YouVersion Logo
Search Icon

2 TESSALONIKIN 3

3
Kapitlu 3
Itolbu għalina
1Mill-bqija, l-aħwa, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom.#Kol 4,3; 1 Tess 5,25. 2Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi 3iżda l-Mulej hu fidil; hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin#3,3: Mill-Ħażin: jew: mill-ħażen..#1 Kor 1,9; 1 Tess 5,24. 4Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom.#2 Kor 7,15-16; Gal 5,10; 1 Tess 4,10. 5Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu.
Tkunux għażżenin
6L-aħwa, fl-isem tal-Mulej Ġesù Kristu nordnawlkom li żżommu ruħkom ’il bogħod mill-aħwa kollha li jgħixu fl-għażż u li mhumiex jimxu skont it-tradizzjoni li ħadtu mingħandna.#Rum 16,17. 7Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom;#Fil 3,17; 1 Tess 1,6. 8il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom.#1 Kor 4,12; 1 Tess 2,9. 9Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu.#Mt 10,10; 1 Kor 4,16; 9,4-6; 1 Tess 1,6. 10Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. 11Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn.#1 Tim 5,13. 12Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.#Ef 4,28; 1 Tess 4,11. 13U intom, l-aħwa, agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew.#Gal 6,9. 14Jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li ma jagħtix widen għall-kliem li qiegħed ngħidilkom f’din l-ittra, immarkawh u nqatgħu minnu, ħalli jistħi;#1 Kor 5,9-11. 15mhux li tħarsu lejh bħala għadu, imma li twiddbuh bħala ħukom.#1 Tess 5,14.
Il-barka tal-aħħar
16Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f’kollox. Il-Mulej magħkom ilkoll.#Rum 15,33; 1 Tess 5,23. 17Din hi t-tislima tiegħi b’idi stess, Pawlu; din hi l-firma f’kull ittra tiegħi kif nikteb jien.#1 Kor 16,21. 18Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom ilkoll.

Currently Selected:

2 TESSALONIKIN 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in