; Bar 2,14. 18Agħtini widen, Alla tiegħi, u ismagħni; iftaħ għajnejk u ara kif sirna ħerba, aħna u l-belt li ssemmiet għalik; is-supplika tagħna qegħdin irressquha quddiemek mhux għax aħna tajbin, imma għax int kbir fil-ħniena tiegħek.#2 Slat 19,16; Is 37,17; Ġer 25,29; Lam 5,18. 19Sidi, ismagħna; Sidi, aħfrilna; Sidi, agħtina widen u ddumx ma tagħmel xi ħaġa għalina, Alla tiegħi, għall-ġieħ tiegħek stess, għax int għandek ismek fuq il-belt u l-poplu tiegħek.”#S 40,18.
Il-profezija tas-sebgħin ġimgħa
20Kont għadni nitkellem, u nitlob, u nistqarr dnubi u dnub il-poplu tiegħi Iżrael; kont għadni rressaq is-supplika tiegħi quddiem il-Mulej Alla tiegħi għall-muntanja qaddisa ta’ Alla tiegħi; 21kont għadni nitkellem u nitlob, meta r-raġel Gabrijel, li rajt fid-dehra ta’ qabel, ittajjar bil-ħeffa u resaq lejja u messni f’ħin is-sagrifiċċju ta’ filgħaxija.#Eż 29,39; Dan 8,15-18; 10,9-11. 22U kellimni biex ifehemni, u qalli: “Danjel, jien issa ħriġt biex ngħarrfek u nfiehmek. 23Sa mill-bidu tas-supplika tiegħek ħarġet kelma, u jiena ġejt biex ngħarrafhielek, għax int għażiż. Ifhem il-kelma u kun af x’inhi d-dehra.#Dan 10,11-19.
24Hu maqtugħ li sebgħin ġimgħa#9,24: Sebgħin ġimgħa: ta’ snin, jiġifieri 490 sena. Ċifra simbolika li tfisser żmien twil, bla qjies. L-awtur jara l-inawgurazzjoni tas-saltna ta’ Alla bil-purifikazzjoni tat-tempju wara l-profanazzjoni tiegħu minn Antijoku IV. oħra
għad baqagħlu l-poplu tiegħek u l-belt qaddisa tiegħek
biex jintemm id-dnub,
tispiċċa l-ħtija,
u jitħallas il-ħażen,
biex imbagħad tiġi l-ġustizzja ta’ dejjem,
u jitqiegħed is-siġill fuq id-dehra u l-profeta,
u jkun ikkonsagrat il-Post il-Qaddis.#1 Kron 23,13; Is 53,11; Mt 3,16; Atti 10,38; Rum 3,24-26.
25Kun af u ifhem,
li minn meta ħarġet il-kelma#9,25: Minn meta ħarġet il-kelma: Din hi l-profezija tas-sebgħin ġimgħa ta’ snin, jiġifieri ta’ 490 sena mqassma hekk: l-ewwel żmien l-eżilju sakemm tfaċċa Ċiru, ikkonsagrat prinċep, li tahom il-ħelsien wara seba’ ġimgħat (49 sena) fis-sena 538 QK; it-tieni żmien ta’ 62 ġimgħa (434 sena) sakemm tfaċċa Antijoku IV Epifani u qatel lil Onija III, fis-sena 171 QK, il-prinċep li kellu jiġi; l-aħħar żmien ta’ ġimgħa (7 snin) tal-persekuzzjoni; profanazzjoni tat-tempju bl-istatwa ta’ Żews Olimpju, il-profanazzjoni u l-ħerba. Dawn iż-żewġ profeziji huma messjaniċi fis-sens tipoloġiku; ara 1 Mak 1,54.
biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm
sa ma jasal wieħed ikkonsagrat bħala prinċep,
għad iridu jgħaddu seba’ ġimgħat.
U fi tnejn u sittin ġimgħa
terġa’ tinbena għal darb’oħra,
bil-pjazez u l-fossijiet tagħha;
imma dan jiġri fi żmien ta’ diqa.#Esd 3,1-3.
26U wara t-tnejn u sittin ġimgħa,
wieħed ikkonsagrat jinqatel
għad li ma jkollux ħtija.
Il-poplu ta’ prinċep li għandu jiġi
għad iġarraf il-belt u s-santwarju;
tmiemu jsir b’għargħar ta’ ilma,
u jkun hemm gwerra sal-aħħar u ħerba,
kif ġie maqtugħ li jsir.
27Hu jidħol f’patt sħiħ ma’ ħafna#9,27: Ma’ ħafna: dawn kienu l-Lhud tradituri li marru mal-Griegi.
għal tul ta’ ġimgħa waħda,
u għal nofs ġimgħa jneħħi s-sagrifiċċju u l-offerta;
il-profanazzjoni u l-ħerba jaslu fil-quċċata tagħhom,
sa ma jseħħ kulma hu deċiż
u tissawwab il-korla fuq il-qerried.”#1 Mak 1,45-54; Dan 11,31-36; 12,11; Mt 24,15; Mk 13,14.
Currently Selected:
DANJEL BIL-GRIEG 9: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.