YouVersion Logo
Search Icon

2 MAKKABIN 11

11
Kapitlu 11
Ir-rebħa fuq Lisja (165 QK)
1Ftit taż-żmien biss wara, Lisja, qarib is-sultan u tutur tiegħu, u inkarigat mill-amministrazzjoni, ma felaħx aktar għal li ġara.#1 Mak 4,26-35. 2Ġabar madwar tmenin elf ruħ u l-kavallerija kollha u ħareġ għal-Lhud bil-ħsieb li jgħammar il-belt bil-Griegi, 3jgħabbi t-tempju bit-taxxi bħas-santwarji l-oħra tal-ġnus, u jirkanta kull sena l-kariga ta’ qassis il-kbir. 4Ma qies xejn il-qawwa ta’ Alla, minfuħ kif kien bl-eluf kbar tal-fanterija, bl-eluf tal-kavallerija, u bit-tmenin iljunfant li kellu. 5Daħal fil-Lhudija, u qorob lejn Betsur, belt iffortifikata tajjeb, xi ħames stadji#11,5: Stadju kien madwar wieħed minn ħamsa ta’ kilometru. Xi ħames stadji, mela, kienu jagħmlu xi 1.5 km. ’l bogħod minn Ġerusalemm, u assedjaha. 6Meta n-nies tal-Makkabi saru jafu li kien qiegħed jassedja l-fortizzi tagħhom, huma u l-kotra bdew jitolbu, inewħu u jibku, quddiem il-Mulej, biex jibgħat anġlu tajjeb għas-salvazzjoni ta’ Iżrael.#Eż 23,20. #S 7,11.
7Il-Makkabi mbagħad qabad hu l-ewwel wieħed l-armi u beda jħeġġeġ lill-oħrajn biex flimkien miegħu jtarrfu ħajjithom u jgħinu lil ħuthom; u hekk ħarġu flimkien kollhom ħeġġa.#1 Mak 5,36-54. 8Kif kienu għadhom ħdejn Ġerusalemm, dehrilhom kavallier liebes l-abjad, miexi u jvenven l-armi tad-deheb quddiemhom.#2 Mak 3,24-26; 5,2-3; 10,29-30. 9Ilkoll flimkien bdew ifaħħru lil Alla l-ħanin, qawwew qalbhom u ħejjew ruħhom biex jaħbtu, mhux biss għan-nies iżda wkoll għall-bhejjem feroċi u s-swar tal-ħadid. 10Baqgħu javanzaw imqassmin għat-taqbida bl-alleat mis-sema magħhom, għax Alla ħenn għalihom.#1 Mak 5,24-54. 11Ħebbew għall-għedewwa bħal iljuni u meddew minnhom fl-art ħdax-il elf ruħ u elf u sitt mitt kavallier, u l-bqija ħarrbuhom. 12Il-biċċa l-kbira tagħhom baqgħu midruba iżda ħelsuha għerja. Lisja stess ħelisha b’ħarba bla ġieħ.
13Imma hu, billi qagħad jaħseb bejnu u bejn ruħu fuq it-telfa li ġarrab u billi ma kienx iblah, fehem li l-Għebrej ħadd ma kien jista’ għalihom, la darba kellhom magħhom l-għajnuna ta’ Alla.#1 Mak 6,57-61. 14Għalhekk bagħat iħajjarhom jiftiehmu bejniethom b’kondizzjonijiet xierqa, u wegħedhom li jipperswadi u jġiegħel lis-sultan jagħmel ħbieb magħhom. 15Il-Makkabi, li kellu fi ħsiebu l-ġid ta’ kulħadd, qagħad għal kulma talab Lisja. Kulma l-Makkabi talab bil-miktub lil Lisja dwar il-Lhud, is-sultan tahulu.#Ġoż 6; Lhud 11,30.
L-ittri uffiċjali (164 QK)
16L-ittra miktuba minn Lisja lil-Lhud kienet tgħid hekk: “Lisja lill-poplu Lhudi, sliem!
17“Ġwanni u Absalom, li intom bgħattu għandi, tawni din l-ittra kkupjata hawnhekk u talbuni nwettaq kulma fiha.#1 Mak 5,13. 18Jiena għarraft lis-sultan b’kulma kien jeħtieġ jitressaq quddiemu, u hu takom dak li sata’ jagħtikom. 19Jekk intom, mela, tkunu leali lejn l-imperu, jiena nfittex naqlgħalkom benefiċċji għal li ġej. 20Ordnajt ukoll lil dawk mibgħutin minnkom u minni li jitħaddtu magħkom fuq dawn il-ħwejjeġ, fl-irqaqat kollha. 21Saħħa. Is-sena 148, nhar l-erbgħa u għoxrin tax-xahar ta’ Dijoskorintu#11,21: Is-sena 148; fl-erbgħa u għoxrin tax-xahar Dijoskorintu: Frar/Marzu tas-sena 164 QK..”
22U l-ittra tas-sultan kienet tgħid hekk:
“Is-sultan Antijoku lil ħuh Lisja, sliem. 23Wara li missierna ttieħed għand l-allat, irridu li n-nies tas-saltna jieħdu ħsieb ħwejjiġhom bla tfixkil. 24Smajna li l-Lhud ma jridux jaqilbu għad-drawwiet tal-Griegi, bħalma kien jixtieq missierna, imma għażlu li jżommu d-drawwiet tagħhom u talbu għalhekk li nħalluhom jgħixu skont il-liġijiet tagħhom. 25Billi aħna rridu li dan il-poplu wkoll jgħix fil-kwiet, iddeċidejna li t-tempju jingħatalhom lura u li jkunu ggvernati skont il-liġijiet ta’ missirijiethom. 26Tagħmel tajjeb mela jekk tibgħat tiftiehem magħhom u hekk ikunu jafu bil-fehma tagħna, jifirħu u jagħtu ruħhom minn qalbhom biex jieħdu ħsieb ħwejjiġhom.”
27U din kienet l-ittra tas-sultan lill-poplu: “Is-sultan Antijoku lill-Kunsill tal-Lhud u lil-Lhud l-oħra, sliem. 28Jalla tinsabu tajbin, bħalma nixtiqukom, kif ninsabu aħna wkoll. 29Menelaw għarrafna li intom tridu terġgħu tmorru lura lejn djarkom. 30Mela dawk li jitilqu sat-tletin tax-xahar ta’ Ksantiku jkollhom is-sliem bl-assigurazzjoni 31li l-Lhud iżommu d-drawwiet tagħhom dwar l-ikel u jimxu skont il-liġijiet tagħhom bħal qabel, u ħadd minnhom b’ebda mod ma jkun imħabbat għal li sata’ naqas fl-imgħoddi bla ma kien jaf.#Dt 16,9-10; 2 Kron 8,13. 32Bgħattilkom ukoll lil Menelaw biex isserrħilkom raskom. 33Saħħa. Is-sena 148, nhar il-ħmistax tax-xahar ta’ Ksantiku#11,33: Is-sena 148, nhar il-ħmistax tax-xahar ta’ Ksantiku: Marzu/April tas-sena 163 QK.”
34Ir-Rumani wkoll bagħtulhom ittra li kienet tgħid hekk:
“Kwintu Memmju u Titu Manju, ambaxxaturi tar-Rumani, lill-poplu Lhudi, sliem. 35Dwar dak li takom Lisja qarib tas-sultan naqblu aħna wkoll. 36Għal dak li hu deherlu li kellu jressaq quddiem is-sultan, aħsbuha sewwa fuqu, u ibagħtu lil xi ħadd malajr, biex aħna mbagħad nagħmlu li jaqblilkom, għax aħna sejrin Antjokja. 37Għalhekk fittxu ibagħtu lil xi wħud biex aħna nkunu nafu kif taħsbuha. 38Saħħa.
“Is-sena 148, nhar il-ħmistax tax-xahar ta’ Ksantiku.”

Currently Selected:

2 MAKKABIN 11: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in