2 MAKKABIN 8
8
Kapitlu 8
L-ewwel rebħiet ta’ Ġuda (166-165 QK)
1Ġuda l-Makkabi u dawk li kienu miegħu daħlu bil-moħbi fl-irħula u bdew isejħu lil nieshom; u sejħu lil dawk li baqgħu fidili għall-Ġudaiżmu sa ma ġemgħu sitt elef ruħ.#3,10-26; 2 Mak 5,27. 2U talbu lill-Mulej li jħares fuq il-poplu maħqur minn kulħadd; li jkollu ħniena mit-tempju mkasbar minn nies midgħajja; 3li jitħassar il-belt imħarbta u li kienet għoddha ġġarrfet; li jagħti widen għad-demm li qiegħed jitlob vendetta quddiemu;#Ġen 4,10. 4li jiftakar ukoll fil-qerda kiefra tat-trabi bla ħtija, u fid-dagħa li sar kontra ismu; u li juri l-mibegħda tiegħu kontra l-ħażen.
5Il-Makkabi f’ras it-truppi tiegħu ħadd mill-Ġentili ma sata’ jiqaflu, għax għadab il-Mulej inbidel fi ħniena.#1 Mak 3,3-9. 6Kien jinxteħet fuq bliet u rħula għal għarrieda u jagħtihom in-nar; jaħtaf f’idejh l-aħjar postijiet u jħarrab mhux ftit mill-għedewwa; 7u għal dawn l-ispedizzjonijiet l-aħjar li kien isib kien il-lejl. Il-fama tal-ħila tiegħu xterdet ma’ kullimkien.
8Meta Filippu#8,8: Filippu: gvernatur ta’ Ġerusalemm; ara 5,22. ra li dal-bniedem ftit ftit kien miexi ’l quddiem, u li kien qiegħed jitqawwa dejjem iżjed minħabba r-rebħiet tiegħu, kiteb lil Tolemew, il-gvernatur taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, biex jieħdu ħsieb l-interessi tas-sultan.#1 Mak 3,38—4,25. #2 Mak 4,45. 9Dan minnufih għażel lil Nikanor bin Patroklu, wieħed mill-ħbieb ewlenin tas-sultan, u bagħtu b’mhux anqas minn għoxrin elf suldat minn kull ġens biex jeqred in-nisel kollu tal-Lhud. Bagħatlu wkoll miegħu l-ġeneral Gorġja, bniedem ta’ esperjenza kbira fis-sengħa tal-gwerra.#1 Mak 2,18; 3,38; 7,26.
10Nikanor kellu f’rasu li jiġbor elfejn talent mill-bejgħ tal-ilsiera Lhud billi s-sultan kellu jagħti t-tribut lir-Rumani.
11Għalhekk bagħat jistieden lill-ibliet tax-xtajta biex jixtru l-ilsiera Lhud u wegħedhom li jagħtihom disgħin wieħed għal kull talent, bla ma qagħad iġib quddiem għajnejh il-ġudizzju li kien hemm lest għalih mingħand Alla li jista’ kollox.
12Malli Ġuda sar jaf bl-avvanzata ta’ Nikanor, għarraf lin-nies tiegħu bil-wasla tal-eżerċtu. 13Il-beżżiegħa u dawk li ma kinux jafdaw fil-ġustizzja ta’ Alla ħarbu u tbiegħdu mill-post. 14L-oħrajn biegħu kulma kien baqgħalhom, u fl-istess ħin talbu lill-Mulej biex jeħles lil dawk li dak ix-xellerat ta’ Nikanor kien diġà biegħ qabel ma bdew jissieltu. 15Jekk ma jismagħhomx minħabba fihom infushom, għallinqas jismagħhom f’ġieħ il-patt ma’ missirijiethom u f’ġieħ l-isem il-qaddis u kbir tiegħu li minnu ħadu isimhom.
16Ġuda l-Makkabi, imbagħad, ġabar madwaru n-nies tiegħu, sitt elef ruħ b’kollox, u ħeġġiġhom biex ma jibżgħux quddiem l-għedewwa, u lanqas ma jaqtgħu qalbhom quddiem il-kotra tal-ġnus, li inġustament kienu riesqa għal fuqhom, imma għandhom jissieltu ta’ rġiel 17u jżommu quddiem għajnejhom il-vjolazzjoni sagrilega li għamlu kontra l-post imqaddes, u ż-żebliħ tal-belt imħarbta, u t-tneħħija tad-drawwiet ta’ missirijiethom.
18“Huma jafdaw fl-armi u fil-qlubija tagħhom,” qalilhom, “imma aħna nafdaw f’Alla li jista’ kollox, li jista’ jeqred b’nifs wieħed lil dawn li ġejjin għalina u d-dinja kollha.”#1 Sam 17,45; S 20,7. 19Fakkarhom f’kemm-il darba Alla għen lil missirijiethom, kif fi żmien Sanħerib kienu nqerdu mija u ħamsa u tmenin elf raġel,#2 Slat 19,35; 2 Mak 15,22; Is 37,36. 20u fit-taqbida li saret fil-Babilonja kontra l-Galatin, meta l-Lhud, tmint elef ruħ b’kollox, bl-għajnuna ta’ erbat elef Maċedoni, marru għat-taqbida; u meta l-Maċedonin sabu ruħhom fit-tiġrib, it-tmint elef, bl-għajnuna tas-sema, qerdu mija u għoxrin elf mill-għadu, u qabdulhom priża kbira.
21B’dan il-kliem qawwielhom qalbhom u ħejjiehom biex imutu għal-liġijiet u għal art twelidhom; imbagħad qassam l-eżerċtu f’erba’ taqsimiet, 22u qiegħed lil ħutu, Xmun, Ġużeppi, Ġonatan, kapijiet fuqhom, wieħed għal kull taqsima b’elf u ħames mitt ruħ kull waħda. 23Imbagħad qal lil Elgħażar jaqra l-Ktieb Imqaddes u tahom il-kelma tal-qaddis: “Bl-għajnuna ta’ Alla”, u hu stess mar f’ras l-ewwel taqsima u ħabat għal Nikanor.#1 Mak 3,48.
24Bl-għajnuna ta’ Dak li jista’ kollox li kien magħhom qatlu aktar minn disat elef ruħ, darbu u qattgħu bċejjeċ il-biċċa l-kbira tal-eżerċtu ta’ Nikanor, u ġagħluhom jaħarbu lkoll. 25Qabdu f’idejhom il-flus ta’ dawk li kienu ġew biex jixtruhom; u għamlu għal warajhom għal triq twila, imma kellhom jerġgħu lura minħabba li kien daħal il-ħin, 26u ma baqgħux jitbiegħdu aktar għal warajhom għax kien lejlet is-Sibt. 27Imbagħad ġabru l-armi u neżżgħu l-għedewwa milli kellhom fuqhom, iċċelebraw is-Sibt, ibierku u jfaħħru lill-Mulej kemm jifilħu talli salvahom dakinhar u beda juri l-ħniena magħhom. 28Meta għadda s-Sibt qassmu biċċa mill-priża lill-midrubin, lir-romol u lill-iltiema, u l-bqija qassmuh bejniethom u bejn uliedhom. 29Meta temmew dan kollu, talbu lkoll flimkien lill-Mulej ħanin li jitħabbeb mill-ġdid għalkollox mal-qaddejja tiegħu.
Kontra Timotju u Bakkidi
30Tqabdu wkoll mat-truppi ta’ Timotju u Bakkidi, u minnhom qerdu aktar minn għoxrin elf ruħ; u mbagħad ħatfu f’idejhom fortizzi fl-għoli u qassmu priża kbira bejniethom: u taw sehem daqs tagħhom lill-midrubin, lill-iltiema, lir-romol u lix-xjuħ ukoll.#1 Mak 7,8. 31Imbagħad ġabru l-armi tal-għedewwa, qiegħdu kollox bil-galbu f’postijiet żguri, u ħadu l-bqija tal-priża Ġerusalemm. 32Qatlu wkoll lill-fizzjal tal-għases ta’ madwar Timotju, bniedem mill-agħar, li għamel ħsara kbira lil-Lhud. 33Imbagħad, meta kienu qegħdin jagħmlu l-festa tar-rebħa f’art twelidhom, ħarqu ħajjin lil dawk li kienu taw in-nar lill-bibien imqaddsa, u magħhom lil Kallisteni, li lkoll kienu ħarbu f’daqsxejn ta’ dar; u hekk dan ukoll ħa l-ħlas li kien ħaqqu għall-ħażen tiegħu.
Nikanor jitlef ġieħu
34Nikanor, dak il-midneb fuq li midneb, li kien ġieb miegħu elf neguzjant biex jixtru l-Lhud,#1 Mak 7,26; 2 Mak 8,23-24. 35ġabuh fix-xejn bl-għajnuna tal-Mulej dawk stess li hu ma kien iqishom xejn. Kellu jneħħi minn fuqu l-ilbies għani u sabiħ, u jaħrab waħdu minn qalb ir-raba’, bħallikieku kien xi lsir maħrub; u kellu xorti li wasal Antjokja wara li ma kien irnexxielu xejn ħlief li jeqred l-eżerċtu tiegħu. 36Hekk dak li kien wiegħed li jħallas it-tribut lir-Rumani minn fuq l-ilsiera minn Ġerusalemm, issa beda jxerridha li l-Lhud kellhom min jaqbeż għalihom, u ħadd ma kien jista’ għalihom, għax huma kienu jħarsu l-liġijiet li kien tahom Alla stess.
Currently Selected:
2 MAKKABIN 8: MB20
Highlight
Copy
Compare
Share
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.